Madwar 70,000 tifel u tifla minn diversi pajjiżi tad-dinja ħonqu l-Istadio Olimpico ta’ Ruma s-Sibt waranofsinhar biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku u jirriflettu flimkien miegħu dwar l-importanza tagħhom għall-futur tad-dinja, fl-ewwel Jum Dinji tat-Tfal, fejn it-tema prinċipali kienet il-paċi.
Il-Papa wasal fil-4.40pm bil-popemobile u ġie milqugħ b’applawsi kbar u bl-innu miktub apposta, “A Beautiful World”, kantat mill-Kor tad-Djoċesi ta’ Ruma.
Fit-tfal kollox jitkellem dwar ħajja u l-futur
Imbagħad hu indirizza lill-udjenza żagħżugħa tiegħu b’diskors qasir ta’ introduzzjoni fejn involva lit-tfal bit-tweġibiet tagħhom.
Il-Papa fetaħ il-messaġġ tiegħu billi nnota li fit-tfal “kollox jitkellem dwar ħajja u l-futur”, u billi afferma mill-ġdid li l-Knisja, “bħala omm”, tilqagħhom u timxi magħhom “bi ħlewwa u tama”.
Fisser kif hu ġie mnebbaħ isejjaħ dan il-Jum Dinji tat-Tfal wara l-laqgħa li kellu mat-tfal fil-Vatikan fis-7 ta’ Novembru dwar it-tema “Ejjew nitgħallmu mit-tfal subien u bniet”. “Irrealizzajt li l-konverżazzjoni tagħna kellha tkompli u titwessa’ għal ħafna tfal u żgħażagħ”, qal.
Itolbu għat-tfal li qed ibatu minħabba l-gwerer u l-inġustizzja
Imbagħad il-Papa għamel serje ta’ mistoqsijiet lit-tfal, ibda mill-ħafna gwerer f’diversi nħawi tad-dinja. “Isewdulkom qalbkom il-gwerer?”, “Il-gwerra xi ħaġa sabiħa?”, “Il-paċi sabiħa?”, staqsa, u stieden lill-udjenza ta’ età żgħira tiegħu biex titlob għat-tfal li qed ibatu minħabba l-gwerer, ma jistgħux imorru skola, huma mġewħin, jew imwarrbin.
Il-Papa Franġisku mbagħad ġibdilhom l-attenzjoni għall-motto tal-avveniment, “Araw, jiena se nġedded kollox” (Apok 21:5). “Hu sabiħ għax jgħidilna li Alla joħloq affarijiet ġodda”, huwa qal.
Fl-aħħar nett, il-Papa ħeġġeġ lit-tfal biex ikunu kuraġġjużi u hienja, għax dan hu “ta’ ġid għar-ruħ”, u qalilhom li Ġesù jħobbhom. Għalaq billi stedinhom jitolbu s-Sliema miegħu.
Djalogu ħaj ta’ paċi u fidi
Wara d-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-Papa Franġisku kompla bid-djalogu tiegħu, b’xi tfal mill-ħames kontinenti jagħmlulu diversi mistoqsijiet.
“Veru li l-paċi hi dejjem possibbli?”, staqsieh Jeronimo mill-Kolombja, u hawn Franġisku fakkar mill-ġdid l-importanza li wieħed jitlob skuża u maħfra.
“X’jistgħu jagħmlu t-tfal għal dinja aħjar?”, staqsietu Lia Marise mill-Burundi. “Targumentawx”, weġibha l-Papa, “imma għinu lil xulxin”.
Tifla mill-Indoneżja, li l-Papa Franġisku mistenni jżur f’Settembru, staqsietu kieku x’miraklu jagħżel li jagħmel. “Li t-tfal kollha jkollhom kulma hu meħtieġ biex jgħixu, jieklu, jilagħbu, u jmorru l-iskola. Dan hu l-miraklu li nixtieq nista’ nagħmel”, żguraha, wara li wieġeb lil Federico, tifel Taljan li staqsieh kif nistgħu ngħinu lit-tfal li qed ibatu.
“Hemm tfal li ma jistgħux jissodisfaw il-bżonn bażiku tagħhom. Aħna kollha għandna nkunu ndaqs, imma mhux hekk qed jiġri”, qal il-Papa. “Dan minħabba l-egoiżmu, minħabba l-inġustizzja… Ejjew ilkoll naħdmu biex ma jkunx hemm wisq inġustizzja fid-dinja, ” kompla.
Imbagħad il-Papa Franġisku talabhom jinġabru fis-skiet biex jaħsbu f’dawk it-tfal kollha li ma għandhom xejn x’jieklu.
Quddiesa dalgħodu f’San Pietru
Id-djalogu kien mifrud minn xi interventi mużikali, filmat qasir u anki partita qasira tal-futbol bis-sehem tal-plejers Taljani f’atmosfera ta’ festa, u għalaq bit-tfal joffru lill-Papa t-tpinġijiet tagħhom.
Illum huma se jerġgħu jarawh fi Pjazza San Pietru, fejn se jippresiedi l-quddiesa għal dan l-ewwel Jum Dinji tat-Tfal fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa.
Sors: Newsbook Malta