-
Skola Santa Monika, Birkirkara
10 ta’ Ottubru 2014
Alla l-imbierek ħalaq id-dinja b’ħafna mħabba. Huwa ried li d-dinja tkun tista’ titmexxa skont il-pjan tiegħU għal ġid tal-bnedmin uliedu. Ried li jkun hemm armonija bejn il-bnedmin. B’xorti ħażina dan ma seħħx. Għalhekk bagħat lil Ibnu biex jgħallima ngħixu skont il-pjan tiegħu, u Ġesù waqqaf saltna ta’ ġustizzja u paċi mibnija fuq l-imħabba.
Fost dak kollu li għallimna Ġesù nsibu li d-dinja tista’ timxi ‘l quddiem jekk aħna l-bnedmin nfittxu mhux dak li jifridna, imma dak li jgħaqqadna. Huwa stess qalilna li ġie fostna mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Lill-Appostli li fuqhom bena l-Knisja tiegħu, ħaslilhom riġlejhom biex jurihom kif għandha tkun l-attitudni tagħhom fil-bini tal-Knisja.
Ġesù Kristu ried li l-qadi jkun wieħed mill-karratteristiċi ewlenin tal-Knisja tiegħu. Il-missjoni tal-Knisja hi li taqdi fix-xandir tal-Bxara t-Tajba u li tieqaf ma’ min hu fil-bżonn. Għalhekk nitgħallmu li l-membri tal-Knisja huma mogħnija bis-saċerdozju universali. La l-Knisja għandha l-missjoni li tkun pont bejn Alla u l-bniedem, billi twassal lill-bnedmin l-imħabba tiegħu, allura l-imgħammdin kollha għandhom sehem f’din il-missjoni. Dan hu s-saċerdozju universali li fih għandhom sehem l-Insara kollha. L-Insara kollha mela, għandhom il-missjoni li jaqdu kif jagħmel Sidna Ġesù Kristu.
Il-Knisja hi mogħnija b’dan l-Ispirtu ta’ qadi, u dan narawh sa mill-ewwel waqtiet tal-eżistenza tagħha. Fl-Atti tal-Appostli naraw li l-Appostli kienu nkwetati għaliex kien hemm min qed ilumhom fuq it-tqassim tal-ikel biex jgħinu lil min hu fil-bżonn. Huma qablu li ż-żewġ forom ta’ qadi huma mportanti, kemm ix-xandir tal-Bxara t-Tajba, kif ukoll il-qadi fil-karità lejn min hu fil-bżonn. L-Appostli ħassew li billi huma semgħu x-Xandir tal-Kelma direttament mingħand Kristu nnifsu, ma jistgħux iħallu dan il-ministeru. Għalhekk, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, iddeċidew li jagħżlu sebat’irġiel ta’ fama tajba biex jgħinuhom fil-missjoni l-oħra li jqassmu l-karità lil min hu fil-bżonn. Dawn ġew imsejħa Djakni, kelma bil-Grieg li tfisser ‘qadi’.
Għalkemm l-ewwel ħidma ta’ dawn id-Djakni kienet li jqassmu l-karità, fl-Atti tal-Appostli naqraw li tnejn minnhom kienu jaqdu wkoll billi jwasslu l-Kelma t’Alla. Dawn kienu Stiefnu, li miet martri, u Filippu li nsibuh jispjega silta mill-ktieb tal-Profeta Iżaija lil wieħed mill-Etjopja. Dan ifisser li missjoni tad-Djakni kienet tolqot iż-żewġ missjonijiet tal-Knisja.
Maż-żmien, id-Djakonat sar grad mis-Sagrament tal-Ordni Sagri, mal-presbiterat u l-episkopat. It-tlieta għandhom rwoli differenti fil-Knisja, iżda maż-żmien id-Djakonat beda jfisser biss tarġa qabel il-presbiterat. Wara l-Konċilju Vatikan t-Tieni, id-Djakonat ingħata l-post li jixraqlu fil-ħidma tal-Knisja b’ministeru partikulari. Għalhekk beda jissemma d-Djakonat Permanenti, u mhux sempliċiment djakonat għall-perjodu qasir qabel il-presbiterat, għaliex id-djakni kollha kienu jsiru saċerdoti. Id-deċiżjoni dwar jekk id-Djakonat jingħatax bħala ministeru permanenti ġiet mħallija f’idejn kull djoċesi.
Kif kulħadd jaf, s’issa id-Djoċesi tagħna għad m’għandiex id-Djakonat Permanenti. Iżda jien nħoss li għandna nintroduċu dan il-ministeru fid-Djoċesi tagħna. Dan mhux għaliex qed jonqsu l-vokazzjonijiet, iżda għaliex hekk tidher aktar ir-rikkezza tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.
Il-Missjoni tad-Djaknu Permanenti hi vokazzjoni. Mhux inti tagħżel li ssir Djaknu Permanenti, imma Alla jsejjaħlek għal dan il-Ministeru u inti tgħidlu iva. Għalhekk bħal fil-każ tal-presbiterat, dawk l-irġiel li jitolbu biex isiru Djakni Permanenti jridu jgħaddu minn proċess ta’ dixxerniment dwar il-vokazzjoni tagħhom, kif wkoll minn screening. Jekk ikunu miżżewġin, jkunu jenħtieġu l-kunsens tal-mara tagħhom, ovvjament.
Min jiġi aċċettat għal dan il-ministeru jkun irid jagħmel żmien ta’ formazzjoni, li jieħu madwar tliet snin. Id-djaknu ma jkunx marbut ma’ parroċċa, izda direttament mal-Isqof tad-Djoċesi, biex jgħin direttament lili, jew iservi fil-parroċċi u f’ħidmiet oħrajn skont l-esiġenzi tad-Djoċesi.
Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni ġew introdotti forom oħra ta’ qadi fil-Knisja li bdew jissejħu Ministeri Lajkali. Jissejħu lajkali, għax billi dawn ma jirċevux is-Sagrament tal-Ordni Sagri, jibqgħu lajċi. Dawn huma persuni, irġiel u nisa, li jirċievu mandat mill-Isqof biex imexxu jew jgħinu f’xi qasam speċifiku tal-Knisja, bħalma hu t-tagħlim tal-katekiżmu, għajnuna fil-parroċċa jew fl-isptarijiet. Ovvjament, hemm diġa ħafna nsara li jagħmlu din il-ħidma volontarjament, imma fil-Ministeri Lajkali, l-Insara jirċievu l-mandat direttament mingħand l-isqof biex jeżerċitaw dan il-ministeru. Id-Djakni permanenti ma jibqgħux lajċi għax isiru kjeriċi billi jirċievu s-Sagrament tal-Ordni Sagri.
Għalhekk wara snin ta’ riflessjoni u konsultazzjoni wiesa’ jidhirli li wasal iż-żmien biex nibdew il-proċess li għadni kemm spjegat ħalli fid-Djoċesi tagħna jibdew jiġu ordnati d-Djakni Permanenti, u jibdew jingħataw il-Ministeri Lajkali.
Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna u jimliena bil-grazzja tiegħu ħalli nissieħbu f’dan il-ministeru ta’ qadi lill-bnedmin ħutna fil-Knisja, skond is-sejħa tiegħU, bl-imħabba u bil-ġenerożità.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta