Knisja Parrokkjali, ħ’Attard

14/08/011

Ħuti,

aħna llum qegħdin niċċelebraw is-solennita tat-tlugħ fis-sema ta’ Sidtna Marija. Aħna bħala bnedmin nemmnu f’dak il-misteru li meta mmutu hija r-ruħ tagħna li titla’ għand Alla l-Imbierek imma fl’aħħar taż-żminijiet il-ġisem tagħna li kien trab, dak il-ġisem li ġo fih hemm iż-żerriegħa tad-dnub, jerġa jsir ġisem glorjuż.  Fil-każ ta’ Sidtna Marija dan ma seħħx. Hija telgħet fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem bla ma kien hemm bżonn li l-ewwel il-ġisem tagħha isir trab u hi telgħet is-sema mal-ewwel bir-ruħ u bil-ġisem.

Aħna kultant dan insemmuh bħala privileġġ, qiesu xi ħadd jagħik privileġġ fl’ajru.  Ma naħsibx li hekk.  Dan huwa konsegwenza ta’ dak il-pjan li Alla l-Imbierek għamel fil-kuntest tal-Iben tiegħu li kellu jiġi fostna.

Dawn huma l-fatti.  L-ewwel pass: Alla l-Imbierek, fl-imħabba tiegħu ried li jibgħat lil Ibnu fostna ħalli jsalvana billi jsir bniedem bħalna, ħalli l’umanita tagħna tkun tista’ timtela’ bid-dinjita ta’ Sidna Ġesu Kristu.

It-tieni pass: biex dan kollu jseħħ Alla l-Imbierek għażel lil Sidtna Marija u ġo fiha għamel miraklu li permezz tiegħu lanqas id-dnub tan-nisel qatt ma kien fil-ġisem ta’ Sidtna Marija.

It-tielet pass:  dak li aħna jfixkilna għax ġo fina għandna d-dnub tan-nisel, fil-Madonna ma kienx allura kienet xi ħaġa ovvja li bilfors Sidtna Marija kellha titla s-sema bir-ruħ u bil-ġisem.  Imma fil-bidu tiegħu dan kien il-pjan kbir ta’ Alla l-Imbierek u dan li aħna qegħdin niċċelebraw illum.

Tajjeb li aħna niftakru li meta aħna qed niċċellebraw din is-solennita aħna qed niċċelebraw żewġ doni kbar li Alla jagħtina f’Sidtna Marija; ma nistgħux nifirduhom. L-ewwel don huwa t-tlugħ tagħha fis-sema li għalina huwa tama kbira li aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna, xi darba nkunu wkoll ma’ Binha Ġesu u ma’ Marija fl’eternita.  It-tlugħ fis-sema ta’ Sidtna Marija hija sinjal ta’ tama kbira li Alla l-Imbierek qiegħed jistenniena biex aħna wkoll immorru miegħu bħal Marija.

Imma t-tieni don, importanti li ma ninsewhx, li meta aħna nemmnu f’dan it-tlugħ ta’ Sidtna Marija fis-sema, Alla l-Imbierek tana don ieħor għax fil-Kelma t’Alla għandna wkoll it-triq ta’ Sidtna Marija li wasslitha biex hija tkun imtellgħa fis-sema. Meta naqraw il-Vanġelu hawnhekk għandna t-triq ta’ Sidtna Marija, jiġifieri illum aħna mhux biss irridu ngħidu: “Marija kemm inti kbira mtellgħa fis-sema; inti t-tama tagħna”, imma rridu ngħidu wkoll: “Marija, grazzi talli permezz tal-Ispirtu s-Santu sirna nafu int min int; aħna nixtiequ nimxu fuq il-passi tiegħek”.

Ħa nfkakarkom daqsxejn f’xi siltiet mill-lezzjonijiet tal-lum, fil-qosor, sentenza minn kull waħda u dawn x’ifissru.

L-ewwel sentenza:  Tiftakru kien hemm xi ħadd ifaħħar lil Sidtna Marija għaliex kienet l-omm ta’ binha Ġesu, kien jaf li twieled minnha u Ġesu ma ħallihiex dik il-kelma u jieqaf fiha. Dak il-mument jgħid dan il-kliem: “Aktar ħienja dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha” (Lq 11, 17).  L-ewwel triq: Sidtna Marija kienet dixxiplu ta’ Sidna Ġesu Kristu għaliex fit-triq tagħha flimkien mal-Mulej Ġesu meta kienet miegħu, dejjem kienet aktar tikber fl’għarfien tiegħu, tidħol aktar fil-fond ta’ Ġesu,  binha min hu, l-Iben t’Alla u l-missjoni tiegħu. Din hi l-veru triq li wasslet lil Sidtna Marija biex verament hija tkun imtellgħa’ fis-sema. U allura aħna ma nistgħux nieħdu dan il-privileġġ ta’ Sidtna Marija, speċjalment dawk li huma ommijiet fostkom li tgħidu li aħna permezz tal-ġisem tagħna Ġesu twieled. Imma aħna jista’ jkollna l-istess privileġġ ta’ Sidtna Marija li ngħidu: permezz tad-dixxipulat – għaliex jiena mxejt fuq il-passi ta’ Ġesu – jiena għandi bejn wieħed u ieħor, l-istess privileġġ li nkun bħal Sidtna Marija, dixxiplu tal-Mulej Ġesu. Allavolja Marija kienet dixxiplu speċjali, anke jien bħalha irrid inkun dixxiplu. Din hi l-ewwel riflessjoni.

It-tieni sentenza li kien hemm illum hija mit-tieni lezzjoni ta’ l-Ewwel Ittra ta’ S. Pawl lil-Korintin (15, 54-57) li jgħid dan il-kliem: “Inbelgħet il-mewt bir-rebħ u fir-rebħa ta’ Sidna Ġesu Kristu fuq id-dnub”. U hawn tiġi d-differenza u fl-istess ħin ix-xebħ tagħna ma’ Sidtna Marija.  Fil-każ ta’ Sidtna Marija hija ma kellhiex, rebħet id-dnub għax bi privileġġ speċjali fit-tnissil bla tebgħa, qatt f’Sidtna Martija ma weħel id-dnub magħha.  Fil-każ tagħna, l-istess triq irridu ngħixuha l-ewwel nett għax ikollna d-dnub tan-nisel li allura jinħasel bil-Magħmudija, imma fit-triqat tagħna aħna nistgħu nidħlu f’din il-ġlieda kontra d-dnub permezz tal-maħfra. Għalhekk għandna s-sagrament kbir tar-Rikonċiljazzjoni, tal-Qrar li ma jistax ma jkunx parti minna biex aħna nagħmlu l-istess triq ta’ Sidtna Marija biex waqt li negħelbu d-dnub inkunu qed negħelbu wkoll il-mewt b’mod speċjali dik li tibqa’ għal dejjem.

Fl-ewwel lezzjoni tal-lum għandna mill-ewwel ktieb tal-Kronaki fejn insibu dan il-kliem: “Ħadu l-arka t’Alla u qegħduha f’nofs it-Tinda” (1 kron 16,1). Naħseb li tafu li l-arka t’Alla ma kienetx arka bħalma hija statwa li ma fiha assolutament xejn, wieħed jagħmilha, jibnieha u daqshekk.  L-arka tal-Patt kien fiha l-Liġi, il-kmandamenti ta’ Alla l-Imbierek u l-esperjenza tal-Lhud fid-deżert. Kienet tfakkarhom meta kienu jarawha mhux jgħidu jaraw statwa, imma qed jaraw xi ħaġa ħajja li tfakkarhom f’dak li hu tal-Mulej.  Min jaf, kieku aħna, kull darba li naraw statwa ta’ Sidtna Marija, ma niftakrux fl’istatwa biss, imma niftakru li hija wkoll Arka tal-Patt. Fiha hemm it-tagħlim kollu ta’ Sidna Ġesu Kristu, go fiha hemm l-esperjenza kollha tagħha ma’ Sidna Ġesu Kristu u aħna nqimu dik l-esperjenza kollha.  Hekk tkun vera l-qima, nemmen jien, li tkun togħġob ħafna lil Sidtna Marija.

L-aħħar żewġ ħsibijiet biex nagħlaq.  Fis-soċjeta tagħna li qegħdin ngħixu llum, naħseb li għandna dawn iż-żewġ ispirazzjonijiet ta’ Sidtna Marija.  Kemm hu importanti bħal Sidtna Marija li ma nibqgħux nirċievu biss il-messaġġi li hemm tal-kultura ta’ madwarna – hemm ħafna minnhom sbieħ imma mhux kollha huma sbieħ – imma jirnexxielna nibnu kultura ġo fina billi aħna naqraw il-kelma ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Kif nista’ jien nagħżel minn dak li jiena nisma jekk lanqas biss naf x’għallem Sidna Ġesu Kristu?  Allura l-Madonna qed tgħidilna: aqraw il-kelma tiegħu u ħalluha tidħol ġewwa qalbkom.

U t-tieni ħaġa li anke fid-dinja tal-lum, bħal ħafna affarijiet sbieħ li għandna, imma naħseb li jidher ċar li hemm qawwa kbira ta’ dak li huwa l-ħażin li hemm madwarna. U naħseb li konxjament aħna lkoll irridu nagħmlu l-għażla tagħna.  Ma tistax timxi wara l-Mulej Ġesu jekk inti ma tidħolx fil-ġlieda kontra dak li huwa ħażin ġo fik u madwarek.  Jalla mbagħad aħna nkunu nixbħu anke lil Sidtna Marija fit-triq bħalma nittamaw li nkunu nixbuha meta mbagħad xi darba nkunu fl’eternita magħha u ma’ Ġesu.