• Archbishop’s message on the Ordination of four deacons

  • Knisja ta’ S. Pietru fil-Ktajjen, B’Buġa

    8 ta’ Novembru 2013

    Ħuti, ġejna hawnhekk biex nassistu għall-għoti tad-djakonat lil dawn l-erba’ żagħażagħ. Id-djakonat huwa wieħed mill-mumenti tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri. L-ewwel mument hu l-mument tad-djakonat li qed jieħdu dawn il-kandidati llum; it-tieni mument huwa l-presbiterat jew kif nafuh is-saċerdozju ministerjali u t-tielet mument huwa l-episkopat jiġifieri l-għoti tal-ordinazzjoni sħiha, biex ngħidu hekk, lil dawk li jiġu magħżulin bħala isqfijiet. U dan l-Ordni Sagri li qegħdin nagħmlu llum huwa maħsub biex Alla l-Imbierek dejjem iktar jaqdi lill-poplu tiegħu.

    Il-ħidmiet prinċipali tad-djakonat huma tlieta. L-ewwel il-qadi, it-tieni il-kelma t’Alla u t-tielet l-Ewkaristija. 

    Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Atti 6, 1-7) aħna rajna meta d-djakonat beda fil-Knisja. L-appostli. kellhom ħafna żelu biex jipprietkaw, imma kellhom ħafna xogħol ieħor x’jagħmlu, u għalhekk  dan ix-xogħol iddelegawh lil dawk is-seba’ li  sejħulhom djakni u minn hemmhekk beda d-djakonat fil-Knisja mqaddsa.   Dan l-ewwel ministeru fil-Knisja, wara dak tal-Appostli huwa propju l-qadi tal-bnedmin. Fil-Vanġelu nara lil Kristu  nnifsu qiegħed jaqdi, fl-aħħar ċena, meta ħasel riġlejn l-appostli tiegħu u jgħidilhom biex jagħmlu dak li għamel hu (Ġw 13,12-15).

    U hawnhekk nixtieq li nfakkarkom f’żewġ affarijiet. L-ewwelnett, id-dinjità tal-bniedem. Meta Kristu qagħad quddiem l-appostli, ried juri d-dinjità tal-bniedem li kien jistħoqlu li hu jaħsillu riġlejh. Mela intom, meta se sservu lil poplu t’Alla ftakru f’din id-dinjita enormi tal-bnedmin li hemm quddiemkom, għax il-Mulej iħobbhom ħafna lill-uliedu li huma ħolqien tiegħu fuq ix-xbiha tiegħu.

    It-tieni, li timxi wara l-Mulej. Ma tistax timxi wara xi ħadd li qal li hu ġie biex jaqdi mhux biex ikun moqdi, imbagħad ma tagħmilx għemejjel ta’ qadi kif għamel Sidna Ġesu Kristu.

    Dan huwa l-ewwel dmir tal-ministeru tagħkom: intom qegħdin bħala qaddejja tal-poplu t’Alla. Taqdu lil kull bniedem kif jixraq lid-dinjità tiegħu.

    It-tieni dmir tagħkom nagħqdu ma’ dak aħna rajna fl-ewwel lezzjoni. Tiftakru kienet mill-profeta Isaija, li kellu dehra u min-nofs dik id-dehra ħareġ bħala dak li l-Mulej bagħatu biex imur iwassal il-Kelma. U meta ngħidu li dak il-ħin Isaija ħareġ biex iwassal il-kelma, aħna nkunu qed niftakru li qabel dan, Isaija, kien ippurifikat permezz tan-nar minn Alla l-Imbierek.

    Dan huwa t-tieni servizz tad-djakni, x-xandir tal-kelma. U, qabel kollox, tridu tħallu l-Kelma tippurifikakom,  għax jiena nħares lejn l-għemejjel tiegħi, inxebbagħhom ma’ dak li hemm miktub fil-Kelma t’Alla u hemmhekk inkun naf fejn jien għandi bżonn nissaffa. U allura li ngħidilhom lil dawn l-erba’ djakni: għandkom iċ-ċans u titilfuhx, li qabel ma tagħtu l-Kelma lill-oħrajn, l-ewwel ħalluha ssaffi lilkom. Kemm hu sabih li mbagħad inkunu qegħdin nwasslu Kelma li ma tkunx barra minna, bħalma naqra ktieb, imma bħala esperjenza ħajja li tkun ġewwa fija: jiena għixtha u qed nagħtiha lill-oħrajn, lill-poplu t’Alla, propju bħala esperjenza personali. Il-Kelma t’Alla, il-qawwa tagħha mhux qiegħda meta tixxandar. Imma Il-kelma t’Alla, il-qawwa tagħha, qiegħda meta tiġi fina u tibdilna. Il-kelma t’Alla qiegħda hemmhekk mhux biex nisimgħuha u nibqgħu nħarsu biss, imma meta nisimgħuha, inħalluha tbiddilna, issaffina biex aħna nkunu aktar qrib lejn Alla l-Imbierek.

    It-tielet dmir fil-ministeru tagħkom għeżież djakni huwa lejn l-Ewkaristija. Il-Vanġelu tal-lum ma tkellimx fuq l-Ewkaristija, imma tkellem fuq l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu. L-Ewkaristija hija proprju din l-Imħabba. Intom se jkollkom il-grazzja li tgħixu s-sagrament tal-Ewkaristija billi tħobbu l’Alla fil-Poplu tiegħu li into ser taqdu.  

    Ġwanni Pawlu II qal li l-Ewkaristija hija l-iktar punt għoli li nistgħu naslu fl-imħabba tagħna lejn Alla l-Imbierek. Bħalma qalilna Ġesu fil-Vanġelu, fl-Ewkaristija aħna nkunu qegħdin induqu mhux l-imħabba ta’ bniedem, imma l-imħabba ta’ Alla nnifsu. Il-Papa jkompli jgħidlina li l-Ewkaristija fiha nfisha hija sagrament soċjali, jiġifieri meta aħna lkoll qed nieħdu l-Ewkaristija, aħna lkoll insiru ħaġa waħda bejnietna, għax l-istess Ewkaristija li ħadt jien, hija l-istess Ewkaristija li ħadt int, u li ħadt int. U allura tagħmilna ħaġa waħda. Dak li qal Sidna Ġesu Kristu ikun qed iseħħ bil-ministeru ta’ dawn l-erba’ djakni  meta jqassmu l-Ewkaristija u jħeġġu lill min jirċeviha biex jobdi l-kmandament li inħobbu lill-proxxmu tagħna, inħobbu lill-oħrajn, għax l-Ewkaristija hija s-sagrament tal-imħabba t’Alla.

    Għalhekk għeżież djakni, dan huwa l-ministeru li intom se taqdu fil-Knisja, u aħna nixtiequlkom kull ġid u kull grazzja.  Tersqux lejn dan is-agrament li ser tirċievu llum bħala xi ħaġa li għażiltu intom. Alla għażilkom, ma nafux għaliex, imma Alla għażilkom. Allura dan is-sagrament għixuh bħala don mingħand Alla l-Imbierek.  Hu don spiritwali ta’ Alla l-Imbierek li għoġbu jagħti lilkom. Għexuh bħala misteru. Dejjem staqsu x’se tagħmlu f’ħajjitkom biex twieġbu għal din il-grazzja li l-Mulej qed jagħtikom minn rajh. Jien spiss nistaqsi: għala jien, Mulej? Imma malajr ninduna li mhux importanti r-raġuni. L-importanti huwa x’ġara:  hu għażilni, għax ried hu, jien irrid ngħix dan id-don bħala misteru u qatt ma nqisu tiegħi, imma rigal mogħti lili. Dan id-don tal-ordinazzjoni tiegħi, jibqa’ dejjem ta’ Alla l-Imbierek bl-imħabba lejn il-Poplu tiegħu.
     

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta