-
Last Vegas
-
**
Direttur: Jon Turteltaub
Atturi: Michael Douglas, Robert De Niro, Morgan Freeman, Kevin Kline, Mary Steenburgen, Jerry Todd, Romany Malco u Weronika Rosati
Ħin tal-film: 105 min.
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Billy li qatt ma kien iżżewweġ, wasal issa biex jingħaqad fiż-żwieġ ma’ Lisa, tfajla 32 sena iżgħar minnu. Għal Lisa, l-eta` ta’ Billy ma kienitx tinkwietah, għaiex wara kollox Billy kellu dar fuq ix-xtajta ġewwa Malibu barra li kien sinjur kbir. Billy iddeċieda li jsejjaħ għal ‘bachelor party’ lis-sħabu tal-passat li kienu magħrufa bħala ‘Flatbish Four’: Sam li jinsab jagħmel terapija għaliex dan l-aħħar għamel operazzjoni f’kopptu, Archie, darbtejn divorzjat u li issa jinsab jgħix mat-tifel tiegħu u n-neputija, Paddy li hu armel u li għadu ma ħafirx lil Billy, ħabib tal-qalb li għal xi raġuni u jew oħra ma kienx attenda għall-funeral tal-mara tiegħu biex b’hekk jagħmel id-diskors tal-okkażjoni. Hekk kif jaslu ġewwa Sin City, l-erba’ li huma jiltaqgħu ma’ Diana, kantanta ġewwa ħanut tax-xorb. F’qasir żmien, kollha kemm huma jsiru ħbieb tagħha, iżda Billy u Sam jibdew jikkompetu bejniethom min minnhom kien sejjer jirbah l-attenzjoni tagħha bis-serjeta`. Din il-qagħda bejniethom fakkrithom f’dak li kien ġara tant snin ilu, meta t-tnejn bdew jikkompetu bejniethom għall-istess tfajla. Kien Paddy li wara kollox kien rebaħ l-imħabba tagħha u spiċċa jiżżewwiġa. X’jiġri hekk kif iż-żwieġ ta’ Billy ma’ Lisa jkun qiegħed joqrob ġmielu. It-talent ta’ Archie fil-logħba tal-Black Jack rebħithom il-fortuna li jingħataw l-aħjar kamra fil-lukanda u hawn jgħaddu minn xi ftit avventuri.Film kummiedja li għandu jogħġob lil dawk li jammiraw lil dawn l-erba’ atturi: Michael Douglas, Robert De Niro, Morgan Freeman u Kevin Kline. Minħabba kliem goff u xi cajt b’doppju sens kif ukoll xi imġieba mhux għal kollox korretta, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax–il sena.