• ****

    Direttur: Damien Chazelle
    Atturi: Ryan Gosling, Emma Stone, John Legend, Rosemarie DeWitt, J. K. Simmons, Finn Wittrock, Tom Everett u Meagan Fay
    Ħin tal-Film: 128 min

    Maħruġ minn KRS  Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    Fi triq prinċipali ġewwa Los Angeles, Mia li kienet qegħda tittama li ssir attriċi, kienet fi triqitha għal awdizzjoni, iżda sfortunatament ġiet maqbuda fit-traffiku. Kif qegħda tistenna, jkollha dagħdigħa ma’ Sebastian, pjanista tal-jazz. Fl-awdizzjoni xejn ma marret tajjeb. Sebastian min-naħa tiegħu wkoll kien qiegħed  ikollu problemi biex iħallas l-kontijiet u dan wassal għal argument m’oħtu Laura. Dik il-lejla, it-tliet iħbieb, li kienu joqgħodu ma’ Mia,  jippruvaw jgħinuha billi jeħduha għal riċeviment, iżda anke hawn Mia, meta tmur lura għall-karozza, issib li din kienet ġiet ittowjata minnħabba li ma kienitx ipparkjata tajjeb. Sadanittant, anke Sebastian kien qiegħed iħabbat wiċċu ma’ ħafna diffikultajiet. L-aħħar waħda li kellu kienet meta Bill, il-proprjetarju tar-restorant qallu biex ma jdoqqx iktar jazz. Meta beda jdoqq mużika tal-Milied, Mia li kienet għaddejja minn hemm,  semgħetu jdoqq u b’kurżita’ daħlet biex tara min kien hemm jdoqq il-pjanu. Sebastian iżda sfortunatament jitkeċċa minn fuq ix-xogħol u kif kien ħiereg jolqot lil Mia fi spallejha. Jgħaddu x-xhur u Mia għal darb’oħra terġa’ tinnota lil Sebastian waqt riċeviment. Din id-darba, Sebastian kien qiegħed idoqq il-pjanu. Kien hawn li Mia talbitu jdoqq “I Ran”. Minn hawn jidħer li bdiet tinbet relazzjoni bejniethom. X’jiġri minn hawn? Tgħid ir-relazzjoni bejniethom tkompli tissaħħah? Il-film jeħodna f’sensiela ta’ avventuri  li t-tnejn jagħddu minnhom l-aktar mhux biss komplew jaraw lil xulxin, iżda wkoll kif bdew ikkabbru t-talenti tagħhom, Sebastian bħala pjanista tal-jazz waqt li Mia tipprova jdejha fil-kitba ta’ dramm: So Long, Boulder City. Iżda, kien sejjer ikun hemm iktar problemi  fit-triq li qabdu? Żgur li iva. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, romantiku u mużikali, hu taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Damien Chazelle. Għalkemm il-film hu ambjentat fi żmienna ġewwa Los Angeles, iżda jeħodna fl-ispirtu taż-żmien tad-deheb meta Hollywood kien magħruf għall-films mużikali. L-istorja tal-film tlaqqagħna ma’ Mia u Sebastian, it-tnejn jaspiraw li jilħqu l-quċċata tat-talenti li kellhom, Mia bħala attriċi u Sebastian bħala pjanista tal-ġazz. Minħabba li l-film jimplika relazzjoni barra ż-żwieġ kif ukoll xi kliem goff,  ikun  tajjeb li l-film  jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.