-
-
*****
Direttur: Garth Davis
Atturi: Dev Patel, Sunny Pawar, Rooney Mara, David Wenham, Nicole Kidman, Abhishek Bharate, Divian Ladwa u Priyanka Bose
Ħin tal-Film: 118 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Saroo, tifel Indjan ta’ ħames snin, jmur wara ħuh Guddu hekk kif dan kien sejjer għax-xogħol. Meta jaslu ġewwa stazzjon tat-tren, Saroo jigi mitlub minn Guddu biex jistennieh sakemm jiġi lura, iżda Guddu ma jiġi qatt. Saroo jitla’ fuq tren biex ifittex lil ħuh hemm iżda waqt it-tfittxija, it-tren titlaq mill-istazzjon, tren li fil-fatt kienet bla nies fuqha sejra lejn Kalkutta, xi 1200 kilometru minn fejn kien joqgħod Saroo. F’Kalkutta, hu jsib ruħu bħal ħuta barra mill-ilma għaliex f’din il-belt kbira kienu jitkellmu bil-Bengal. Saroo jipprova jaqta’ biljett biex imur lura iżda l-informazzjoni li kellu ma kinitx korretta u għalhekk spiċċa fit-triq. Meta jiltaqa’ ma’ Noor, mara twajba, din tieħdu d-dar tagħha tgħidlu li raġel kien sejjer jgħinu iżda Saroo jaħrab mid-dar u jispiċċa għal darb’oħra barra fit-triq fejn hemm jiġbru raġel u jieħdu l-għassa tal-pulizija. Hawn jispiċċa f’dar għat-tfal abbandunati. Jgħaddu tliet xhur u wara tfittxija intensiva madwar il-belt ma nstab xejn fuqu, Mrs. Sood li kienet tmexxi aġenzjia mhux governativa, tgħid lil Saroo li kien hemm famija ġewwa Tasmania, fl-Awstralja li kienet lesta tieħu ħsiebu. U hekk Saroo jsib ruħu ġewwa familja twajjba li kienet lesta li itih kenn u bi mħabba u dedikazzjoni. Sue u John għamlu dan l-att ta’ mħabba mhux għax ma setax ikollhom tfal iżda għaliex xtaqu ħafna li jgħinu tfal abbandunati u jtuhom ċans ieħor fil-ħajja. X’jiġri minn hawn, hekk kif Saroo jsib ruħu imdawwar b’tant imħabba u kura minn din il-koppja ġeneruża li anke kienet lesta li taddotta lil Mantosh, it-tieni tifel mill-Indja biex b’hekk ikun ta’ kumpanija għalih? Iż-żmien jgħaddi u Saroo għandu 26 sena, jinsab ġewwa Melbourne jistudja għal hotel management. F’moħħu iżda kien dejjem iberren il-ħsieb ta’ x’sar mill-familja bioloġika tiegħu li kien ħalla warajh ħesrem, għoxrin sena qabel!
Film Awstraljan, maħdum tajjeb ħafna, bi storja pożittiva u msejjes fuq ġrajja vera. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Garth Davis, kitba ta Luke Davies mill-ktieb: A Long Way Home ta’ Saroo Brierley u Larry Buttrose. Minħabba t-tema tal-film ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax -il sena.