-
-
****
Direttur: Alice Rohrwacher
Atturi: Nicoletta Braschi, Adriano Tardiolo, Sergi Lòpez, Alba Rohrwacher, Luca Chikovani u Natalino Balasso
Ħin tal-Film: 130 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
F’estate magħruf bħala Inviolata, hemm jaħdmu 54 ħaddiem. Xogholhom kien li jkabbru tabakk b’arranġament li jitħallsu bil-proviżjon li kienu jirċievu u mhux paga. Sfortunatament spiss sabu ruħhom fid-djun mas-sid tal-estate, Alfonsina de Luna, mlaqqma bħala “Queen of Cigarettes”. Lazzaro, kien wieħed mill-ħaddiema ħabrieka. Tancredi, iben Alfonsina, markiż żagħżugħ, isir ħabib ta’ Lazzaro. Il-qagħda li jinsabu fiha l-ħaddiema u l-familji tagħhom li jgħixu fuq l-estate xejn ma kienet tgħoġob lil Tancredi tant li kien jinsab diżilluż bl-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema sempliċi.
Tancredi biex jisfida lil ommu, Alfonsina, jippjana li jiffalsifika l-ħtif tiegħu stess. Biex ikun jista’ jagħmel dan, jitlob l-għajnuna ta’ Lazzaro li fis-sempliċità tiegħu jaċċetta li jgħin. Għal dan il-għan, it-tnejn imorru f’reġjun mhux ikkultivat fejn Lazzaro kien jagħmel użu ta’ għar żgħir biex jirtira hemm għal ftit kwiet. Hemm jiktbu nota falza tal-prezz għall-ħelsien tiegħu, b’Lazzaro bħala dak li kien qiegħed jaħtaf lil Tancredi. Lazzaro stess jieħu ħsieb li jpoġġi n-nota f’post li kien aċċessat spiss min-nies tal-estate. It-tnejn ukoll jimitaw l-għawja ta’ volpi li kien jiġġera fl-inħawi; Tancredi ssuġġerixxa li huma jqisu ruħhom bhala half brothers. Tancredi kien konxju li missieru kien raġel li spiss kien ikollu x’jaqsam ma’ ħafna nisa. Lazzaro ħa din l-idea bis-serjetà bi pjaċir kbir.
Sadanittant, in-nuqqas ta’ Tancredi nħass fl-estate u bdiet tfittxija għalih iżda kien kollu għal xejn tant li oħt Tancredi ssejjaħ għall-għajnuna tal-pulizija. Din l-iktar ħaġa li s-sid tal-estate, Alfonsina qatt ma riedet. Fil-fatt kellha konsegwenzi koroħ mhux biss għaliha iżda wkoll għal dawk kollha li kienu jgħixu fuq l-estate. Meta l-pulizija ġew biex jieħdu sehem fit-tfittxija għal Tancredi, kienu mgħaġġba b’dak li sabu u raw. Dak li kien qiegħed isir kien kontra l-liġi. Alfonsina ġiet arrestata u l-każ tagħha sar magħruf bħala “L-Ikbar Ingann”. L-estate Inviolata wkoll ġie evakwat. Sadanittant, Lazzaro jaqa’ minn fuq irdum u l-volpi meta jsibu jidentifikah meta jxommu bħala raġel tajjeb. X’jiġri minn hawn?
Film Taljan b’sottotitoli bl-Ingliż, taht id-direzzjoni u kitba ta’ Alice Rohwacher. Il-film irċieva reċenzjonjiet pożittivi ħafna. Minħabba t-tema tal-film, xi kliem goff kif ukoll xena fejn persuna tiġi attakkata b’mod aggressiv, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.