Knisja Parrokkjali, il-Mosta
4 ta’ Novembru 2012
Ħuti, permezz tas-sagramenti, Alla l-Imbierek għoġbu jagħti lill-Knisja il-mezzi kollha biex wieħed ikun jista’ jitqaddes. Fost dawn is-sagramenti huwa tana wkoll l-Ordni Sagri għaliex bħal kull ġemgħa oħra għandna bżonn dawk li jmexxuna u li jgħallmuna. L-Ordni Sagri għandu tliet gradi: il-pjenezza tas-saċerdozju ministerjali qiegħda fl-Isqof, imbagħad għandna l-presbiteri, is-saċerdoti, il-qassisin, imbagħad għandna d-djakni. U llum dawn ħutna se jirċievu dan is-sagrament tad-djakni biex huma jkunu jistgħu jaqdu fil-Knisja. Mil-lum ’il quddiem tarawhom iqarbnu bi dritt, jagħmlu l-omelija bi dritt, parti mill-ministeru tagħhom, jistgħu iżewġu, u jistgħu jagħmlu funerali biex b’hekk ikunu jistgħu jgħinu lis-saċerdoti propju fil-ministeru tagħhom.
Aħna naqraw fuq id-djakni fl-Atti tal-Appostli. Darba minnhom ikun hemm l-appostli u dawn bdew jiżdiedu fin-numru u indunaw li ma jistgħux jieħdu ħsieb ta’ kollox. Allura x’għamlu? Għażlu sitta mimlijin bl-Ispirtu s-Santu u għamluhom djakni biex iservu fl-imwejjed. Tgħiduli biex isservi fl-imwejjed, xi ħaġa speċjali? Fil-kuntest uman mhijiex. Imma fil-kuntest spiritwali li jservu hija t-triq tal-qdusija għal dawn id-djakni. Infatti Ġesù qal: jien ġejt biex naqdi mhux biex inkun moqdi. Sidtna Marija qalet: jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek. U anke lill-appostli fl-aħħar ċena, Sidna Ġesù Kristu ħaslilhom riġlejhom u qalilhom biex jagħmlu bħalu: jaqdu. Allura l-ewwel ħsieb li xtaqt naqsam magħkom: il-qadi li intom se tagħmlu, agħmluh ukoll bħala mezz ta’ qdusija. Kull darba li tkunu qegħdin taqdu lill-poplu t’Alla ftakru li qegħdin tixbhu lil Sidna Ġesù Kristu propju fil-qadi tiegħu; huwa mezz ta’ qdusija għalikom.
Meta aħna naqraw il-kelma t’Alla li smajna llum, aħna għandna żewġ lezzjonijiet li xtaqt li naqsam magħkom. L-ewwel lezzjoni u l-Vanġelu kien fuq l-imħabba t’Alla: b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’saħħitna kollha. Naħseb li intom tafu li għas-saċerdoti, u għad-djakni, dan għandu tifsira aktar profonda. Huma diġà wiegħdu ’l Alla li jħobbu ’l Alla b’qalbhom kollha, b’saħħithom kollha għaliex fil-każ tar-reliġjużi għamlu l-voti fosthom il-vot tal-kastità, u għas-saċerdoti djoċesani għamlu l-wegħda taċ-ċelibat jiġifieri lil Alla ħallewlu vojt biex ikun jista’ jimlieh hu. U allura fil-ministeru tagħkom din il-lezzjoni fiha żewġ partijiet. L-ewwel parti: ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. U xi tfisser din il-kelma ta’ Ġesù? Mhux li aħna lil Alla se nagħtuh xi ħaġa. Meta nħobbuh, u dan ifisser dan il-kmandament, qed nagħtuh ċans biex hu jimliena bil-kwalità tal-imħabba tiegħu. Jekk aħna ma nħobbux lil Alla b’dan il-vot jista’ jkollna ħafna kwalitajiet ta’ mħabba imma ma nistgħux inħobbu bl-istess imħabba t’Alla. Mingħandu biss tista’ tiġi, mingħand ħadd ieħor. Mingħand Alla biss!
Sidna Ġesù Kristu għaqqad din l-ewwel parti li aħna rajna fid-Dewteronomju u ma’ biċċa oħra: ħobb lil għajrek bħalek innifsek. U jiena għidt li nixtieq li nipproponilkom il-kelma ‘bħalek innifsek’. Jekk inti timtela b’Alla l-Imbierek ‘bħalek innifsek’ ikun ifisser: imla lil dawk li jħobbuh bħalma inti għandek l-imħabba t’Alla. Jekk aħna ma nibqgħux nirċievu l-imħabba t’Alla, jidħol l-uman tagħna u ‘bħalna nfusna’ ikun ifisser kif ifettilli jien, ikun l-uman biss. Allura fil-ministeru tagħkom dan il-kmandament mhux biss triq ta’ qdusija imma triq li fiha intom tistgħu tagħmlu l-ministeru tagħkom, bħalna s-saċerdoti kif għandu jkun, b’iktar qawwa: tħobb lill-Mulej Alla tiegħek, titlob, ikollok relazzjoni miegħu biex imbagħad b’dik l-imħabba tkun tista’ tħobb meta tkun qed isservi lill-oħrajn. Dan hu l-ispirtu kollu li għandna jkollna aħna s-saċerdoti biex inkunu nistgħu naqdu lil Sidna Ġesù Kristu.
It-tieni lezzjon tal-lum kienet mill-Ittra lil-Lhud u dan li kiteb din l-Ittra jagħmel paragun – naħseb indunajtu – bejn is-saċerdozju tal-Antik Testment u s-saċerdożju l-ġdid li għamel Sidna Ġesù Kristu. Is-saċerdozju tal-Antik Testment kien minnu nnifsu estern; ikun hemm is-saċerdot jitlob lil Alla biex jaħfirlu d-dnubiet tiegħu, jitlob lil Alla biex jaħfer id-dnubiet tal-poplu. Wara Kristu, din ir-realtà nbidlet. Issa l-grazzja diġà qiegħda hemm, mela r-rwol tagħkom u tagħna mhuwiex l-istess bħall-Antik Testment li aħna se nagħtu xi ħaġa lil Alla bħala sagrifiċċju. Alla l-Imbierek ta f’idejn is-saċerdoti, djakni wkoll, propju din il-grazzja li huma jridu jagħtu lill-oħrajn. Il-grazzja mhux se nakkwistawha. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu hija eterna, fuq kull żmien u qiegħda diġà hemm. Mela x’inhu l-ministeru tagħna? Il-ministeru tagħna huwa l-medjazzjoni tal-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Qed tarawha d-differenza? Fl-Antik Testment kont tibda mis-saċerdot; fina nibdew minn Kristu li jgħaddina mill-grazzji li mbagħad inkunu nistgħu ngħadduh lill-oħrajn. Ħuti djakni, din hija t-tieni riflessjoni li l-Mulej takom fil-lezzjonijiet tal-lum. Ftakru liema don qegħdin tagħtu fil-Kelma u fl-Ewkaristija. Qatt tinsewhom. Il-Mulej jagħtihulkom biex intom b’hekk tkunu tistgħu taqdu lill-poplu t’Alla. Jekk ma tagħmlux hekk – ħa nkun negattiv – nerġgħu naqgħu għar-rit estern li kien hemm fl-Antik Testment u aħna, minflok ma nagħtu l-grazzja ta’ Kristu, nagħtu biss dak li jidher, ir-rit estern. Mentri mingħand Ġesù, meta nkunu f’għaqda miegħu, aħna nkunu nistgħu nagħtu l-grazzja li Sidna Ġesù Kristu jridna nagħtu lill-oħrajn.
Jiena nitlob lill-ġemgħa hawnhekk li waqt iċ-ċelebrazzjoni li se nagħmlu, waqt din iċ-ċerimonja, nitlobkom li żżommu f’qalbkom lil dawn is-sitt djakni biex il-Mulej mhux biss jagħtihom li huma jaqdu u li jaqdu bħalu, imma li jkunu qaddisin anke permezz tad-djakonat li se jirċievu llum.