-
-
****
Direttur: Robert Stromberg
Atturi: Angelina Jolie, Sharlto Copley, Elle Fanning, Sam Riley, Imelda Staunton, Juno Temple u Lesley Manville
Ħin tal-film: 97 min.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12AMaleficent, tfajla ħelwa, tgħix ġewwa foresta fis- sliem, qrib saltna li ma kien jonqosha xejn sakemm jum wieħed, armata tinvadi lil din is-saltna u tħarbat l-armonija li kienet tirrenja fiha. Maleficent li kellha qawwa maġika, tant li anke kellha ġwienah li kienet tista’ ttir, ħasset il-ħtieġa li tieħu azzjoni u tħares is-saltna bħala l-Protettriċċi ta’ pajjiżha. Iżda dan l-involviment ġabilha ħafna nkwiet meta dak li ħasbet li kien qiegħed juri mħabbtu lejha, Stefan, ittradiha biex ikun jista’ jired is-saltna tar-Re Henry. Stefan jiddroga lil Maleficent u meta din kienet storduta, neħħilha l-ġwienah b’riżultat diżastruż għal qawwa maġika li kienet tgawdi. Maleficent minn tfajla ta’ qalb tajba u ħelwa tinbidel mill-lejl għan-nhar, b’qalb tal-ġebel u vendetta kontra Stefan li issa sar ir-Re. Maleficent titfa’ saħta fuq it-tarbija li Stefan kien għadu kemm kellu minn martu, Leila, it-tifla tar-Re Henry li kien għadda r-renju tiegħu lil Stefan wara mewtu. Aurora, it-tifla tas-sultan Stefan minħabba s-saħta li kellha fuqha minn Meleficent, tintbagħat il-bogħod mill-palazz taħt il-ħarsien ta’ tliet sħaħħar: Knotgrass, Thislewit u Flittle biex sakemm Aurora jkollha sittax –il sena, tkun imħarsa mis-saħta li Maleficent tefgħet fuqha. Aurora tikber u ssir tfajla ħelwa u ta’ qalb tajba. Meleficent tibda tintebaħ li Aurora kellha l-potenzjal li ġġib paċi fis-saltna u li wara kollox hi wkoll terġa’ ssib is-serħan u l-paċi f’qalbha. X’jiġri hekk kif Aurora qegħda toqrob li tagħlaq is-sittax –il sena?
Film bi 3D li jerġa’ jġib fuq il-liżar taċ-ċinema l-istorja klassika: Sleeping Beauty (1959) li Walt Disney kien ħadem għal fuq l-iskrin, din id-darba maħdum b’sengħa kbira u b’effetti tajbin ħafna. Joħroġ tajjeb il-messagg li l-gilba għal poter kif ukoll vendetta, ma jħallu frott xejn anżi għal oppost, jagħmluk skjav ta’ għemielek .Minħabba xi xeni li jistgħu jimpressjonaw lit-tfal żgħar, ikun tajjeb li dawn ikunu akkompanjati minn xi adult.