-
Mandela: Long Walk to Freedom
-
****
Direttur: Justin Chawick
Atturi: Idris Elba, Naomie Harris, Tony Kgoroge, Terry Pheto, Riadd Moosa, Jennie Bartlett, Deon Lotz, Zolani Mkiva u Fana Mokoena
Ħin tal-film: 146 min.
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Film li hu msejjes fuq il-awtobijografija ta’ Nelson Mandela stess, jurina t-triq twila li l-poplu Sud-Afrikan kellu jgħaddi minnha biex jikseb il-ħelsien sħiħ minn sistema ripressiva tal- Apartheid fejn il-bojod ħadu supremazija assoluta fuq is-suwed, b’diskriminazzjoni miftuħa u inġusta. Il-film jurina l-qawwa kbira morali u l-kuraġġ ta’ raġel li rrnexxielu jkisser din is-sistema: Nelson Mandela li ħadem bla heda b’sagrifiċċju kbir personali biex jeħles il-poplu Sud Afrikan. Fil-bidu tal-film naraw x’ġara fl-ewwel żwieġ tiegħu li tkisser minħabba li martu ma kinitx lesta li taċċetta l-fatt li r-raġel tagħha kien qiegħed ikun tant imbiegħed għal tant ħin mill-familja, familja b’erbgħat itfal. Mandela kien ħa f’idejh it-tmexxija tal-moviment kontra l-Apartheid, l-ANC, u beda jiffoka wisq fuq il-moviment għaliex ħass li kien wasal iż-żmien li jgħaddu għal azzjoni. Riżultat ta’ dan, it-tfal bdew isoffru n-nuqqas tiegħu. Iżda Mandela kien determinat li jkompli l-ġlieda għall-ħelsien akkost ta’ kollox. Wara d-divorzju mill-ewwel mara, Mandela tefa’ għajnejh fuq Winnie, li minnha kellu żewġ ibniet. Winnie tat l-appoġġ kollu tagħha għalkemm il-familja, speċjalment it-tfal, soffrew in-nuqqas tal-presenza tiegħu. Il-problema kompliet tikber meta Mandela ġie kkundannat il-ħabs għal għomru minħabba li l-moviment l-ANC irrikorra għal sabotaġġi ta’ postijiet strateġiki . Riżulat ta’ din is-sentenza, Mandela u sħabu kienu miżmuma ’l bogħod mill-familja taghhom għal tant snin. Mandela stess qatta’ 27 sena ħabs, 18 –il sena minnhom fuq il-Gzira Robben. Ma kienux faċli għalihom ’l bogħod minn marthom u uliedhom. Il-ħajja fil-ħabs kienet iebsa u mumenti ta’ tbatija u kefrija. Il-film iwassalna sakemm Mandela u sħabu ġew meħlusa mill-ħabs wara taħditiet twal mal-gvern Sud-Afrikan, li ma kellux wisq alternativa ħlief li jċedi l-poter lis-suwed.Film interessanti ħafna u maħdum tajjeb iżda ma jurix biżżejjed il-verita` kollha tal-ħruxija u l-inġustizzji li twettqu minn reġim tant krudil kontra l-maġġoranza assoluta tas-suwed. Minħabba l-vjolenza, trattament inuman lill-ħabsin, xi xeni ta’ adulterju u mġieba xejn korretta, kif ukoll kliem goff u baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.