• ***

    Direttur:           Jonathan Teplitzky

    Atturi:              Brian Cox, Miranda Richardson, John Slaterry, James Purefoy, Ella Purnell, Julian Wadham, Danny Webb u Richard Durden

    Ħin tal-Film:    98 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:     15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          15

    Fl-1944, il-Forzi Alleati kienu għal lest, b’armata massiva, mħejjija sew f’segretezza kbira. Din il-Forza nġabbret matul il-kosta tan-Nofsinhar tal-Ingilterra jistennew l-kmand aħħari biex tibda offensiva u invażjoni ta’ Franza u biex jeħilsuha mill-ħakma Nażista. Bniedem wieħed biss kien qiegħed iżomm milli din l-operazzjoni tibda l-missjoni delikata li kellha quddiemha. Dan kien il-Prim Ministru Brittaniku, Winston Churchill, bniedem li kien figura ikonika, bniedem ta’ kapaċità kbira, li meta kien jindirizza lin-nazzjon kien iżommu msammar  mar-radju għalkemm kellu mpediment fid-diskors tiegħu għax kien itemtem xi ftit. Barra hekk, Churchill kien impulsiv u anke xi kultant kien daqxejn ta’ bully.

    F’din l-okkażjoni, Churchill kien ossessjonat u mħasseb ħafna fuq dak li kien seħħ fl-Ewwel Gwerra Dinjija ġewwa Gallipoli fl-1915, fejn kienet disfatta kbira għall-Alleati fejn eluf ta’ żgħażagħ sfaw mejta jew feruti. Churchill  kien qiegħed imexxi din il-forza li sfortunatament ħarġet telliefa b’riżultat diżastruż. Churchill kien għadu jgawdi popolarità  kbira u kien meqjus bħala eroj meta ftit snin qabel kien irreżista b’suċċess il-Blitzkrieg ta’ Hitler. Kien mħasseb ħafna li jekk l-operazzjoni D-Day kienet tkun falliment, hu kien sejjer jibqa’ mfakkar bħala ‘perit  ta’ qerda u mwiet’ ta’ eluf ta’ żgħażagħ. Il-Ġeneral Eisenhower u l-Field Marshal Montgomery, iktar ma beda  jgħaddi ż-żmien, bdew jiffrustraw irwieħhom għar-ras iebsa li beda juri Churchill u minħabba f’hekk kien qiegħed iżomm il-bidu tal-invażjoni.  Anke talbu l-intervent tar-Re George VI li jidher ma kellux ir-riżultat mixtieq. Clementine, mart Churchill, għamlet ħilitha wkoll biex tgħin u tevita li r-raġel tagħha ma jkollux kollass fiżiku u mentali. X’jiġri minn hawn?

    Film Brittaniku storiku ta’ żmien l-aħħar Gwerra Dinjija u l-problemi li nqalgħu meta il-Prim Ministru Churchill beda joħloq ħafna diffikultajiet u deher biċ-ċar li ma xtaqx li ssir l-invażjoni għalissa. B’dan l-atteġġjament kien qiegħed iżomm lill-Alleati milli jinvadu Franza. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Jonathan Teplizky u  kitba ta’ Alex von Tunzelmann. Film interessanti ħafna u msejjes fuq ġrajjiet vera. Dawk li jħobbu l-istorja, żgur għandhom  jieħdu pjaċir b’dan il-film.