-
Archbishop’s Message on the occasion of the Religious Profession of two Augustinian nuns
-
Parroċċa ta’ S. Pawl il-Baħar
8 ta’ Settembru 2013
Ħuti, diġa fil-bidu għamilna riflessjoni li llum iktar minn dak li jidher, irridu nagħtu każ ta’ dak li ma jidhirx, jiġifieri l-wegħda li se jagħmlu Sr Rosanne u Sr Sandra li huma jingħataw lil Alla l-Imbierek. Tistgħu tifhmu kemm hija xi ħaġa kbira li wieħed jagħmel pass daqshekk profond ma’ Alla l-Imbierek. Imma kien il-Mulej li sejħilhom u allura kif jgħid S. Pawl fit-tieni lezzjoni huma mhux se jfittxu l-qdusija li ġejja minnhom jew minn xi ħadd; huma se jfittxu l-qdusija li ġejja biss minn Alla l-Imbierek. Sr Rosanne u Sr Sandra, hija din il-qdusija li se żżomkom f’ħajjitkom kollha, hija din il-qdusija li se tagħti togħma lil ħidmiet kollha tagħkom.
Fl-ewwel lezzjoni (1 Slat 19, 8-15) tal-lum aħna rajna lil Elija qiegħed jaħrab, imbagħad jiġi ġod-deżert u hemmhekk il-Mulej jerġa jgħallmu biex ikompli l-missjoni tiegħu. Ħuti, nixtieqkom li tiftakru dawn iż-żewġ kelmiet. L-ewwel kelma hija deżert. Jekk aħna ma jkollniex deżert f’qalbna, jekk aħna nkunu nfluwenzati biss minn dak li hemm madwarna, ma jkollniex is-saħħa biex nikbru fl-għerusija mal-Mulej Ġesu. Aħna jrid ikollna d-deżert f’qalbna li ħadd ma jersaq lejh ħlief Sidna Ġesu Kristu.
It-tieni kelma li qalilna Elija hija dik il-kelma li qed jistenna lil-Mulej. U jiġi nar u ma jkunx fih, u jiġi riħ qawwi u ma jkunx fih, u tiġi theżhiża u ma jkunx fiha. Imbagħad Alla l-Imbierek jiġi f’żiffa ħelwa. U din hija l-qdusija li aħna rridu nibnu. Ma nistgħux nibnu l-ħajja tagħna spiritwali fuq dawk il-mumenti qawwijin ta’ meta Alla jagħtina grazzji speċjali, imma l-ħajja tagħna rridu nibnuha fuq il-ħajja ta’ kuljum, fuq il-ħajja taż-żiffa ħelwa, fuq il-ħajja li meta nersaq quddiem Alla l-Imbierek, jiena nħoss bħal żiffa. Kapaċi jiena stess noqgħod quddiemu u nifraħ għaliex hu qiegħed miegħi.
Mela din hija l-ewwel riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom għaliex hija l-qofol ta’ dak li se tagħmlu. Illum ’il-Mulej qed tgħidulu li se tibnu deżert fil-qalb tagħkom u intom se tqisuh bħala żiffa ħelwa li kapaċi kull darba li tersaq lejh, tħossu jiffriskak. Qegħdin fis-sajf forsi nifhmuha iktar dik iż-żiffa. Imma dan hu l-Mulej Ġesu. Tkun miexi fit-triq tiegħek, tħoss ż-żiffa tal-Mulej ġewwa qalbek li terġa tagħtik is-saħħa biex terġa tkompli taħdem fid-deżert tal-Mulej.
It-tieni riflessjoni li xtaqt li nagħmlu llum hija li se jkun hawn professjoni perpetwa. Professjoni tfisser wegħda: jiena se niprofessa, jiena se nwiegħed lil Alla l-Imbierek. U perpetwa għaliex diġa huma kienu għamlu professjonijiet, imma ta’ ċertu żmien: nagħti lil-Mulej tliet snin ta’ ħajti, nagħti lil-Mulej ħames snin ta’ ħajti. U dik hija professjoni, imma hija daqsxejn limitata għax wara tliet snin nista’ nerġa nieħu dak li tajt lil-Mulej; wara ħames snin nista’ nerġa nieħu dak li tajt lil-Mulej. Fil-professjoni perpetwa intom se tgħidu lil-Mulej: ngħix kemm nghix, Mulej, il-futur huwa tiegħek; il-futur, ngħix kemm ngħix, se jkun għad-dispożizzjoni tiegħek. U din hija l-qawwa tal-professjoni. Illum se jibdew jghixu l-konsagrazzjoni tal-magħmudija iktar fil-fond. Sr Rosanne u Sr Sandra, issa se tkunu intom li dak li rċevejtu fil-magħmudija se twettquh billi toffru ‘l-Mulej il-ħajja tagħkom kollha.
Naħseb li jekk hemm xi ħaġa li tista’ tfehemna llum għal dak li qed tagħmlu intom, hija t-tieni lezzjoni tal-lum li kienet mill-Ittra ta’ S. Pawl lil-Filippin (2, 7-11).. U S. Pawl kien qiegħed ipoġġi, din l-professjoni tiegħu f’żewġ affarijiet differenti. L-ewwel ħaġa li jgħid: “ninsa lil dak li hemm warajja, inqis kollox bħala knis biex jiena nkun nista’ nilħaq lil-Mulej”. Mela din hija l-ewwel ħaġa li ser issir llum. Il-passat tagħkom se tħalluh warajkom, mhux għax ma kienx hemm mumenti sbieh, imma llum se tidħlu f’esperjenza differenti ma’ Alla l-Imbierek li ma tistax tkun influwenzata biss minn dak li kien il-passat tagħkom. Illum huwa mument ġdid li fih intom se tidħlu f’relazzjoni mal-Mulej.
It-tieni ħaġa li qal S. Pawl li: “nagħti kollox biex inkun nista nikseb l-imħabba ta’ Sidna Ġesu Kristu. Jiena nagħti kollox biex inkun nista nilħaq lil Kristu. U għalhekk inħossu mieghi”. U għalhekk, ħuti, min jaf kemm se jkollkom ħidma, u ħidma fejjieda quddiem Alla l-Imbierek. Imma l-veru professjoni tinsab filli intom tibdew din l-esperjenza ġdida ġewwa qalbkom li intom u l-Mulej tkunu ħaġa waħda. Jiġifieri jien nista nkun reliġjuż u tgħidtx kemm nagħmel xogħol, imma l-Mulej se jikkunsidrani hawn ġo fija x’sar, ġo fija kemm insejt dak li kien ta’ l-imgħoddi, qistu bħala knis u kemm jiena lest li ħajti kollha nagħtiha billi nkun naf lil Sidna Ġesu Kristu. Naħseb li hija waħda mill-isbah definizzjonijiet ta’ professjoni li aħna nistgħu naraw.
It-tielet riflessjoni jiena xtaqt li nagħmilha fuq il-Vanġelu tal-lum li kien il-Vanġelu tal-beatitudnijiet (Mt 5, 1-12) u jiena għażilt tlieta minnhom. Tafu li huma tmienja imma jiena għażilt tlieta biex nispjegaw r-raguni ta’ din il-professjoni reliġjuża perpetwa. Aħna se nisimgħukom twiegħdu li tgħixu t-tlett voti, dawk li ngħidulhom il-kunsilji evanġeliċi li huma l-voti ta’ l-ubbidjenza, il-faqar u l-kastita. Intom tridu tagħmlu l-vojt fikom biex jimtela bi Kristu. Kif se tagħmlu l-vojt? Billi tgħixu dawn it-tlett wegħdiet tagħkom għax dawn se jagħtukom il-vojt biex imbagħad ikun jista’ jimtela mill-grazzja tal-Mulej. Jekk ma jkunx hemm vojt, il-Mulej ma jistax jimlina bil-grazzja tiegħu.
Jiena għażilt tlieta, mit-tmien beatitudnijiet. L-ewwel waħda: “imberkin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għal ġustizzja”. Imberkin dawk li għandhom ġuħ u għatx għall-pjan tal-Mulej lejn il-bnedmin. Ġuħ u għatx! Għalhekk importanti li nagħmlu l-professjoni tal-ubbidjenza. X’jimporta nkunx hawn, jew inkunx hemm? X’jimporta jekk nagħmilx dan jew l-ieħor? L-importanti hu l-ġuħ u l-għatx li għandi ġewwa fija biex il-pjan t’Alla jseħħ. Kull ħidma tagħkom trid toħroġ minn din ix-xewqa kbira u profonda li intom tagħmlu r-rieda t’Alla. Dik hi l-ubbidjenza! Bl-ubbidjenza qed tħallu vojt biex jimtela b’dak li jagħtikom Alla l-Imbierek permezz tas-superjuri tagħkom. Imma dak huwa l-vojt! Jekk jiena diġa ppjanajt, jekk jiena għandi ħafna pjanijiet għal futur tiegħi, diġa ‘l-Mulej illimitajtlu l-vojt u x’aktarx nagħmel iktar ir-rieda tiegħi milli r-rieda ta’ Alla l-Imbierek.
It-tieni beatitudni li xtaqt li naqsam magħkom hija: “imberkin dawk li huma safja f’qalbhom”. U din intom se tgħiduha permezz tal-vot tal-kastitá. Dawk li huma safja f’qalbhom! Intom illum se tiprofessaw quddiem il-Mulej li mhux se tħallu lil ħadd u lil xejn jidħol bejnkom u bejn Alla l-Imbierek. Dik hija l-professjoni tal-kastitá għax il-kastitá tfisser li Alla se jkun dak li jien inħobb u ‘l bnedmin l-oħra li se jiġu fit-triq tiegħi, se nħobbhom fih għax inkella nibda nfittex il-persuni umani għal dak li jista’ jagħti ferħ lili, mhux li jagħti ferħ lil Alla l-Imbierek.
It-tielet u l-aħħar beatitudni li xtaqt li naqsam magħkom huwa; “Imberkin dawk li huma fqar fl-ispirtu”. Il-faqar fl-ispirtu x’inhu? Fqar fl-ispirtu jfisser li l-jien tiegħi se npoġġih kollu fil-genb biex ma jkolli xejn tiegħi. Dak ifisser il-vot tal-faqar. Jien se nibdel dawk l-affarijiet li d-dinja tħoss li huma importanti, mal-affarijiet tas-saltna tas-sema. U allura il-missjoni tagħkom se tkun li twasslu lill-oħrajn biex iduqu lil Mulej ħa jippreparaw rwieħhom għal dak li aħna ġejna maħluqin, jiġifieri l-ferħ tagħhom fis-sema.
Illum hija l-festa ta’ Marija Bambina, għalhekk ma nistax dan il-kliem kollu li għidt ma ngħidux fi kliem Sidtna Marija. Li se tagħmlu llum huwa dak li għamlet Marija: “jiena l-qaddeja tal-Mulej ħa jsir minni skont kelmtek”.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta