Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

11 ta’ Novembru 2011

Eċċellenza Agent President ta’ Malta, Eċċellenza Mons. Emmanuel Gerada, Eċċellenze, ħuti fis-saċerdożju, fil-ħajja reliġjuża,u fil-magħmudija,

Ħuti,

aħna qed nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni biex nestendu fiż-żmien u fl-ispazju dak il-ferħ kbir li kien hemm ġewwa Malindi meta saret l-ordinazzjoni episkopali ta’ Mons. Emanuel Barbara. Fiż-żmien għaliex saret fl’1 t’Ottubru; fl-ispazju għaliex mill-Kenya dan il-ferħ ġibnih hawnhekk ġewwa fina u waqt li hemmhekk ferħu għaliex kienu qed jilqgħu Isqof ġdid aħna fraħna għaliex dan l-Isqof ġdid ġie propju minn din il-Knisja tagħna li qed tgħin lil din l-Knisja ġewwa l-Kenya biex dejjem iktar tikber.

U jiena xtaqt naqsam magħkom daqsxejn xi tkun il-ħidma tal-Isqof f’kull post. U l-ewwel ħaġa li xtaqt ngħid hija li l-missjoni tal-Knisja tibda mill-imħabba ta’ Alla l-Missier li għandu lejn kull persuna li hawn fuq din l-art. Alla l-Imbierek iħobb kull persuna għax hu ħalaqha għax-xbieha tiegħu, raġel u mara hu ħalaqhom. U anke meta Alla l-Imbierek, għall-ewwel darba ġie fid-dinja biex jibqa’ ġewwa fiha permezz ta’ poplu, qiegħed nitkellem fuq Abraham, Alla l-Imbierek qallu: Abraham, jiena se nbierkek imma permezz tiegħek se jitbierku l-ġnus kollha. L-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn il-ġnus kollha tal-art – ippermettuli l-kelma –ġagħlitu biex hu jibni poplu fuq Abraham u dan il-poplu jkun il-preżenza tal-imħabba t’Alla fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha. Ovvjament din l-imħabba t’Alla intweriet iktar u iktar meta Sidna Ġesu Kristu propju fl’aħħar mument mad-dixxipli tiegħu, mal-appostli, qallhom: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-tajba”. U aħna nafu li l-Isqof Barbara sejjer hemmhekk ġewwa Malindi mhux għall-insara ta’ Malindi biss imma sejjer b’imħabba kbira lejn dawk il-bnedmin kollha li jinsabu fit-territorju tad-djoċesi tiegħu. U hu jrid iwasslilhom din il-kelma ta’ mħabba ta’ Alla l-Missier lejn kull persuna.

Aktar minn hekk, l-Isqof irid ikun ix-xbieha ta’ din l-imħabba lejn kull persuna għax minnha toħroġ l-verita dwar ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla l-Imbierek. Biżżejjed illum kellna dik l-lezzjoni sabiha, l-ewwel lezzjoni tal-lum mill-Ktieb tal-Għerf (13, 1-9) u hemm l-awtur ta’ dan il-ktieb: “imma kif jista’ jkun li dawn il-bnedmin waslu biex jifhmu l-kobor tal-ħolqien imma ma waslux li jifhmu kemm u isbah w aħjar dak li għamilhom”. U jaslu filli huma jemmnu f’Alla l-Imbierek. U l-missjoni ta’ l-Isqof Barbara se tkun propju biex jgħin lil dan il-poplu f’dak l-pajjiż li huwa tant sabih. Jiena qatt ma mort, imma min jaf kemm il-darba rajna is-sbuħija ta’ dak il-post u minn hemmhekk lil dak il-poplu kollu ikun jista’ jurih li dan kollu huwa sinjal ta’ l-imħabba ta’ Alla l-Imbierek lejn dak it-territorju li hi d-djoċesi tiegħu. U din hija l-ewwel missjoni.

It-tieni missjoni li għandha l-Knisja hija li tispjega verament min hu dan Alla. U allura ġie Sidna Ġesu Kristu fid-dinja u meta ġie tana esperjenza t’Alla differenti minn kull esperjenza oħra ta’ kull reliġjon oħra. U din l-esperjenza kienet li Alla l-Imbierek, skont Sidna Ġesu Kristu mhuwiex Alla li jibqa’ bogħod minna imma Alla li jinżel għalina u urina xi ħaġa li ma tantx nistgħu nifmhu imma li rridu naċċettawha bil-fidi u nistqarruha li l-bniedem f’Alla, jispjega Sidna Ġesu Kristu, huwa fiċ-ċentru t’Alla. Jekk l-Iben t’Alla sar bniedem, sar għalina, jekk l-Iben t’Alla miet għalina, sar għal kull wieħed u waħda minna.

Allura għandna din it-tieni missjoni li aħna nispjegaw li la darba Alla l-Imbierek kien kapaċi jibgħat lil Ibnu għalija, dak jiġifieri li d-dinjita tiegħi hija dinjita li l-ebda moħħ uman ma jista’ jifhimha jekk ma jippruvax jidħol f’dak li għallem Sidna Ġesu Kristu. U allura llum fil-Vanġelu (Lq 17, 26-37), aħna sibna xi ħaġa li hija fil-qofol ta’ dak li għallem Sidna Ġesu Kristu. Hija l-identifikazzjoni tiegħu mhux biss mal-bniedem imma l-identifikazzjoni tiegħu b’mod speċjali ma’ dawk il-bnedmin li qegħdin isofru u allura l-bnedmin l-oħra kultant isibuha ħafna faċli li jwarrbuhom, ħafna faċli li jinsewhom. Imma Ġesu jurina li d-dinjita li hemm f’kull persuna ma tinħarabx billi l-persuna hija marida, billi l-persuna hija fil-ħabż, billi din il-persuna hija bil-ġuħ u hija mwarrba.

U jiena naf li l-Isqof Barbara se jkollu l-missjoni tiegħu li huwa jmur propju wara dawn in-nies. Hemmhekk se jsib ħafna iktar milli forsi nsibu fil-pajjiżi tal-Punent, u hemmhekk jurihom, mhux biss jgħinhom, imma jurihom id-dinjita kbira tagħhom f’isem il-Mulej Ġesu. Kif jista’ jkollok dinjita ikbar milli inti xi darba f’ħajtek tgħaraf li Sidna Ġesu Kristu huwa identifikat miegħek u inti identifikat mal-Iben t’Alla li sar bniedem. U din hija il-missjoni tal-imħabba, tal-karita, tas-solidarjeta li aħna rridu u l-Isqof Barbara b’mod speċjali irid iwassal lil dan il-poplu tiegħu: dan Alla li jsir bniedem bħali biex jurini d-dinjita tiegħi u jgħolliha għaliex jgħaqqadha ma’ tiegħu.

It-tielet missjoni li l-Knisja jkollha u hawn tidħol il-Knisja wara dawk iż-żewġ veritajiet: mela l-imħabba t’Alla lejn kull bniedem, Alla kif inhu muri minn Sidna Ġesu Kristu, tidħol it-tielet missjoni li se jidħol għaliha l-Isqof Emanuel Barbara u din il-missjoni hija li dan kollu irid iseħħ għaliex Alla l-Imbierek propju ħalla l-poplu tiegħu, il-komunita nisranija, li hemm ġewwa d-djoċesi ta’ Malindi biex tkun hi li twassal dan kollu lill-oħrajn. X’inhi komunita nisranija? L-Isqof Barbara, meta jmur hemmhekk irid jara li l-poplu tiegħu ikun verament magħġun fil-kelma, irid ikun poplu li huwa mqaddes fis-sagramenti, irid ikun poplu li huwa msaħħaħ għaliex ġo fih għandu ż-żerriegħa tal-evanġelizzazzjoni li ġiet mill-Magħmudija tiegħu. U allura l-missjoni tiegħu bħala Isqof hija li jgħin, mhux li jagħmel l-affarijiet hu, imma li jgħin lil dawn l-aħwa kollha, skont l-istati differenti li jinsabu fihom mhux importanti, imma l-importanti huwa li jkunu mgħammdin biex huma jagħmlu, ikunu verament sinjal għall dawk li ma jemmnux, ta’ dawn il-veritajiet kollha. U din hija t-tielet missjoni li l-Isqof Barbara se jmur hemmhekk ġewwa Malindi f’isem il-Knisja u f’isimna wkoll li se jagħti lil dan il-poplu din il-Knisja li issa ġiet fdata f’idejh.

Ħuti, jiena nagħlaq din ir-riflessjoni tiegħi billi ngħid xi ħaġa li llum il-Knisja qiegħda tgħid. X’inhi missjoni? Missjoni hija li jkollok Knisja, komunita ekkleżjali li hija ffurmata u din il-komunita ekkleżjali issib xitla ta’ komunita oħra f’post ieħor u tgħinna sa ma tikber, tgħinna bil-mezzi kollha li għandha, bil-persuni, bl’għajnuna li hemm sakemm dik il-komunita tidħol fil-maturita tagħha. U din hija l-missjoni li għandhom propju l-missjunarji kollha madwar l-Isqof Barbara ġo dak il-post ta’ Malindi.

Jiena l-awguri tiegħi huwa propju li l-Mulej jagħtik ħafna snin, Eċċellenza, biex inti f’dak il-poplu iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar tieħdu bħala l-kliem ta’ Sidna Ġesu Kristu. U jien xtaqt skont S.Pawl fit-tieni lezzjoni tal-lum xtaqt li nieħdu bħala l-konklużjoni: “għax jitkellem bħala presbitertu u presbiteru jiena wkoll” u x’suppost tkun l-missjoni u l-ispirtu tal-missjoni tiegħek. “Irgħu l-merħla t’Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors imma min qalbkom kif irid Alla … bil-ħajja, bil-ħeġġa ta’ l-imħabba … billi tkunu ezempju tal-merħla” (1Pt 5, 2-3). Mhux ta’ b’xejn li S. Pietru jagħmel dan il-kliem kollu qawwi għaliex din il-komunita ekkleżjali trid tkun dik li permezz tagħha l-oħrajn iridu jemmnu f’dak kollu li ġie jgħidilna l-Mulej Ġesu. Nerġa nawguralek, aħna l-ferħ tagħna li minn Malta ħarġet din l-għajnuna u nifraħlek u nawguralek li għal bosta snin bl-għajnuna li aħna nagħtu bħala Knisja f’Malta id-djoċesi ta’ Malindi bil-wirt li int anke irċevejt minn għand l-Isqof Francis Baldacchino int tkun tista’ iġġib din il-komunita għall-missjoni tagħha. Grazzi ħafna talli aċċettajt din il-missjoni kbira.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta