**
Direttur: Dave Green
Atturi: Teo Halm, Astro, Reese C. Hartwig, Ella Wahlestedt
Ħin: 91 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: PG
Klassifika tal-Knisja: PG
Tlett adolixxenti li joqgħodu fl-istess housing estate u ilhom ħbieb minn dejjem, Alex, Tuck, u Munch, iridu jqattgħu l-aħħar lejl flimkien għax l-għada d-djar tagħhom se jitwaqqgħu biex tinbena triq u għalhekk se jinfirdu minn xulxin. Billi dan l-aħħar kienu qed jiġru ħwejjeġ strambi lil mobile phones tagħhom jiddeċiedu li dak il-lejl imorru fid-deżert qrib fejn joqgħodu biex jinvestigaw x’kien qed ifixkel il-mobiles tagħhom. Meta jaslu fid-deżert isibu li l-kawża ta’ dawk l-interruzzjonijiet kien aljeni żgħir li kien spiċċa ferut wara li kkraxxja u li kien qed jipprova jmur lura lejn il-vettura spazjali tiegħu. Hu aljeni ħelu u ġentili ħafna iżda b’ħiliet straordinarji u l-adolixxenti jagħtuh l-isem ta’ Echo. Bl-għajnuna Emma, li kienet fl-istess klassi tagħhom u li tingħaqad magħhom jgħinuh biex isib il-vettura spazjali tiegħu bl-aġenti federali jiġru warajhom għax ikunu jridu lil Echo għall-iskopijiet tagħhom.
Film ta’ fantaxjenza u avventura. Ma tantx fih storja oriġinali u jfakkrek f’ ‘ET’ u films oħra simili. Il-film magħmul minn ‘footage’ li l-adolixxenti jiġbdu b’camera fuq l-idejn li tiċċaqlaq ħafna. Fih messaġġ pożittiv dwar il-lejalta’ u l-fiduċja. Fih xi kliem goff. It-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.