-
-
***
Diretturi: Michael Spierig u Peter Spierig
Atturi: Matt Passmore, Tobin Bell, Callum Keith Rennie, Hannah Emily Anderson, Clè Bennett, Laura Vandervoort Paul Braunstein u Mandela Van Peebles
Ħin tal-Film: 91 min
Maħrug minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 18
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Edgar Munsen, kriminal, jaħrab minn idejn il-pulizija, iżda jibqa’ segwit sakemm jiġi mdawwar u milqut serjament bi sparatura mid-detektiv Halloran u uffiċjali oħra. Iżda Munsen kif jintlaqat, jattiva mekkaniżmu. Xi mkien ieħor, ħames persuni jinsabu kkalzrati ġewwa matmura tal-qamħ, kull persuna marbuta b’katina madwar għonqha u barmil fuq rasha. Fuq kasett tejp, jinstema’ il-leħen ta’ John Kramer li jispjega x’għandhom jagħmlu biex ikunu jistgħu jinħelsu: jiċċaħdu minn demmhom u jistqarru dnubiethom.
Hekk kif il-ktajjen jibdew jiġbduhom lejn is-segi, erbgħa minnhom jirnexxielhom jsalvaw billi ċċaħdu ftit minn demmhom. Iżda l-ħames wieħed intilef minn sensih waqt il-qari tal-messaġġ. Sadanittant l-erbgħa jidħlu f’kamra oħra. Carly tistqarr li kienet responsabbli għall-mewt ta’ mara ażżmatika. Carly tmut meta Ryan jieħu f’idejh tliet siringi u biex isalva lilu u lill-oħrajn, jinjetta lil Carly b’dawn is-siringi. Sadanitttant, Halloran u sieħbu d-detektiv Hunt jibdew jinvestigaw hekk kif jinstabu l-iġma ta’ raġel mhux magħruf u Carly. Deher li t-tnejn inqatlu ġewwa l-mitmura tal-qamħ.
Halloran jibda jissuspetta fil-patoloġi forensiki, Logan Nelson u Elanor Bonneville. Sadanittant, Munsen jinħataf mill-isptar. Meta l-kaptan tal-pulizija jordna li John Kramer jinqala’ mill-qabar, fid-debut isibu l-katavru ta’ Munsen. Lura għal matmura tal-qamħ, Ryan jipprova jqarraq, b’riżultat li riġlu tinqabad b’wajer li jaqta’. Anna u Mitch min-naħa tagħhom jiskopru bieb li kien jagħti għal ġewwa sajlo tal-qamħ. Kif jidħlu, il-bieb jingħalaq warajhom. Messaġġ fuq tejp iwissihom li jekk Ryan ma jiġbidx manku, huma kienu jmutu fi żgur.
X’jiġri minn hawn għal dawn it-tlieta: Ryan, Mitch u Anna? X’kienu wettqu f’ħajjtihom biex issa sabu ruħhom f’din ‘il-logħba’ li setgħet twassalhom għal mewt? Sadanittant Logan u Elanor jistqarru li ma kellhomx fiduċja f’Halloran. Elanor tieħu lil Logan fl-istudju tagħha u stqarret li hi kienet ammiratur entużjasta ta’ “Jigsaw Killer”. Fejn kien dan l-istudju u x’jiġri hemm meta jaslu?
Film Amerikan tal-biżà, taħt id-direzzjoni tal-aħwa Michael u Peter Spierig, kitba ta’ Josh Stolberg u Peter Goldfinger. Din hi t-tmien puntata minn sensiela Saw u sseħħ ħdax-il sena wara l-mewt tal-eponimiku Jigsaw Killer. Minħabba li l-film mimli vjolenza mdemmija, qtil brutali u premeditat bi ħruxija kbira, kif ukoll kliem goff u insensittiv, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.