-
-
Direttur: David Leitch
Atturi: Charlize Theron, James McAvoy, John Goodman, Til Schweiger, Eddie Marsan, Sofia Boutella, Toby Jones, Bill Skarsgàrd u Roland Mòller
Ħin tal-Film: 115 min
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fl-1989, qabel ma waqa’ il-Ħajt ta’ Berlin, James Gasciogne, aġent fl-M16, jinqatel minn Yuri Bakhtin, aġent fil-KGB. Bakhtin jisraq Lista, biċċa minn mikrofilm moħbija f’arloġġ tal-idejn u li fiha kien hemm l-ismijiet kollha tal-aġenti sigrieta li kienu joperaw ġewwa l-Unjoni Sovjetika. Għaxart ijiem wara, Lorraine Broughton, spija fil-M16 tiġi msejjħa minn Eric Gray, is-superjur tagħħa fl-M16 u Emmett Kurzfeld, aġent tas-CIA li jaħdem ma’ M16, rigward il-missjoni tagħha ġewwa Berlin. Jiem wara l-mewt ta’ Gasciogne, Lorraine tintbagħat Berlin biex terġa’ ġġib lura l-Lista. Hemm hi toqtol lil Satchel, li kien ‘double agent’. Kien hu li kien jgħaddi nformazzjoni lil Sovjetiċi għal ħafna snin u kien hu li fil-fatt ittradixxa lil Gasciogne.
Meta tasal ġewwa Berlin, Lorraine minnufih tiġi attakkata f’ambuskata minn aġenti tal-KGB li kienu jaħdmu għal Aleksander Bremovych, traffikant tal-armi, biljunarju Russu u assoċjat qrib mal-KGB. Lorraine hawn tiltaqa’ma’ David Percival, li kien l-aġent prinċipali ġewwa Berlin. Għal bidu, Lorraine ma sabet xejn li joffri xi ħjiel ta’ seta’ ġara u għalhekk bdiet tinvestiga l-appartament fejn kien jgħix Gasciogne. Hawn issib ritratt tiegħu ma’ Percival. Tkun hawn li l-Volspolizei jaqbdu lil Lorraine li tirrealizza li Percival biss kien jaf li kienet sejra ġewwa l-appartament u bdiet tissuspetta li wara kollox Percival ma kienx ħlief Satchel. Sadanittant hi tiltaqa’ ma’ Delphine Lasalle, aġent ‘undercover’ Franċiza u tidhol f’relazzjoni intima magħha. Minnaħa l-oħra, Bakhtin jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jbiegħ il-Lista lil min joffri l-ikbar somma. Percival li jsir jaf, joqtol lil Bakhtin u jieħu l-Lista għalih.
X’jiġri minn hawn? X’sejjer jagħmel Percival bil-Lista li issa kellu f’idejh? X’kien is-sehem li Lorraine ikollha tilgħab biex din il-Lista ma taqgħax f’idejn ostili u li seta’ jkollha riperkussjonijiet kbar għal dawk li kienu jaħdmu għal M16 . Min kienet sewwasew Lorraine u għal min kienet fil-fatt taħdem?
Film Amerikan, mimli azzjoni u intricci, eċċitanti u li jżommok fuq ix-xwiek; hu taħt id-direzzjoni ta’ David Leith, kitba ta’ Kurt Johnstad u msejjes fuq in-novella The Coldest City. Minħabba vjolenza eċċessiva u diżgustanti, attività sesswali lesbjana kif ukoll kliem baxx, pervers u insensittiv, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.