-
-
***
Direttur: David Robert Mitchell
Atturi: Keir Gilchrist, Maika Monroe, Lili Sepe, Olivia Luccardi, Jake Weary
Ħin: 100 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Jay, tfajla żgħażugħa, wara li tagħmel is-sess ma’ Hugh, jirriżulta li dan ikun infettha minn saħta li tiġi trażmessa sesswalment u li permezz tagħha spirtu malinn issa beda jsegwi lil Jay biex jagħmlilha l-ħsara u possibilment joqtolha. Dan l-ispirtu huwa bla ħniena, ma jieqafx jiġri wara l-vittma tiegħu, inviżibbli ħlief għal vittma tiegħu, u jista’ jieħu uċuħ differenti. Dan l-ispirtu kull darba jiġri wara persuna waħda biss; il-vittma tista’ ma’ tħalliħx jibqa’ jiġri warajha billi jkollha x’taqsam sesswalment ma’ persuna oħra u b’hekk tgħaddi l-ispirtu lil xi ħadd ieħor. Jay tibda tirrealiżża kemm tinsab f’sitwazzjoni mwerha. Ma tafx jekk kull persuna li tiltaqa’ magħha hix persuna normali jew l-ispirtu li qed jipprova jagħmlilha l-ħsara. Anke jekk tagħmel is-sess ma’ xi ħadd ieħor m’għandha l-ebda garanzija li tkun ħelset mill-ispirtu għax jekk l-ispirtu joqtol lil dik il-persuna jerġa’ jdur għaliha. Madankollu xorta tiftihem ma’ żewġ ġuvintur, Greg u Paul, biex tagħmel is-sess magħhom, u dawn ikunu ħerqana li jikkollaboraw magħha.
Film tal-biża’, fli-stil tas-snin ’70. Ma jbeżżgħax bil-qtajja, iżda bil-mod jibni ħafna suspens u tensjoni. Il-film fih vjolenza, kultant imdemmija, kontenut sesswali qawwi u nudita’, u xi kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.