-
-
***
Direttur: Lorne Scafaria
Atturi: Constance Wu, Jennifer Lopez, Julia Stiles, Keke Palmer, Lili Reinhart, Lizzo, Usher, Cardi B, Mercedes Ruehl, Trace Lysette, Usher u Madeline Brewer
Ħin tal-Film: 110 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Dorothy, li tgħix ġewwa New York u taħdem bħala stripper f’Gentlemen’s Nightclub,tiġi mistiedna minn Elizabeth, ġurnalista, għal intervista biex tgħinha fi storja li kienet qegħda tikteb fuq Ramona Vega, li darba kienet ħabiba intima tagħha. Fl-2007, Dorothy bħala stripper magħrufa bħala Destiny, bdiet taħdem f’dan ix-xogħol biex issostni lin-nannitha. Sfortunatament, hi kontinwament tiffrustra ruħha għaliex ma jirnexxilhiex tiġbed klijenti li jħallsu flus tajba.
Dorothy kienet tammira lil Romina Vega għax kienet stripper popolari ħafna b’riżultat li kienet taqla’ ħafna flus. Hi ssir ħabiba tagħha b’riżultat li Ramona bdiet tgħallimha x’għandha tagħmel biex tirnexxi billi tkun kapaċi tagħżel klijent minn ieħor. Kien hemm tliet kwalitajiet ta’ klijenti; l-ewwel tip dawk li mhux ta’ min joqgħod fuqhom u li ma kienux lesti li jħallsu; it-tieni tip kienu klijenti regolari li kienu jiffrekwentaw spiss; it-tielet tip kienu nies sinjuri ħafna bħal CEOs, bankiera u investituri kbar li kienu jħallsu bl-eluf ta’ dollari. It-tnejn iffurmaw tim b’mod formidabbli biex jimmiraw lejn it-tielet tip ta’ klijenti. Dorothy malajr saret sinjura u bil-flus li bdiet iddaħħal xtrat appartament, kif ukoll issodisfat il-vizzju li kellha li tixtri kull ma tara.
Sena wara iżda faqqgħet il-kriżi finanzjarja. Dorothy u Ramona sabu ruħhom bi ftit klijenti biex isostnu l-istil ta’ ħajja li kienu jgħixu. L-għarus ta’ Dorothy abbandunaha u ħalliha tieħu ħsieb it-tifla żgħira li kellhom. Dorothy ukoll sabitha diffiċli biex issib xogħol alternattiv minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza. Għalhekk, hi reġgħet marret taħdem bħala stripper, iżda issa ssib li l-klijenti saru wisq ifittxu s-sess, ħaġa li hi ma kenitx lesta tagħmel. Ramona, min-naħa tagħha, tintruduċiha għal skema li kienet tinvolvi wkoll tnejn minn sħabha, Mercedes u Annabelle. L-iskema kienet timmira lejn irġiel sinjuri ħafna li kienu jiffrekwentaw il-ħwienet tax-xorb u wara li jkunu xorbu żżejjed jeħduhom fil-klabb fejn hemm jisirqulhom in-numru tal-credit cards tagħhom. X’jiġri minn hawn? Tgħid tirnexxi din l-iskema mingħajr ma jinqabdu?
Film Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Lorene Scafaria u msejjes fuq artiklu fin-New York Magazine: “The Hustlers at Scores” ta’ Jessica Pressler. Film nieqes minn valuri u rispett lejn il-mara, bi kliem oxxen u goff, kif ukoll xeni ta’ sess pervers. Ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.