• ***

    Direttur:        Jon Favreau
    Atturi:            Jon Favreau, John Leguizamo, Bobby Cannavale, Emjay Anthony
    Ħin:                115 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura:  15
    Klassifika tal-Knisja:       18
     
    Carl Casper, iċ-chef f’restaurant ta’ klassi f’Los Angeles, għaddej minn kriżi ta’ mezz’ eta’ minħabba li jħossu ffrustrat għax ikollu l-ħin kollu jipprepara l-istess platti, kif irid il-kap konservattiv tiegħu Riva li ma jħallilu l-ebda spazju biex juri l-kreattivita’ tiegħu. In-nuqqas ta’ kreattivita’ tiegħu jinduna biha Ramsey Michel, kritiku importanti ta’ l-ikel li jikteb kritika ħarxa kontra Carl u jpoġġiha fuq l-internet. Carl jirrabja u jiddeċiedi li jirrispondih fuq Twitter, bl-għajnuna t’ibnu ta’ 10 snin, Percy, u b’hekk tfaqqa konfrontazzjoni publika bejn Carl u Ramsey bir-riżultat li Carl jispiċċa mkeċċi mix-xogħol. L-ex-mara tiegħu, Inez, mara sinjura, toffrilu għajnuna, l-iktar minħabba li binhom Percy kien qed iħoss in-nuqqas ta’ missieru; hija tistieden lil Carl biex imur magħhom f’mawra f’Miami, fejn Carl kien beda l-karriera tiegħu. Waqt li jkunu Miami Inez titlob lill-ewwel ex-raġel tagħha, Marvin, biex jipprovdi truck ta’ l-ikel imkabar lil Carl. Carl, flimkien ma’ Percy u Martin, kok ħabib tiegħu, jirranġa it-truck, ifassal menu stil Kuban, u jerħilha għal-għonq it-triq.
     
    Film kummiedja u drammatiku, bi storja li tqanqal, mimli ikel li jħajrek u jiftaħlek l-aptit. Jon Favreau, id-direttur u li kiteb l-iscript, jaħdem parti mill-aqwa u jipprovdi divertiment li jġagħlek tħossok tajjeb. Il-film juri wkoll valuri tal-familja u taż-żwieġ li jirnexxu minkejja l-ostakoli li jħabbtu wiċċhom magħhom.  Il-film fih relazzjoni barra ż-żwieġ, teħid ta’ droga, xi kliem ħażin u doppju sens.  Jgħodd għal udjenza adulta.