***
Diretturi: Alessandro Carloni, Jennifer Yuh Nelson
Atturi: (vuċijiet ta’) Jack Black, Angelina Jolie, Dustin Hoffman
Ħin: 95 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
Klassifika tal-Gvern: U
Klassifika tal-Knisja: UPG
Kai, li jixbaħ lil barri, irnexxielu jaħkem lid-dinja ta’ l-ispirti billi ħataf il Chi. Kai oriġinalment kien sieħeb ta’ Oogway, il-fekruna li vvintat il-kung fu, imma billi għamel użu ħażin minn Chi, il-forza tal-ħajja, inbidel f’aggressur malinn mogħni b’setgħat supernaturali, għatxan għal poter. Huwa qed jaħseb biex jerġa’ lura lejn id-dinja u jaħkimha. L-uniku wieħed li jista’ jiqaflu huwa Po, il-panda ta’ qalbu tajba, li sar mgħallem ta’ l-arti marzjali, u li Shifu, il-mentor tiegħu, fdalu f’idejh it-taħriġ tal-Furious Five, grupp ta’ black belts li fil-passat kienu ta’ għajnuna għalih. Po jirnexxilu jingħaqad mal-missier bioloġiku tiegħu, Li, u b’hekk fl-aħħar isib min kien tassew missierhu; madanakollu, xorta waħda jibqa’ lejali lejn Mr. Ping, il-missier li kien adottah. Po jeħodha kontra Kai, iżda jirnexxilu jwaqqfu?
Film animat fi 3D minn Dreamworks Animation. Il-film ikompli fuq iż-żewġ films ta’ qablu u hu immirat l-aktar għat-tfal iż-żgħar. L-animazzjoni hija sabieħa u ikkolorita, b’ħafna azzjoni u umoriżmu, b’messaġġ pożittiv dwar l-importanza tal-familja u l-ħtieġa li wieħed ikun dak li hu. Il-film fih xeni ta’ vjolenza tal-cartoons. Nissuġġerixxu li t-tfal ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.