Matul ix-xahar ta’ April, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jkompli jiċċelebra l-quddies ta’ matul il-ġimgħa kif ukoll nhar ta’ Ħadd. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed jixxandru fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. 

Il-quddies organizzat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta qed jixxandar: 

  • Mit-Tnejn sas-Sibt fid-9:30 a.m., mill-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Wara l-quddiesa tingħad it-talba tar-rużarju li tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt, u Facebook u YouTube tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 
  • Kull nhar ta’ Ħadd fid-9:30 a.m., tiġi ċċelebrata quddiesa fuq TVM, fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt, u Facebook u YouTube tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

F’dawn il-ġranet Monsinjur Arċisqof se jiċċelebra l-quddies f’dawn il-knejjes: 

Il‑Ħadd li ġej, 2 ta’ April, fis‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑Passjoni tal‑Mulej fejn jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Mattew.

Il‑Ħamis, 6 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid-9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra t-Talba ta’ Nofs il-Jum. Din mhux se tixxandar. Fid‑9:30 a.m. jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma. F’din il‑quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu fl‑ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis‑6:00 p.m., issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej, fejn fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il‑quddiesa, l‑Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni għall‑qima tal‑Insara.

Il‑Ġimgħa, 7 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑3:30 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑adorazzjoni tas‑salib u t‑tqarbin. Din tixxandar fuq Radju 103Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Is‑Sibt, 8 ta’ April, Sibt il‑Għid, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑8:00 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u tkompli bil‑liturġija tal‑Kelma, il‑liturġija tal‑magħmudija, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ‑ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill‑adulti. Din tixxandar fuq TVMNews+ (flok TVM).

Il‑Ħadd, 9 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej.

L-Erbgħa, 12 ta’ April, Jum San Girgor,  fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi pellegrinaġġ fit-toroq taż-Żejtun.

Is- Sibt, 15 ta’ April, fis-6 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa flimkien mal-Isqof ta’ Caltagirone Calogero Peri fl-okkażjoni tal-ġemellaġġ bejn l-Imdina u Caltagirone, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

Il-Ħadd, 16 ta’ April, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa mis-Santwarju tal-Ħniena Divina, in-Naxxar. Din tixxandar fuq Radju 103Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Is-Sibt 22 ta’ April, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra ordinazzjoni djakonali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din tixxandar fuq  Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il-Ħadd, 23 ta’ April, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-festa ta’ San Pubbliju fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pubbliju, il-Furjana.

Il-Ħadd, 30 ta’ April, fid‑9:30 a.m., f’Jum il-Vokazzjonijiet, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, fis-Seminarju tal-Virtù r-Rabat. Din tixxandar fuq Radju 103Knisja.mt u Newsbook.com.mt.