Ninsabu ftit jiem biss ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjoni tal-festi tal-Għid. L-Għid hi festa li ma seħħitx sempliċiment elfejn sena ilu u daqshekk. L-Għid iseħħ kuljum.
Ibda biex, Ġesù ma għaddiex għall-ħajja ta’ dejjem minn fuq xi karozza lussuża issemmix! Lanqas ma għadda għal ħajja billi evita t-tbatija. Il-festa tal-Għid turini x’inhi l-imħabba vera. Hawnhekk m’aħniex nitħaddtu fuq qabda paroli fil-vojt jew katina ta’ kliem doppju sens li ma jwassal għal imkien. L-imħabba mhix senswalità. L-imħabba lanqas mhi passjoni fiergħa u bla ebda tlaħħim fil-ħajja ta’ kuljum.
L-imħabba vera u prezzha
Qabel xejn, l-imħabba vera titlob skiet. Dak is-skiet imma li mhux xi boycott inkella xi wieħed mimli vendetta għax wieħed ma jkellimx lil ieħor fuq xi ħadd jew xi ħaġa. L-imabba vera titlob li jien nidħol fiż-żarbuna tal-persuna li ngħid li nħobb u, almenu għal dak il-mument, nipprova nħoss jew għallinqas noqgħod ma’ dak li qed tħoss l-persuna l-oħra. L-imħabba vera kapaċi tmattar lilha nnifisha sal-punt li tantiċipa l-ħtiġijiet tal-oħrajn u li tibqa’ ma’ dawk li tgħid li tħobb anki meta dawn ma jifhumiex. Ifhem, l-imħabba vera tmur ħafna lil hinn mill-imħabba tas-sodda li tfittex is-sodisfazzjon sesswali tagħha biss. L-imħabba vera kapaċi tistabar b’min ma jifhimiex u timxi fi triqat fejn ta’ madwarha ma joħolmuhomx.
Jien u naħseb fuq il-ġrajjiet tal-Għid nara ħafna forzi għaddejjin fl-istorja tal-ħajja. L-ewwel nara fejn jasal dak li hu tajjeb. U hawn nista’ nifhem lil dik l-omm, missier, iben, bint, ħu u oħt, li ta’ madwarhom akkużawhom li ma qdewx dmirhom u li ngħatalhom il-verdett li mhumiex aktar omm, missier, iben, bint, ħu u oħt. X’weġgħa! Bħalma nifhem il-weġgħa ta’ dak il-kappillan miskin li pprova jġib ħafna u ħafna paċi fil-parroċċa tiegħu imma xorta sab min jiżralu ż-żerriegħa tas-sikrana tal-firda. X’jagħmel dan l-imsejken kappillan? Bħalma x’jagħmel dak il-missier, dik l-omm, dak l-iben, dik il-bint, dak ħu u dik l-oħt, li jispiċċaw maqtugħa ‘l barra mill-qalb ta’ uliedhom, il-ġenituri tagħhom u ħuthom?
Inħarsu lejn il-Kurċifiss
Darba raġel għallimni ħaġa tassew sabiħa: Meta tkun qiegħed f’sitwazzjoni fejn iweġġgħuk kemm jifilħu, anki meta tkun ħallejt lil Ġesù jagħmel il-ġid bik, li għandek tagħmel hu li tħares lejn il-Kurċifiss. Hemm xi ħadd li għamel ġid aqwa minn Ġesù f’wiċċ id-dinja? Żgur li le! Imma, lil Ġesù, xorta waħda biċċruh u qatluh. Tant li dendluh ma’ salib! Lejh ħares il-jiem kollha ta’ ħajtek!
Dan il-parir għadu jidwi fija ħbieb kull darba li ngħaddi minn esperjenzi qarsa ta’ nġustizzja grassa. Aktar u aktar f’postijiet u f’bejtiet li suppost hemm fihom l-imħabba, l-għożża, il-ħniena u l-fehma bħalma għandhom ikunu l-kunvent u l-familja. Biss, mill-esperjenza ta’ ħajti, qed nitgħallem bil-bosta li m’għandi nħalli xejn u lil ħadd jitfagħni ‘l isfel. Aktar u aktar meta naf li, bil-grazzja tal-Mulej, qed nimxi sewwa. U biex żgur ma nbiegħedx ħarsti mis-sewwa l-aktar ħaġa li sibt għal qalbi u li tfarraġni bil-bosta hi li nħares lejn il-Kurċifiss. Għax, fil-Kurċifiss, nara lil Ġesù, l-imħabba vera, li minnu nitfarraġ fil-weġgħat li nħoss meta nipprova nimxi sewwa u minn fuq naqla’ bil-ħarta fuq wiċċi b’kull xorta ta’ ħażen li nirċievi.
Tagħlim minn Ġesù Msallab
Xi jiem ilu, waqt li kont qed nitlob u nħammem x’ħa nikteb niltaqa’ ma’ biċċa kitba li tgħidx kemm għamlitli kuraġġ! Din il-ktiba titħaddet b’mod mill-aktar sabiħ fuq seba’ imġibiet li Ġesù ħaddan. Dawn l-imġibiet juru tabilħaqq kemm kien mexxej tajjeb. L-ewwel, is-solitudni. Qabel il-passjoni tiegħu Ġesù qatta’ ħin waħdu jitlob u jirrifletti fuq dak li kien se jgħaddi mingħalih. F’dan il-ħin kien qed iħejji qalbu u moħħu bħalma soltu kien jagħmel. U jien, li għandi r-responsabbiltà għal ħajti, kemm qed insib ħin biex noqgħod ftit għall-kwiet u nirrifletti? Kemm qed insib ħin biex nitlob?
It-tieni, il-perseveranza. Ġesù kien jaf li kien se jkun sinjal li jmeruh (Lq 2:34). Madankollu baqa’ fil-missjoni tiegħu sal-aħħar anki jekk spiċċa ittradut, miċħud u mwarrab għal kollox. Baqa’ fidil għall-missjoni tiegħu. U jien, meta nispiċċa mwarrab, miċħud u ttradut nibqa’ fidil u fidila għall-missjoni tiegħi li afdali f’idejja Missierna tas-Sema f’ħajti?
It-tielet, minn fuq is-salib, Ġesù Msallab jgħallimni l-kuraġġ. Ġesù kien jaf bit-tbatija ħarxa li kien hemm lesta għalih. Madankollu wera kuraġġ liema bħalu basta jtemm il-missjoni tiegħu ta’ fidwa. U jien kemm lest u lesta nibqa’ miexi u miexja fit-twettieq tal-missjoni tiegħi? Qed inħares lejn Ġesù Msallab biex minnu nieħu l-kuraġġ neċessarju ħalli nibqa’ inkun ta’ Kristu, anki meta naffaċċja tant oppożizzjoni u stmerrija minn dawk ta’ madwari?
Ir-raba’, Ġesù Msallab jagħtini l-akbar lezzjoni dwar x’inhi tassew l-umiltà. Fl-Ittra lill-Filippin San Pawl ifakkarni li Ġesù obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. B’hekk Alla l-Missier għolla ismu fuq kull isem. Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal- mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejjnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù – fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art – il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom, u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2:6-11).
U jien, kemm jien tassew umli li noqgħod għal dak li hu sewwa? Li nammetti fejn niżbalja u nagħmel li nista’ biex inħalli l-grazzja tal-Mulej tibdilni?
Il-ħames, Ġesù Kurċifiss ifakkarni fl-urġenza li jkolli kontroll fuqi nnifsi. Tgħid fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu Ġesù ma setax jurini kemm hu ta’ ħaqqha billi jwettaq vendetta mill-eħrex fuq l-għedewwa tiegħu? Madankollu baqa’ kalm, ħa kontroll fuq nnifsu u hekk wettaq bl-għeruq u x-xniexel il-missjoni tiegħu.
U jien, meta ċertu ġrajjiet ta’ ħajti jibdew idennu x’nagħmel? Ninġarr u nitlifha? Noħloq konfużjoni wara l-oħra biex tgħaddi tiegħi jew inkella nħalli kollox jaqa’ f’postu l-għaliex nistenna bis-sabar kollu lill-Mulej li jaħdem Hu?
Is-sitta, Kristu Msallab jgħallimni l-maħfra. Ħafer lil dawk li qatluh b’mod inġust. Qal lill-Missier: Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Lq 23:34). U jien x’nagħmel meta jweġġgħuni? Naħfrilhom jew nivvendika ruħi minnhom?
Is-seba’, Ġesù Msallab jurini x’inhi l-imħabba. Mhux biss għallimna x’inhi u kif għandha tkun l-imħabba bejnietna li nemmnu fih imma għex hu stess dak li kien għallimna fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu: Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu (Ġw 15:12-13). Jien inħobb tassew lill-għedewwa tiegħi? Nitlob għalihom? Lest li nagħmlilhom il-ġid bħalma jgħallimni San Pawl: Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:20-21)?
Ktieb mitqlu deheb
Skopri dan il-ġmiel kollu li tana Ġesù Msallab fil-ktieb mitqlu deheb miktub minn ħija l-Kapuċċin Patri Martin Micallef OFM Cap li jismu: Is-Seba’ kelmiet ta’ Ġesù. Kif jiktbilna tajjeb Patri Martin: Is-Seba’ Kelmiet jirreferu għal seba’ waqtiet differenti li fihom Ġesù tkellem waqt li kien imsallab ma’ salib. Huwa tassew impressjonanti taqra dawn is-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù f ’daqqa, b’mod unitarju. Dawn huma l-aħħar kelmiet tiegħu. Hekk kif kien qed joqrob biex imut, Ġesù wriena dak li kien hemm fil-qalb tiegħu. Sentimenti u rieda ta’ maħfra, ta’ abbandun u fiduċja bla qies lejn Missieru. Il-ktieb jinbiegħ minn Emmaus Book Shop Birkirkara.
Mank jaħasra jkolli l-istess sentimenti ta’ Ġesù għax kull filgħaxija aqta’ xi grazzja jkolli li norqod raqda raqdun hekk kif inpoġġi rasi fuq l-imħadda!
Minn Patri Mario Attard OFM Cap