Kull sentejn, il-European Christian Sports Union (ECSU) torganizza laqgħa, għal dawk kollha fl-Ewropa li l-ħidma pastorali tagħhom għandha x’taqsam mal-isports. Il-Kummissjoni Djoċesana Sport (KDS) jagħmlu parti minn din l-unjoni, li tgħaqqad diversi knejjes Kristjani differenti, u għalhekk, 11-il persuna pparteċipaw, f’dan l-avveniment sabiex jaqsmu, jisimgħu u jitgħallmu mil-esperjenzi u realtajiet tal-oħrajn. Malta kellha waħda mill-akbar delegazzjonijiet f’dan il-laqgħa li saret il-Ġermanja u li ġabret 180 persuna minn 31 pajjiż Ewropew differenti.
Dawn l-esperjenzi kollha nqasmu f’mumenti ta’ talb, workshops varjati li jolqtu kull aspett imsemmi, sessjonijiet ta’ diskussjoni bejn il-membri tal-istess pajjiż u anke ħin ta’ logħob flimkien. Għal dawk kollha preżenti, din kienet esperjenza sabiħa li kompliet tarrikkixxi dak li huma u li qed jagħmlu bħala Kummissjoni.
Il-ħidma pastorali fl-isports tinvolvi ħafna aspetti differenti: minn attivitajiet fil-komunità, knejjes, skejjel u għaqdiet għal sapport ta’ atleti professjonali fl-għola livelli tal-isports, minn gyms għal attivitajiet tal-isport fin-natura, għal sessjonijiet tal-gaming li jservu bħala post li wieħed jista’ jikber f’komunità Nisranija. Kien għalhekk li t-tim Malti kien magħmul minn edukaturi, coaches, leaders ta’ gruppi taż-żgħażagħ u saċerdot, li lkoll jingħaqdu bl-isports fil-ħidma tagħhom.