-
Archbishop’s Message on the occasion of the Religious Profession of Sr Daniela Fardell
-
Sorijiet ta’ S. Ursola, Valletta
19 ta’ Ottubru 2013
Ħuti aħna ġejna hawnhekk biex inkunu xhieda tal-profesjoni solenni li se tagħmel illum Sr Daniela. Dan huwa unur kbir għaliha li l-Mulej għażilha. imma huwa unur kbir anke għall-umanità kollha. X’misteru! Alla jkun kapaċi jagħżel persuna biex tkun tiegħu għal kollox. U llum Sr Daniela se tingħata lill-Mulej għall-ħajjitha kollha. Dak tfisser solenni, tfisser perpetwa, għall-ħajjitha kollha. Il-kumplament tal-ħajja tagħha se thalllih f’dispożizzjoni lill-Mulej biex jużah kif irid.
Mill-Vanġelu tal-lum joħrġu tliet hsibijiet li mal-ewwel ippoġuna fid-dawl ta’ dak li qegħdin niċċelebraw. L-ewwel waħda hija mistoqsija. Ġesu qal fl-aħħar: “Imma l-Iben t’Alla se jsib il-fidi fuq din l-art meta jiġi?” (Lq 18,8). L-ewwel il-fidi. It-tieni t-talb, Sidna Ġesu jgħid dik il-parabbola biex jgħallimhom jitolbu bla ma jieqfu. U t-tielet ħaġa hija l-interċessjoni, meta Ġesu qalilhom: “Jekk il-Mulej ikun qed jisma’ lilkom titolbu lejl u nhar, sejjer mhux se jagħtikom dak li qed titolbu?” (ara Lq 18,7). Madwar dawn it-tlett kelmiet hemm il-ħajja kollha li llum qed tiprofessa Sr Daniela.
Il-fidi. Ġesu wera kemm hi importanti l-fidi meta wera li għandu il-biża, ippermettuli l-kelma, li meta hu jerġa jiġi mhux se jsib il-fidi fuq din l-art. Liema fidi qiegħed jitkellem fuqha, ħuti? Qed jitkellem fuq il-fidi li tfisser fiduċja. Jiġifieri Alla l-Imbierek irid li dawk li jimxu warajh, ikunu verament segwaċi tiegħu. Tant ikollok fiduċja fih, fil-Mulej, li lest li timxi t-triq tal-Vanġelu u tibqa’ miexi wara Kristu. U dan jgħodd għalina lkoll. Il-mod kif inħobbu, il-mod kif naħfru, il-mod kif aħna nkunu nistgħu nitolbu lil Alla l-Imbierek. Dan il-kliem jgħodd għalina lkoll.
Imma llum Sr Daniela se tmur iktar minn hekk. Sr Daniela qed tgħid: jiena fil-monasteru rrid nimxi fuq il-passi ta’ Ġesu. U dan se tistqarru meta hi tagħmel il-voti tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza. X’inhuma dawn it-tlett voti? Dawn it-tlett voti m’huma xejn ħlief li tikkopja lil Kristu kif ġie bħala bniedem. Kristu ġie ċelebi, kieku ried seta jiġi miżżewweġ, min hu Sidu? Kristu ġie fqir, seta jiġi sinjur, min hu sidu? Seta jiġi u jagħmel kollox dak li jrid hu, mentri hu kien jiftaħar li kollox qed jagħmel f’isem Alla l-Missier, qiegħed jobdi.
Sr Daniela lil Alla se toffrilu dawn it-tlett voti. Permezz tal-vot tal-kastita hija se toffri lil Alla l-imħabba li jpoġġi ġewwa fiha bħalma jpoġġi f’kull wieħed u waħda minna u minflok tagħlaqha ġewwa familja waħda, hija se toffriha lilu biex jużah fejn irid u fejn ikun hemm bżonn. Permezz tal-vot tal-faqar hija mhux se toqgħod tinkwieta għal ħajj, bħalma jkollkom tinkwetahom intom biex intom taraw il-ġurnata kif se tagħmluha, imma permeżż tal-vot tal-faqar wieħed ineħħi il-preokkupazzjoni tiegħu għal din id-dinja biex ikun jista’ jittama u jemmen fid-dinja li għad trid tiġi. Dik hija l-uniku għana li hi tkun qed ikkonċentrata fuqu. U permezz tal-vot tal-ubbidjenza hija ma tagħmilx pjanijiet għall-futur; trid li l-Mulej ikellimha anke permezz tas-superjuri minn ġurnata għall’oħrau jgħidilha xi jrid minna u hi se tkun lesta tgħidlu: Mulej la hi r-rieda tiegħek, nagħmilha mingħajr ma nagħmel ħafna mistoqsijiet ġewwa fiha imma nemmina għax inti qed tgħidili.
It-tieni ħaġa li qal Sidna Ġesu Kristu fil-Vanġelu tal-lum kienet: “Itolbu bla ma tieqfu” (ara Lq 18, 1). Dik qed jgħidha lilna lkoll imma kemm tgħodd iktar għal dawk li ġew imsejħin għall-ħajja klawstrali jew kontemplattiva. It-talb li qed jgħid hawnhekk b’mod speċjali huwa t-talb li aħna nsejħulu kontemplazzjoni. X’inhi? Kelma daqsxejn tqila. Kontemplazzjoni tfisser li inti tpoġġi għajnejk f’Alla u Alla jpoġġi għajnejh fik biex inti tkun tista’ issir taf dak li jrid jgħidlek il-Mulej. Hija talb ta’ ħbiberija, hija talb ta’ xi ħadd li jħobb lil xi ħadd ieħor b’mod speċjali.
Lil dawn is-sorjiet, aħna nafuhom bħala sorijiet tal-klawsura, nistgħu nsejħulhom sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva, jiġifieri l-Mulej se jistaqsihom meta xi darba jmorru quddiemu: inti kemm ikkontemplajt lili nnifsi? Kemm dħalt fil-ħajja tiegħek u ħallejtni nidħol f’ħajtek, biex inkun nista’ nkun ħaġa waħda miegħek?
Għalhekk aħna ngħidulhom tal-klawsura għax huma jwegħdu lil Alla li huma jgħixu f’dan il-post qaddis li huwa l-monasteru. Il-klawsura fiha nfisha ma tfisser xejn, ħlief li min jidħol ġo fiha jgħid lill-Mulej: Mulej se nneħħi l-aljenazzjonijiet kollha. Meta tmur barra issib l-aljenazzjoni tat-triq, aljenazzjoni ta’ karozza, aljenazzjoni ta’ ħwienet. Hawnhekk dawn l-aljenazzjonijiet permezz tal-klawsura jitwarrbu fil-ġenb u l-persuna mingħajr aljenazzjonijiet tkun iktar tista’ tersaq lejn Alla. U għalhekk dan it-talb, huwa t-talb li jagħmlu dawn is-sorijiet f’din il-ħajja kontemplattiva.
U l-aħħar kelma li xtaqt ngħid mill-kliem li qal Sidna Ġesu Kristu huwa li jekk Alla l-Imbierek jisma’ t-talb tagħna li aħna nagħmlulu lejl u nhar, sejjer ma jagħtiniex dak li nixtiequ? Ara taħsbu ħuti, li għaliex din il-komunita qiegħda ġo monasteru hija maqtugħa mill-Knisja. Mhijiex maqtugħa mill-Knisja, hija propju fiċ-ċentru tal-Knisja għaliex ir-raġuni li għalija huma qegħdin hawnhekk huwa biex jitolbu għall Knisja, biex jagħtuna l-appoġġ ħalli aħna nkunu nistgħu inwasslu l-Kelma tal-Mulej Ġesu. U din hija t-talba tal-petizzjoni. Aħna bħala bnedmin kemm il-darba nistaqsuhom lil dawn is-sorijiet, iċemplulhom u ngħidulhom: itolbu għalija, itolbu għal dak li ma ma jiflaħx. Dik hija wkoll missjoni tagħhom li huma jiġbru dawn it-talbiet kollha, jgħaqqduhom mat-talbiet tagħhom u jsiru talba waħda lil Alla l-Imbierek, talbiet ta’ petizzjoni.
Għalhekk illum nitolbu lill-Mulej bil-ħerqa, għax illum se jsir miraklu kbir: Alla li jaċetta lil Sr Daniela, għax Sr Daniela hi lesta li tagħti kollox lil Alla l-Imbierek.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta