• ****

    Direttur: James Watkins
    Atturi: Idris Elba, Richard Madden, Charlotte Le Bon, Eriq Ebouaney, Jose’ Garcia,
    Kelly Reilly, James Cox u David Georgiou
    Ħin tal-Film: 92 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
     
    Lejlet Jum il-Bastille, tfajla  Franċiża,  Zoe Naville tiġi mġegħla li tħalli bomba tal-ħin ġewwa uffiċini tal-gvern Franċiż fil-ħin li dawn ikunu magħluqa ħlief għall-ħaddiema li jkunu hemm biex inaddfu l-post. L-għan kien biex tinġibed l-attenzjoni tal-awtorita’ u fl-istess waqt li dawk li ħajjruha biex tagħmel hekk, jagħmlu dikjarazzjoni politakament radikali. L-intenzjoni kienet li din  il-bomba ma toqtol lil hadd.  Meta wasal il-ħin li twettaq dan, Zoe ma jkolliex il-kuraġġ biżżejjed biex twettaq dan l-attentat u  kif tintelaq fuq bankina bil-basket li fih kien hemm il-bomba, mingħajr ma tinduna,  Michael Mason, ġuvni Amerikan, espert tas-serq mill-bwiet jisirqilha dan il-basket u wara li jieħu  dak li kien tajjeb għalih, fosthom mobile, jitfa’ dan il-basket bil-bomba fih, ġewwa barmil taż-zibel fejn wara ftit tal-ħin jisplodi u joqtol erba’ minn-nies. Sandanittant, ġewwa stazzjon tas-CIA ġewwa Pariġi, Sean Briar, aġent li għamel żmien ġewwa s-Sirja u l-Iraq f’missjoni li kienet falliet, prezentament kien qiegħed jipprova jiġbor gieħu u jagħmel ħiltu li fix-xogħol ġdid li issa għandu jerġa’ juri ħiltu lis-superjuri tiegħu. Meta splodit  il-bomba,  l-uniku suspettat kien Michael li deher ċar fuq is-CCTV cameras. Briar kien determinat li jaqbad lil Michael. Briar ma jdumx ma jsib lil Michael li minnnaħa tieghu permezz tal-mobile taghha kien sab lil Zoe. It-tlieta, Briar, Michael u Zoe jintrabtu flimkien għal u erba’ għoxrin siegħa perikoluzi ħafna għaliex deher biċ-ċar li kien hemm konfoffa sħiħa ta’ nies ta’ influenza kbira fit-tmexxija tal-ordni pubblika. X’kien qiegħed jiġri  minn wara l-kwinti? Min kien wara dan it-taħwid kollu? 
    Film Amerikan, mimli azzjoni, bi storja tajba u eċċitanti, għandu jzomm lil dawk kollha li jħobbu dan it-tip ta’ films fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Taħt id-direzzjoni ta’ James Watkins, kitba ta’ Andrew Baldwin, il-film illaqqgħana ma’ Michael Mason, espert fis-serq mill-bwiet,  li flimkien ma’ agent tas-CIA, Sean Briar,  jidħlu b’ruħhom u ġisimhom f’missjoni anti-terrorista ġewwa Franza. Minħabba xeni ta’ vjolenza, qtil brutali kif ukoll xena ta’ nudita, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu il-ħmistax -il sena.