Konkatidral ta’ San Ġwann
19 ta’ Jannar 2013
Sabiħa l-esperjenza li tatna l-koppja li għada kemm iżżewġet. Hi sabiħa għaliex jiena ma nistax nagħtikom l-esperjenza tiegħi taż-żwieġ għax il-Mulej qalli biex noffrilu ż-żwieġ fejn tifforma familja biex il-miżżewġin kollha jkunu ħbieb tiegħi w uliedi u nifraħ biż-żwiġijiet ta’ l-oħrajn, mhux biż-żwieġ tiegħi.
Jiena nixtieq li nibda din ir-riflessjoni tiegħi billi ngħidilkom kemm huwa importanti għalina l-insara ż-żwieġ fil-kuntest kollu tal-Knisja. Illum fil-Vanġelu (Ġw 2, 1-12) rajna kemm hu sabih iż-żwieġ. jagħżel li l-ewwel miraklu la jagħmlu ma’ wieħed mejjet bħal Lażżru, la jagħmlu ma’ xi ħadd li kien marid, imma jagħmlu ma’ koppja bħalkom propju fil-mument tat-tieġ tagħhom. U naħseb li hemm raġuni għaliex Sidna Ġesù Kristu għażel din il-forma biex jibda l-ministeru tiegħu. Għax il-ħolqien tad-dinja li aħna naqraw fuqu fil-Ktieb tal-Ġenesi, kif beda? Beda b’raġel u mara li l-Mulej qalilhom biex ikunu ġisem wieħed. Ġisem wieħed! Ħadt gost li l-koppja li tawna l-esperjenza tagħhom, qalu: inpoġġu kollox, tiegħu u tiegħi f’basket wieħed. Jiġifieri jiena nagħti biċċa minni u minn hemm ħdejja jagħti biċċa minn tiegħu jew minn tagħha, fl-aħħar naslu biex ikollna esperjenza ta’ xulxin li tkun qawwija.
F’dik is-silta li qrajna – mhux għażilniha aħna, dik hija d-don tal-Mulej għal din il-quddiesa tal-Ħadd – minn dak il-post ta’ Kana fejn sar l-ewwel miraklu, nistgħu nieħdu tlett tagħ-limiet minnu. L-ewwelnett it-tagħlima li Sidna Ġesù Kristu irid jidħol fil-ħajja tagħna u jekk Ġesù daħal fil-problema – mhix enormi, naqsilhom l-inbid – imma kienet tumiljahom ħafna u Ġesù ma ddejjaqx jidħol propju f’dak il-mument biex hu jneħħilhom dik il-problema u ma jibqgħux imweġġgħin.
It-tieni ħaġa hi li il-Mulej ried li mhux hu jinduna bihom, forsi nduna wkoll imma ried li l-Madonna tinduna bihom u naħseb li m’hemm xejn b’ kumbinazzjoni fil-kelma tiegħu. Naħseb li Ġesù għamel hekk biex jagħtina tagħlima u jekk il-Madonna daħlet biex tinterċedi għal dawk iż-żewġ għarajjes fit-tieġ ta’ Kana, mhijiex se tidħol fil-ħajja tagħkom biex tinterċedi għalikom quddiem Alla l-Imbierek, hija li kienet taf x’jiġifieri żwieġ, hija li kienet taf x’jiġifieri tgħix il-ħajja miżżewġa, imbagħad iktar il-quddiem il-ħajja tal-familja? Allura aħna naraw fit-tieġ ta’ Kana propju dak li l-Mulej sejħilkom għalih. Li huwa xi ħaġa kbira.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Is 62, 1-5) kellna wkoll storja sabiha, storja mill-Antik Testment u, indunajtu? Alla jħobb ħafna lil poplu tiegħu. Indunajtu x’xebh kien? Alla jitgħarras mal-poplu tiegħu bħalma għarus jitgħarras xebba. Jiġifieri meta Alla l-Imbierek ġie biex jgħid, biex jesprimi l-imħabba kbira tiegħu, minn fejn ħadha? Ħadha propju mill-imħabba taż-żwieġ bejn żewġ persuni. U dan jurina kemm Alla l-Imbierek – aħfruli se ngħidha b’dan il-mod – qed jippretendi miż-żwieġ tagħkom bħala imħabba. Intom kontu wegħdtu mhux biss li tibqgħu ma’ xulxin tul ħajjithom kollha imma wegħdtu li tħobbu u tirrispettaw lil xulxin ħajjitkom kollha. Tħobbu u tirrispettaw lil xulxin! U allura intom ġejtu biex tieħdu mhux biss it-tieġ f’nofs ta’ quddiesa imma kontu ġejtu meta żżewwiġtu biex lil Mulej titolbuh ukoll li ż-żwieġ tagħkom ikun imbierek. Tieġ huwa mument ta’ quddiesa; żwieġ huwa l-ħajja tagħkom li intom bdejtu tgħixu flimkien propju biex tgħixu din is-sejħa li takom il-Mulej.
Xi jfisser żwieġ sagrament? Żwieġ sagrament ifisser diversi affarijiet. L-ewwel li jfisser huwa li f’xi mument f’ħajjitkom intom wegħdtu personalment lil Alla l-Imbierek. Mela l-ewwel għażiltu lil xulxin, imbagħad bdejtu tikbru fl-imħabba, imbagħad f’xi mument lil Mulej għidtulu: Mulej, se ngħixu l-ħajja tagħna bħala sejha, bħal vokazzjoni quddiemek. Allura dak li tagħmel meta kultant forsi ma nafx xi tkun qed tagħżel, tiftakar fil-wegħda li int għamilt u terġa għal dik il-wegħda ħalli l-imħabba tagħkom tkompli timxi. Hija vokazzjoni bħalma kienet il-vokazzjoni tiegħi meta l-Mulej għażilni biex inkun saċerdot. L-istess ħaġa! Dak li jrid il-Mulej, jiena għamiltu u intom qegħdin tagħmluh, imma dak li jrid hu.
It-tieni ħaġa li tfisser sagrament hija li intom fil-ħajja tagħkom miżżewġa – ifhmuni din biex ma niftiehemx hażin – tbiddlu daqsxejn il-kultura li intom imdorrijin, drajtu fiha. Jiena taf x’ġagħalni naħseb f’din il-ħaġa? Għaliex anke dawk in-nies li sfortunatament iż-żwieġ tagħhom forsi inkiser, b’xi mod jew ieħor, ħafna minnhom iżżewġu bil-Knisja. Mela mhux l-ewwel mument taż-żwieġ, imma l-għixien taż-żwieġ huwa importanti u l-għixien taż-żwieġ huwa għaliex kultant nidħlu fis-sejħa taż-żwieġ, imbagħad bl-ideat li nsibu madwarna, fid-dinja ta’ madwarna jistghu jfixkluna. Allura żwieġ sagrament ifisser li intom tibdew tħobbu bħalma għallimna Sidna Ġesù Kristu nħobbu. L-istess bħalma nħobb jiena bħala bniedem li offrejt lil Mulej iż-żwieġ tiegħi. Il-Mulej jippretendi li l-imħabba tiegħi tkun bħal tiegħu u l-imħabba tagħkom tkun bħal tiegħu. Per eżempju. Illum qed ngħixu f’dinja fejn niżżuħajr ’l Alla għandna ħafna affarijiet sbieh, imma f’dinja li hija daqsxejn egoista, trid tgħaddi tiegħi, naħseb fija nnifsi. L-imħabba ta’ Ġesù Kristu tfisser li jien naħseb fl-oħrajn, f’dik il-persuna li hemm ħdejja b’mod speċjali, imbagħad meta jkun hemm it-tfal, li jiena naħseb ukoll fit-tfal.
It-tieni ħaġa, tafu li l-Mulej għamel dan il-pjan tiegħu sabih taż-żwieġ anke biex permeżz taż-żwieġ kull persuna li hu jibgħat fid-dinja tkun tista mhux biss titwieled mill-koppja imma titrabba fil-koppja. Allura l-kwalita ta’ l-imħabba trid tkun kbira għax lil dawn it-tfal tagħkom tridu tgħallmuhom x’jiġifieri tħobb. Jiġifieri meta jaraw lilkom jindunaw x’jiġifieri tħobb.
Daqsxejn ta’ storja vera. Għidtilkom żwieġ tiegħi m’għandiex, imma tgħallimt minn ħafna. Kien hemm koppja li kienu qed jaħsbu biex jisseparaw u niżżuħajr ’l Alla kellhom il-kuraġġ biex jerġgħu jibnu r-relazzjoni li kellhom. Mela l-ewwel it-tfal raw lil ommhom u ‘l missierhom jiġġieldu, meta mbagħad rawhom flimkien u jitgħannqu dawn it-tfal ġew lura magħhom biex jagħmlu familja waħda. Araw ftit kemm l-imħabba tagħkom se tiswa biex it-tfal tagħkom jikbru verament imdawwrin bl-imħabba.
It-tielet ħaġa li xtaqt li ngħid għal persuna li żżewġet fil-Knisja hija li, biex timxu paralleli, intom tridu timxu paralleli mal-kobor tagħkom fil-Mulej għaliex inkella tinsewh. Aħfruli ngħidilkom din, imma il-kelma t’Alla fejn se tisimgħuha? L-Ewkaristija biex tqawwikom? Il-qrar li huwa laqgħa mal-maħfra ta’ Alla? Għax inti tkun żbaljajt. Aħna lkoll nagħmlu xi żbalji: kelma żejda, ma nafx xiex, imma l-qrar jaghtina s-saħħa biex dak l-iżball li għamilna, inwarrbuh biex nerġhu nibdew. Ħallu l-fatt li intom għażiltu żwieġ nisrani jgħinkom biex intom tkunu tistgħu timxu fit-triq tal-Mulej. Allura l-quddiesa tal-Ħadd, per eżempju. Ftakru li f’Malta għallanqas 48% fil-mija ma jmorrux il-quddies il-Ħadd . Għandkom għażla. Ma min se tkunu intom? Mat-tmienja u erbgħin jew ħamsin, fl-aħħar ċensiment li kellna? L-għażla hija tagħkom. Illum tridu tagħżluha mhux darba oħra.
Nagħlaq b’daqsxejn ta’ definizzjoni ta’ żwieġ, bi storja vera li dejjem ngħidha. Kien hemm koppja li kienu għadhom kif tilfu l-ewwel tarbija tagħhom; kienet mietet fil-ġuf. Ir-raġel ġie għandi u qalli li qabel ma jqerr xtaq jgħidli xi ħaġa. Qalli: jien ħadt lil-mara tiegħi, la ħadtha għalija, la ħadtha għaliha imma ħadtha biex inħobb lil Alla fiha. Ma ħadthiex għalija, għax jiena nista’ nara wiċċ ieħor, u allaħares qatt infarrak iż-żwieġ. Ma ħadthiex għaliha għax tista’ timradli u allura l-imħabba tiegħi trid tkun iktar profonda mill-qoxra tal-persuna li hemm ħdejja. Ħa ngħidilkom din ukoll. Xi jumejn ilu kont qiegħed nagħmel il-Viżta Pastorali fil-Marsa u waħda mill-attivitajiet hi li mmur inżur lil familji li għaddejjin minn xi mard. Mort nara tlett familji, it-tlieta li huma kbar fl-età. Xi ħadd minnhom, jew ir-raġel jew il-mara, min għandu riġlejn maqtugħa, minn għandu l-Alzheimer u tara l-fedeltà tal-persuna! U dak ir-raġel kompla jgħidli: lanqas ma ħadtha għalija, jiena ħadtha biex inħobb ‘l Alla. U qalli li qabel ma jmur jorqod, mhux jgħid lil Mulej jekk talabx – għalkemm kien jitlob ħafna dan – imma jħares lejn il-Mulej u jgħidlu: Mulej, jekk illum ittrattajt lil-mara tiegħi b’ħafna imħabba, illum ħabbejt lilek. Jekk illum lil mara tiegħi ma ħabbejtiex, jiena ma ħabbejtekx. Kien fehem li t-triq għall-imħabba tal-Mulej trid tasal mill-persuna li hemm ħdejk.