-
-
Direttur: Kathryn Bigelow
Atturi: John Boyega, Will Poulter, Algee Smith, Jason Mitchell, John Krasiski, Anthony
Mackie, Kaitlyn Dever u Jack Renor
Ħin tal-Film: 143 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fit-23 ta’Lulju 1967, il-pulizija ġewwa Detroit jagħmlu rejd fi klabb mhux liċenjzjat fejn kienu qegħdin jiċċelebraw il-wasla ta’ veterani tal-gwerra suwed. Waqt dan ir-rejd, marmalja jinġemgħu barra u jibdew jitfgħu ġebel fuq l-uffiċjali barra li bdew jisirqu u jaħarqu l-ħwienet fil-viċin. Dan l-inkwiet beda fl-inhawi ta’ 12th Street. L-awtoritajiet jgħamlu ħilithom biex iġibu ftit ordni, iżda kien kollu għal xejn.
Għalhekk, il-Gvernatur W. Romney awtorizza lil Michigan National Guard u l-Armata biex jidħlu fil-belt biex jġibu l-ordni u jipprovdu l-għajnuna. Fit-tieni jum tal-irvell, żewġ pulizija ġrew wara raġel minn dawk li kienu qegħdin jisirqu u wieħed minnhom, Philip Kraus ferih għall-mewt. Kraus mar kontra l-ordnijiet biex ma jisparawx fuq in-nies. Sfortunatament, Kraus tħalla fil-korp sakemm is-superjuri tiegħu jiddeċiedu x’sejrin jagħmlu bih.
Sadanittant, id-Dramatics, grupp ta’ kantanti suwed professjonali jaslu f’Detroit. Ftit sekondi qabel ma dawn kellhom jagħtu preżentazzjoni f’teatru iżda, l-pulizija għalqu l-post u ordnawlhom biex iħallu l-belt. Fi triqthom, ix-xarabank li kienu fuqha ġiet attakkata mill-marmalja b’riżultat li l-grupp inqasam, b’Larry Reed u l-ħabib tiegħu Fred Temple jikru kamra għall-lejl ġewwa l-Algiers Motel. Hawn jiltaqgħu ma’ żewġ tfajliet bojod, Julie Ann u Karen li jintroduċuhom għal ħbieb tagħhom Carl Cooper, ġuvni ta’ sbatax-il sena u Aubrey Pollard.
Sfortunatament, Carl u ħabibu jagħmlu ċajta billi jisparaw pistola li tintuża fl-atletika. Julie u Karen xejn ma ħadu pjaċir u marru fil-kamra ta’ Greene, veteran tal-Gwerra fil-Vjetnam, waqt li Larry u Fred marru lura f’kamrithom. Carl min-naħa tiegħu jiddeċiedi li jerġa jispara ‘blanks’ mill-pistola fid-direzzjoni tat-truppi biex ibeżżagħhom. Dawn ħasbu li kien attakk minn xi sniper u fetħu n-nar fuq il-Motel. Sadanittant, stakkament ta’ pulizija jaslu, taħt it-tmexxija ta’ Kraus li joqtlu lil Carl meta jipprova jaħrab. X’jiġri minn hawn meta l-pulizija, flimkien mal-gwardjani jidħlu ġewwa l-Motel u jarrestaw lil kulħadd?
Film Amerikan, msejjes fuq l-irvellijiet li ġraw ġewwa Detroit fis-sajf tal-1967 riżultat ta’ skuntentezza u diskriminazzjoni fost is-suwed. L-irvellijiet damu sejrin erbat ijiem, bi 43 mejta u 7200 arrestati. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Kathryn Bigelow, kitba ta’ Mark Boal. Minħabba vjolenza mdemmija, torturi, kliem goff u profann u t-tema tal-film, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.