Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

16 ta’ Novembru 2011

Ħuti,

l-ewwelnett nixtieq li nagħti l-awguri lil dawk li ggradwaw f’dawn il-ġranet u f’isem is-soċjeta nixtieq nirringrazzjakom għall-impenn li intom ħadtu biex taslu f’dan il-punt għaliex is-soċjeta tara potenzjalita kbira fikom ilkoll.  U jalla dan li beda llum f’dawn il-ġranet bil-gradwazzjoni tagħkom iwassal għal tant ġid f’tant sferi tal-ħajja tagħna lil pajjiżna.

Aħna niġu hawnhekk ukoll, ħuti, bħalma tafu biex nirringrazzjaw lil Alla imma wkoll biex ikollna dawl differenti, dawl nisrani fuq dak li aħna qegħin niċċelebraw.  U jiena xtaqt li nieħu dawn iż-żewġ lezzjonijiet li għadna kemm smajna llum u s-Salm, m’għażilnihomx aħna, kienu ta’ din  il-ġurnata, u nipprova nieħu daqsxejn ta’ riflessjonijiet li naqsmu bejnietna.

L-ewwel riflessjoni li xtaqt nagħmel hija fuq il-Vanġelu (Lq 19,11-28) li għadna kemm qrajna llum u f’dan il-Vanġelu għandna żewġ kelmiet li huma tant importanti.  Il-Vanġelu qiesu dak tat-talenti; minflok talenti, issemmew miniet li huma forom ta’ flus.  U minn dawn iż-żewġ kelmiet fil-Vanġelu għandna l-ewwelnett: kollox huwa don bħalma kienu l-miniet li Alla, jew is-Sultan, taha u kollox irid ikun don b’responsabbilta fil-ħajja tagħna.  Fil-fatt dak is-Sultan staqsihom bħala responsabbilta x’għamlu b’dawk id-doni li tahom.  Mela l-ewwel riflessjoni: tajjeb li ngħixu l-ħajja tagħna b’sens kbir li kollox huwa don.  Naħseb li dan igħinna biex innaqsu daqsxejn għax bħala bnedmin kultant is-suppervja tieħu over, ikollna ħafna pretensjonijiet u minflok ma jsir xi ħaġa ta’ servizz, ikun hemm xi ħaġa ta’ suppervja u ta’ pretensjoni.

Għalhekk naħseb li huwa tajjeb li llum niftakru kemm kellna doni biex wasalna hawnhekk.  Id-doni ta’ l-intelliġenza ta’ kull wieħed u waħda minnkom; min jaf kemm kien hemm persuni oħrajn xtaqu li jaslu fejn wasaltu intom, imma ma waslux. Id-don tal-fatt li kellkom il-familji tagħkom li apprezzawkom; min jaf kemm kien hemm familji li ma jappoġġawx lil uliedhom allavolja huma intelliġenti. U naħseb id-don li intom qegħdin ġewwa pajjiż fejn l-istudju, l-istat stess jgħinkom biex intom tistgħu tidħlu fih u tkompluh.  Min jaf kemm hawn żgħażagħ intelliġenti fid-dinja kollha, per eżempju fl’Afrika, huma intelliġenti imma għaliex l-istat ma jgħinhomx, ma jistgħux jaslu fejn wasaltu intom.  U allura din hija l-ewwel ħaġa li xtaqt naqsam magħkom: in-nisrani huwa xi ħadd li jimxi ħafna b’sens ta’ ringrazzjament, sens ta’ don u dan naħseb jgħodd b’mod speċjali anke fi żmienna.

Ngħidu daqsxejn ta’ bracket.  Hekk il-konsumiżmu naħseb li kultant iweġġgħana għaliex jimbotta biex aħna ngħixu minn dak li m’għandniex imma li nittamaw li għad irridu nixtru.  U biex inti tasal għal dak il-punt ma tkunx ferħan b’li għandek, tipprova tixtri dak li m’għandiekx.  Bis-sens tad-don, meta jiena nirringrazzja lil Alla għal dak li għandi, jien hemmhekk nista’ nkun ferħan b’li għandi allavolja bix-xewqa li mbagħad dak li għandi jitkattar.  Imma naħseb il-prinċipju tad-don, li kollox hu don, igħinna ħafna.

It-tieni fat li kellna fil-Vanġelu tal-lum huwa li dan id-don, quddiem Alla l-Imbierek, għall- bniedem li jemmen, huwa don li jrid jaċċettah b’responsabbilta kbira quddiem Alla l-Imbierek.  U din ir-responsabbilta, jiġifieri li aħna rridu ngħixu u ngħixuh b’sens ta’ valur li jien inkun għażilt fil-ħajja tiegħi, ħa ngħid, jekk aħna ma npoġġux u minn issa stess, sett ta’ valuri li huma valuri nsara fil-professjoni tagħna, il-quddiem ma nafx kieku kellna nkellmu dawk li ilhom snin kbar li jipprattikaw il-professjoni li aħna ġejna gradwati fihom, min jaf kemm jgħidulna kemm ikun hemm persuni li jippruvaw ifixklukom u jippruvaw iwasslukom fit-triq il-ħażina. Jekk jiena ma nimxix b’responsabbilta b’valuri li nagħżilhom illum u nagħmel wegħda miegħi nnifsi li jiena se ngħixhom quddiem Alla l-Imbierek, se npoġġi lili nnifsi espost għal kull tfixkil li nista’ nsib fit-triq għax ma jkolli xejn intern imma nibqa’ ngħix biss ma’ dawk li ħaddieħor jista’ jipproponili. Din hija r-responsbabilta tan-nisrani quddiem Alla l-Imbierek.

Fl-ewwel lezjoni tal-lum (2 Makk 7, 20-31),  kien hemm silta ta’ meta l-poplu Lhudi kien għaddej minn mument kbir ta’ persekuzzjoni.  Smajna li kien hemm omm li kellha sebat itfal u dawn qatluhomlha kollha quddiema għax huma ma riedux imorru kontra l-liġijiet ta’ dan il-poplu Lhudi.  U din l-omm minflok ma tipprova tipproteġi lit-tfal tagħha, hija tħeġġiġhom biex jagħżlu dik li hija l-ħajja ta’ l-eternita.  It-tielet ħaġa li rrid ngħid hija li n-nisrani għalih il-ħajja ma jarahiex viżjoni biss li tagħlaq f’din id-dinja, bil-valuri kollha li jingħalqu f’din id-dinja, imma hija li titkompla b’affarijiet li mbagħad aħna nemmnu li se jingħataw lilna fl’eternita.  U allura bħala insara naħseb igħinna wkoll li aħna nifhmu li hemm ċertu għemejjel li se nagħmlu, li lilna se jwassluna għall-eternita u hemm għemejjel li aħna se nagħmlu, l-għemejjel li ma jaqblux ma’dak li għallem il-Mulej, huma dawk l-għemejjel li lilna se jkomplu jorbtuna ma’ din id-dinja, ma jħalluniex nersqu biżżejjed u ninfetħu għall-ħajja ta’ l-eternita.  Lin-nisrani il-ħajja ta’ l-eternita tagħtih il-kuraġġ li jagħmel għażliet li f’għajnejn ħaddieħor jidhru boloh bħalma kienet ta’ din il-mara, imma li quddiem Alla l-Imbierek u quddiem il-valuri tagħna, huwa att ta’ eroiżmu li lilna jwassalna biex verament ngħixu l-fidi nisranija sħiha.

L-aħħar ħaġa li xtaqt ngħid hija dak li qrajna fis-Salm Responsorjali.  Naħseb li s-salm jinħabb minn kulħadd, is-Salm 23 u smajna dan il-kliem: “It-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi” u l-kelma eżatta: “il-jiem kollha ta’ ħajti. U ngħammar f’dar il-Mulej matul iż-żminijiet”. Dan kollu li għidna fil-bidu jista’ jissaħħah biss jekk jiena naċċetta li ngħix pass pass ma’ Sidna Ġesu Kristu.

Kristu mhux cliche; waħda milli nisimgħu llum ħafna drabi hija: jien lil Kristu iva imma lil Knisja le.  Ippermettuli ngħid daqsxejn ta’ storja żgħira.  Darba kont qiegħed fuq radju u kien hemm waħda mara qed titkellem fuq it-tifla u qaltli għax it-tifla hekk tgħid: Kristu iva imma l-Knisja le.  U jiena niftakar għidtilha: kieku qed tifhem Kristu iva li taqra l-Vanġeli, allura ma tantx hemm ħażin filli qed tgħid lil Kristu iva.  Jekk hija qed tara x’igħix Ġesu u qed tgħix fuq il-preċetti ta’ Ġesu, allura naħseb li qed tagħmel xi ħaġa tajba.  Imma cliche ta’ Kristu ma nkunux qed ngħixu verament skont dan is-Salm li jimxi miegħi tul ħajti kollha! Ġesu irid jimxi miegħi għax irid jinfluwenzali ħajti lejn dak kollu li huwa tajjeb, lejn dak kollu li huwa ta’ ġid għall-umanita.

Jiena nagħlaq hawnhekk. Nerġa nixtiqilkom kull barka għas-snin li ġejjin meta tibdew il-professjoni tagħkom u jalla l-Mulej idawwarkom b’persuni li kapaċi jwasslukom għal dak li hu tajjeb, dak li hu solidali mal-bnedmin kollha, dak li hu verament Kristjan quddiem Alla l- Imbierek.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta