-
-
***
Direttur: James Foley
Atturi: Dakota Johnson, Jamie Dornan, Kim Basinger, Luke Grimes, Eloise Mumford u Max Martini
Ħin tal-Film: 118 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 18
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: AR
Jgħaddu sentejn mill-ħrug għal wiri tal-film: FIFTY SHADES OF GREY u fil-film li ssegwih: FIFTY SHADES DARKER insbu lil Anastasia Steele qegħda tipprova tgħix ħajjitha wara l-esperjenza qarsa li kellha meta kienet bdiet relazzjoni ma’ Christian Grey li kien sadista u kien jabbuża minnha b’mod degradanti hekk kif rajna fl-ewwel film. Anastasia bdiet taħdem ma’ Seattle Independent Publishing House, f’xogħol li dejjem xtaqet tagħmel. L-esperjenza qarsa li kienet għaddiet minnha ma’ Christian baqgħet dejjem stampata f’moħħha u għalkemm kienet ħassret ir-relazzjoni minn miegħu iżda ma kienitx insietu. Wieħed ma jiskanta xejn meta jum wieħed tiltaqa’miegħu u Christian juri x-xewqa li terġa’ lura. Anastasia pproponietlu arranġamenti ġodda. Christian ma jgħidx le. Jistqarr li din hu kien bniedem mibdul meta għamel ħiltu biex jinbidel. Fuq din il-wegħda Anastasia ddeċiedit li terġa’ tibda relazzjoni miegħu bi Christian jaċċetta l-kondizzjonjiet li hu jirrispettah u ma jabbużax minnha. Hekk kif il-koppja jerġgħu jibdew ir-relazzjoni bejniethom, Anastasia tibda ssir taf iktar fuq il-passat ta’ Christian, passat li xejn ma kien sabieħ anke meta kien għadu tifel żgħir. Sadanitant Christian kien qiegħed jagħmel ħiltu biex joħroġ minn problemi psikoloġiċi serji li kellu. Anastasia issa li kienet reġgħat bdiet ir-relazzjoni miegħu kellha tiġi b’konfront ma’ dawn il-problemi. Barra dan Anastasia kelllha wkoll tigi wiċċ imbwiċċ ma’ maħbubin li darba kellhom huma wkoll relazzjoni ma’ Christian. Tgħid ir-relazzjoni bejn Anastasia u Christian tkompli tati frott u anke jibdew it-triq lejn il-ħajja taż-żwieġ?
Film erotiku Amerikan hu taħt id-direzzjoni ta’ James Foley, kitba ta’ Niall Leonard u msejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ E. L. James. Dan hu t-tieni film minn sensiela ta’ tlieta fuq l-istess tema. It-tielet wieħed: FIFTY SHADES FREED ġa hu maħsub li joħrog għal wiri fil-futur qarib. Minħabba li l-film għandu numru ta’ xeni erotiċi f’kuntest sesswali, kif ukoll għera grafika u lingwaġġ goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar b’riserva.