-
Diana
-
**
Direttur: Oliver Hirschbiegel
Atturi: Naomi Watts, Naveen Andrews, Cas Anvar, Lee Asquith-Coe, Geraldine James, Charles Edward u Daniel Pirrie
Ħin tal-film: 113 min
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
Il-mewta traġika u għall-għarrieda tal-Prinċipessa Diana fil-31 ta’ Awwissu 1997 ġewwa Pariġi, ħasdet lid-dinja kollha u pprovokat swied il-qalb internazzjonali u għadd ta’ teoriji ta’ komplotti. Il-film Diana jeħodna għall-aħħar sentejn ta’ ħajjitha. L-istorja tal-film ħija msejsa fuq il-ktieb ta’ Kate Snell: Diana: Her Last Love, miktub minn Stephen Jeffrey. Mill-ewwel nidħlu f’dak il-lejl li fih, Diana flimkien ma’ Dodi Fayed kienu ħerġin mill-lukanda fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, Diana tieqaf soptu meta tisma’ ħoss misterjuż… X’ġara wara, kulħadd jaf! L-istorja tal-film teħodna lura għas-sena 1995. Fil-Palazz ta’ Kensington naraw lil Diana waħedha, mdejjqa għall-aħħar, ma tafx x’sejra tagħmel biha nfisha. Meta Diana tagħmel żjara ġewwa l-isptar biex tara r-raġel ta’ Oonagh Toffolo, agupunturist tagħha, tiltaqa’ għall-ewwel darba mal-kururgu Hasnat Khan. Minn hawn Diana tħoss ġibda kbira lejn dan il-bniedem li għalkemm matul il-film jagħtiha attenzjoni, iżda qatt ma kien hemm ċans li jibda relazzjoni serja magħha minħabba l-fatt li Diana kienet persuna bil-wisq importanti u ċ-ċentru ta’ attenzjoni għall-media. Biex tkompli tagħmilha aktar diffiċli għal Hasnat, anke ommu xejn ma kienet favur li Diana ssir martu minħabba l-fatt li hi kienet prinċipessa Ngliża u Nisranija. X’jiġri meta Hasnat jagħmilha ċara li ma kienx lest li jidħol iktar ‘il ġewwa fir-relazzjoni magħha. Ir-rifjut ta’ Hasnat jkompli jpoġġi lil Diana f’qagħda iktar iddisprata. X’kienet l-idea ta’ Diana, li wara r-rifjut ta’ Hasnat, tfittex relazzjoni oħra, din id-darba ma’ Dodi Fayed? Forsi għamlet dan biex Hasnat jibda jgħir u jerġa’ jinġibed lejha?
Film interessanti izda li jħalli ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba ta’ x’inhi l-verita` u tassew realistku. Għal dawk li huma ammiraturi entużjasti ta’ Diana, għandhom l-opportunita` li jiktakru f’persuna li sfortunatament l-ħajja tagħha mhux biss intemmet ħesrem, iżda l-iktar il-falliment u t-traġedja taż-żwieġ tagħha ma’ Charles, il-Prinċep ta’ Wales.