-
-
***
Direttur: David Ayer
Atturi: Brad Pitt, Shia LaBeouf, Logan Lerman, Michael Pena,
Jon Bernthal, Jason Isaacs u Scott Eastwood
Ħin tal-Film: 134 min.
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18Il-film jeħodna għal April tas-sena 1945, fl-aħħar xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-allejati jinsabu javanzaw ġewwa l-Ġermanja fl-aħħar imbuttatura biex fl-aħħar tintemm il-gwerra. Don Collier, imlaqqam “Wardaddy” għandu taħt il-kmand tiegħu t-tank tal-gwerra Amerikan: Sherman M4A3E8, msejjah “Fury”. F’dan it-tank hemm hames membri bħala kru fosthom: Boyd “Bible” Swan, Grady “Coon-Ass” Travis u Trini “Gordo”Garcia. Wara li miet l-assistent sewwieq waqt battalja, it-tajpista Norman Ellison jintbagħat biex jeħodlu postu. Għal bidu l-kru ma tantx laqgħu lil Norman. Il-fatt li dawn kienu flimkien għal numru ta’ snin, in-nuqqas ta’ esperjenza li Norman kellu barra wkoll li Norman wera mogħdrija eċċessiva lejn il-Ġermaniżi, ma tantx niżlet tajjeb magħhom tant li Don kellu darba jizforzah biex jispara u joqtol suldat Ġermaniż biex b’hekk joħorgu minn din l-innoċenza li kien juri. Ir-rabta bejn Don u Norman tkompli tissaħħah hekk kif jirnexxielhom jidħlu ġewwa villaġġ Ġermaniż fejn hemm jiltaqgħu ma’ Emma, tfajla Ġermaniża u l-kugina tagħha. Norman jgħaddi xi ħin ma’ Emma fejn jidħer li wrew interess f’xulxin. Wara li jingħaqqad ma’ Don u l-kuġina ta’ Emma biex jieħdu xi ħaġa flimkien, il-kumplament tal-kru jidħlu b’mod goff fid-dar u dawn joħolqu tensjoni kbira bejniethom. Ftit wara iżda, bombardament Ġermaniż fuq il-villaġġ joqtol lil Emma u xi ftit mill- Amerikani. Il-platun ta’ erba’ tankijiet Amerikani, taħt il-kmand ta’ Don jirċievu ordni biex jieħdu ħsieb post vitali fejn żewġ linji ta’ feroviji kienu jaqsmu minn ġo xulxin. Iżda wara attakk feroċi minn truppi Ġermaniżi, “Fury” biss jibqa’ għalkemm ġie immobbiliżżat. Ftit wara tliet mitt suldat tal-SS Ġermaniż jattakkaw it-tank “Fury” u għalkemm joffru reżistenza qawwija, Grady, Bible u Gordo jinqatlu waqt li Don jisfa’ midrub. X’jiġri minn hawn?.
Film interessanti ħafna, bi storja tajba, iżda li juri l-brutalita u l-kefrija tal-gwerra u nuqqas ta’ ħarsien lid-dinjita` tal-bniedem. Fil-film hemm ukoll taħlita ta’ spiritwalita` , taħlita li tistona mal-ambjent qerriedi ta’ gwerra li nsibu ruħna fih. Minħabba xeni ta’ vjolenza, qtil bla ħniena kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.