-
-
***
Direttur: Andy Sommer
Kast: Jonas Kaufmann u l-Orkestra Sinfonika RAI
Ħin tal-Film-Dokumentarju: 85 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: U
Ftit huma dawk il-pajjiżi li jħabbtuha ma’ pajjiż sabiħ bħall-Italja: kultura, klima, storja, arti, palazzi, u fuq kollox mużika. Anica Monica Pandelea tiddokumenta l-affinità li Jonas Kaufmann, tenur Ġermaniż ta’ fama mondjali, rabat ruħu ma’ dan il-pajjiż mhux bisss minħabba l-mużika iżda wkoll l-lingwa, l-ħajja tipikament Taljana, kif ukoll il-kultura rikka li wieħed jista’ jgħid li dan it-tenur ried u xtaq li jkun adottat minn dan il-pajjiż.
Jonas stess f’dan il-film-dokumentarju jippreżenta tribut personali lill-kultura li influwenzatu minn ċkunitu f’dan il-pajjiż tal-Opera u li tmur lil hemm minn sempliċiment mill-ħitan ta’ xi teatru. L-Italja mhux biss ipproduċiet kompożituri ta’ fama mondjali bħal Puccini u Verdi iżda wkoll tenuri bħal Enrico Caruso u Lucio Dalla. Il-kunċerti li nassistu għalihom f’dan id-dokumentarju kienu rrekordjati ġewwa t-Teatru Carignano ġewwa Turin f’Ġunju 2016 kif ukoll fit-Teatru alla Scala ta’ Milan. L-Orkestra Sinfonika Nazzjonali RAI, akkompanjat lil Kaufmann ġewwa Turin taħt id-direzzjoni tas-surmast Jochen Rieder. F’Milan, l-orkestra li akkompanjat lil Kaufman kienet tal-istess teatru.
Matul dan id-dokumentarju mit-Teatro Carignano ta’ Turin, nisimgħu kant popolari ħafna bħal Torna a Surriento (Ernesto de Curtis), Volare (Domenico Modugno), Mattinata (Ruggero Leoncavallo), Parla Piu’ Piano (Nino Rota), Caruso (Lucio Dalla), Ti voglio tanto bene (Ernesto de Curtis) u Il Canto (Romano Musumarra). Mit-Teatro alla Scala ta’ Milan nassistu għal siltiet mill-opri bħal Tosca, Turandot, Manon Lescuat, tliet opri ta’ Giacomo Puccini u Ombra di nube ta’ Liciano Refice.
Film–dokumentarju ta’ wieħed mit-tenuri kbar li preżentament għandha d-dinja tal-mużika, u li dawk li jħobbu l-mużika m’għandomx jitilfu li jaraw.