-
-
****
Direttur: David O. Russell
Atturi: Jennifer Lawrence, Robert De Niro, Diane Ladd, Virginia Madsen
Ħin: 124 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited
Klassifika tal-Gvern: 12A
Klassifika tal-Knisja: 15
Darba kien hemm tifla żgħira li kienet tħobb toqgħod tagħmel l-affarijiet, tirrakkonta Mimi, in-nanna ta’ Joy Mangano. Joy ma’ tantx tara lilha nfisha bħalma tarha n-nanna. Ħadet falza stikka kmieni f’ħajjitha meta żżewġet lil Tony, kellha żewġt itfal minnhu, iddivorzjaw imma baqgħu ħbieb. Issa Joy qedha tgħix f’dar żgangata flimkien mal-familja tagħha, inkluż l-ex-raġel tagħha li għadu jgħix fil-kantina tad-dar u li jippretendi li hu xi kantant gwapp. Ommha Carrie toqgħod il-ħin kollu fis-sodda jew fuq is-sufan, tara s-soap operas. Ġurnata waħda anke missier Joy, Rudy, jitfaċċa quddiem il-bieb, wara li t-tielet mara tiegħu tqaċċtu ‘l barra, u jmur joqgħod fil-kantina wkoll. In-nanna wkoll tgħix magħha u hi l-unika waħda li tapprezza lil Joy u li tgħidilha affarijiet bis-sens. Ġurnata waħda tiġiha ispirazzjoni u tpinġi biċċa tal-ħasil ta’ l-art li tingħasar minnha nfisha. Hija titlob l-għajnuna ta’ Trudy, is-sieħba ġdida u sinjura ta’ missierha, biex ikollha l-flus ħalli tibda negozju żgħir, imma ma’ tantx ikollha suċċess fil-bejħ tal-invenzjoni tagħha. Iżda mbagħad Joy tiġi ntrodottha ma’ Neil Walker, kap eżekuttiv ta’ linja ta’ stazzjonijiet televiżivi ta’ shopping li jistedina tagħmel promozzjoni tal-invenzjoni tagħha fuq l-istazzjonijiet tiegħu, u tikseb suċċess kbir.
Film biografiku dwar il-ġrajja vera ta’ Joy Mangano li għamlet suċċess kbir fis-snin 1990 tbiegħ l-invenzjoni tagħha ta’ self-wringing mop fuq it-tv. Huwa film interessanti u li jaħkmek u li fih tispikka Jennifer Lawrence bħala Joy. Fih xi kliem goff. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.