-
-
***
Direttur: Clint Eastwood
Atturi: John Lloyd Young, Erich Bergen, Vincent Piazza, Freya Tingley
Ħin: 134 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 12
Klassifika tal-Knisja: 15
Fl-1951 f’Belleville, New Jersey, Tommy DeVito jħajjar lil ħabibu Frankie Valli jingħaqad miegħu biex jibdew ikantaw flimkiem. Frankie jaħdem f’ħanut tax-xagħar, filwaqt li Tommy jagħmel xi xogħol għal boss tal-mafja Gyp DeCarlo, u dejjem moħħu fli jinnegozja xi ħaġa, inkluż it-talent ta’ Frankie li għandu vuċi tajba ħafna. Wara ftit jingħaqad magħhom ukoll Nick Massi li huwa bassist. Iżda mbagħad jiddeċiedu li jeħtieġu xi ħadd ieħor magħhom u għalhekk jiġbdu għal magħhom lil Bob Gaudio, li jdoqq il-piano u jaf jikteb il-kanzunetti wkoll. L-erbgħa li huma jiffurmaw il-grupp The Four Seasons. Għall-ewwel ibgħatu ftit biex jagħmlu impatt u jkollhom jikkuntentaw rwieħom bli jagħmlu xi gigs ‘l hawn u ‘l hemm. Iżda mbagħad jirnexxielhom jiffirmaw kuntratt ma’ kumpanija tad-diski u joħorġu tlett diski li kellhom suċċess kbir: ‘Sherry’, ‘Big Girls Don’t Cry’, u ‘Walk Like A Man’. Iżda minħabba li Frankie jkollu jkun ħafna żmien il-bogħod mid-dar u l-familja tiegħu iż-żwieġ tiegħu jitfarrak. Barra minnhekk, hekk kif jitilgħu fl-ewwel postijiet taċ-charts u jibdew jidhru f’shows amerikani populari, bħal ‘American Bandstand’ u ‘The Ed Sullivan Show’, jibdew jitfaċċaw xquq fil-grupp tagħhom, l-iktar minħabba Tommy li jkollu dejn kbir ma’ wieħed li jsellef bl-użura. Dan iwassal biex The Four Season jinfirdu, u Frankie jibqa’ jkanta waħdu.
Film musical, ibbażat fuq il-Broadway show ‘Jersey Boys’ li damet sejra għal ħafna snin dwar il-grupp populari tas-snin 60 ‘The Four Seasons’. Il-film fih diversi kanzunetti ta’ dan il-grupp u li kienu tant jindaqqu speċjalment fis-snin 60. John Lloyd Young jaqla’ l-parti tajjeb ħafna bħala Frankie u għandu vuci li tqarreb ħafna lil tal-kantant oriġinali. Il-film hu nieqes mill-aspett drammatiku, imma l-mużika u l-kant tiegħu għandhom jogħġbu speċjalment lil dawk li jħobbu s-songs tas-snin 60. Il-film fih ħafna kliem ħażin, xi kliem doppju sens u riferenzi maturi. Jgħodd għal dawl minn 15 il-sena ‘l fuq.