San Nikola, is-Siġġiewi
29 ta’ Ġunju 2013
Ħuti, f’dawn il-ġranet li qegħdin iħejjuna għall-festa ta’ San Nikola, imma llum ir-riflessjoni tagħna trid iddur madwar tradizzjoni antika ħafna tal-ħobż ta’ San Nikola.
San Nikola twieled fir-raba’ seklu u sar Isqof ta’ Mira. U diġa, erbgħa mitt sena wara mewtu, kien hemm wieħed jismu Mikiel Archimandrita u dan kiteb li kienu qeghdin jsiru ħafna pellegrinaġġi lejn il-qabar ta’ San Nikola għaliex skond Mikiel Archimandrita kienet toħroġ, jgħidilha manna, forma ta’ żejt ifuħ, mit-tebut ta’ San Nikola. U minn hemm ġiet it-tradizzjoni li f’dan il-jum aħna nbierku l-ħobż li niddedikaw, b’mod speċjali, b’rabta miegħu.
Imma aħna ġejna hawnhekk, ħuti, mhux biss biex niftakru f’fatti storiċi, fatti miktubin, imma biex aħna nidħlu aktar fil-fond fit-tifsira ta’ dak li qeghdin niċċelebraw.
Allura ninżlu daqsxejn aktar fil-fond fuq din il-kelma: il-ħobż. Imma l-ħobż xi jfisser? U aħna nduru lejn il-Mulej Ġesù u naraw kif uża din il-kelma ħobż. L-ewwel ħaġa li naraw propju fil-kapitlu 6 ta’ S. Ġwann, naraw lill-Mulej ikattar il-ħobż biex jitma lil dawk li kienu bil-ġuħ. Mela għal Sidna Ġesù Kristu l-ħobż kien ifisser anke l-ħobż li aħna nieħdu biex il-ġisem tagħna jkompli jitrabba fis-saħħa u aħna nkunu nistgħu naqdu lill-Mulej f’saħħitna.
It-tieni tifsira li jagħti Sidna Ġesù Kristu dwar il-ħobż hija meta darba hu qal lil dawk ta’ madwaru: “Mhux bil-ħobż biss igħix il-bniedem iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4, 4). Minbarra l-ħobż li jmantn il-ġisem tagħna, Sidna Ġesù Kristu qalilna li hemm ħobż ieħor li hu l-ħobż li joħroġ minn fomm Alla.
It-tielet tifsira li aħna għandna tal-kelma ħobż, u li aħna lkoll nafuha, hija l-ħobż ta’ l-Ewkaristija. Il-ħobż li ewkaristiku jlestih il-bniedem, frott ta’ l-art u xogħol il-bniedem, imma meta niekluh aħna bħala ewkaristija jsir il-misteru tal-ġisem tal-Mulej Ġesù. Mela l-ħobż fil-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu rridu nikkonsidrawh ukoll fil-misteru tiegħu tal-Ewkaristija.
U jekk aħna nħarsu lejn il-ħajja ta’ San Nikola naraw kif hu kien igħix dawn it-tlett tifsiriet tal-kelma ħobż. L-ewwel: il-ħobż li huwa għall-ġid tal-ġisem tagħna. Darba kien hemm karistija u dan l-Isqof ta’ Mira kien jara l-vapuri li kienu jgħaddu minn hemmhekk biex jgħabbu l-qamħ u jwassluh sa’ Kostantinopli. Huwa kien jitla’ fuq il-vapuri u jgħid lill-baħrin biex iħallu daqsxejn mit-tagħbija li kellhom għal min hu bil-ġuħ, u hekk ikunu qed jagħtu tifħir lil Alla l-Imbierek. U allura għal San Nikola l-ħobż kien importanti wkoll bħala sostenn għall-ġisem tagħna.
M’hemmx għalfejn ngħidu, min jaf l-istorja ta’ San Nikola jiftakar li meta darba t-taxxi kienu għoljin ħafna huwa mar jinterċedi għal poplu tiegħu biex inaqsulhom it-taxxi ħalli jkunu jistgħu jixtru u jieklu u l-ħobż u b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja li tkun verament deċenti. Għal San Nikola l-ħobż kellu tifsira tal-ħobż li nieklu aħna għal ġisem tagħna.
It-tieni tifsira li jagħti San Nikola hija meta Sidna Ġesù Kristu qal li mhux bil-ħobz biss igħix il-bniedem iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. Il-kelma li toħroġ minn fomm Alla hija għalina ħobż li jagħti lil moħħ tagħna, lil-ispirtu tagħna, dik il-fidi li aħna għandna bżonn. Bħalma l-ġisem jieħu l-ħobż ta’ din id-dinja, hekk ukoll il-moħħ tagħna għandu bżonn ukoll li jkollu l-kelma t’Alla li tkabbarlu l-moħħ u l-qawwa tiegħu ta’ fidi. Dawk li kitbu fuq il-ħajja tiegħu jgħidu li l-prietki ta’ San Nikola ma kienux ta’ xi teoloġija kbira għax kieku kienu jaslu sa għandna imma kienu prietki li kienu jwasslu l-kelma t’Alla li kienet tasal f’qalb in-nies, propju f’qalb in-nies.
Hemm miktub fl-istorja ta’ San Nikola li darba minhom bdew jiżdiedu ħafna l-pagani u aħna li San Nikola li kien kisser it-tempju tal-pagani. Imma kien biss mod figurattiv kif jiddeskrivuh għax storikament dan ma setgħatx issir għaliex Kostantinu, dak li ta l-fakultà lill-insara li huma jgħixu l-fidi tagħhom, hu stess ipprojbixxa li t-tempji tal-pagani jiġu distrutti. Il-qawwa tal-predikazzjoni tal-kelma ta’ San Nikola ma kellhiex x’taqsam mal-ġebel li bih jinbnew it-tempju, imma kellha x’taqsam mal-qalb tal-komunità li hu ried jerġa jdawwarha lejn Sidna Ġesù Kristu, għax għal San Nikola il-ħobż ma kienx biss il-ħobż tal-ġisem imma kien ukoll il-ħobż tar-ruħ li huwa l-kelma t’Alla.
Għal San Nikola il-ħobż kien ukoll b’mod speċjali l-ħobż ta’ l-Ewkaristija: il-ħobż, b’intervent kbir ta’ Alla l-Imbierek, isir il-ġisem ta’ Kristu li aħna nieklu minnu biex inkunu nistgħu insaħħu l-ispirtu tagħna. U fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu fis-sena 300, li damet biss 10 snin, naraw lil San Nikola li min jaf kemm iċċelebra l-Ewkaristija mal-komunità nisranija biex jagħtiha l-fidi, biex jagħtiha l-qawwa, biex huma jibqgħu jirreżistu u ma jwarrbux fil-ġenb il-fidi tagħhom. Min jaf San Nikola kemm kien iċċelebra l-Ewkaristija bil-ħeġġa biex jagħti l-qawwa li toħroġ mill-Ewkaristija lil dik il-komunità.
San Nikola jgħallimna wkoll li t-talba li aħna ngħidu ta’ spiss għaliex għallimilna Ġesù; irridu nagħtuha f’San Nikola it-tifsira sħiha tagħha. Tiftakru li fil-Missierna ngħidu: “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” Hemmhekk inkunu qegħdin nitolbu lil Alla l-Imbierek biex jipprovdi lilna u lill-familji tagħna, l-ikel ta’ kuljum għaliex Sidna Ġesù Kristu f’ħajtu fisser din il-ħaġa wkoll.
It-tieni ħaġa li aħna nitolbu meta ngħidu l-Missierna: “ħobża ta’ kuljum agħtina llum,” dik ta’ kuljum tgħallimna xi ħaġa. Kuljum irridu nitgħallmu xi ħaġa mill Mulej Ġesù. Kuljum aħna rridu ngħidu: ‘jiena illum se nkun qed nagħraf aktar lil Ġesù milli kont il-bieraħ’ ħalli l-ħajja tagħna tkun mixja lejn fidi aktar profonda, fidi aktar qawwija li nies oħrajn jistgħu jgħarfuha fina.
U l-aħħar tifsira “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” hija l-fatt li aħna nitolbu lill-Mulej li jekk jista’ jkun, anke l-Ewkaristija tkun il-ħobżna ta’ kuljum, li anke l-Ewkaristija bħalma kienet għal San Nikola, tkun għalina qawwa ta’ kuljum biex aħna nkunu nistgħu dejjem nikbru fil-qdusija. Jista’ jkun, imma irridu nagħmlu sforz.
Għalhekk dan huwa t-tifsir tal-ħobż li aħna se nbierku u nqassmu minn hawn u ftit ieħor. Jalla, ħuti, dan il-ħobż ifakkarna f’dak li rajna f’San Nikola: il-ħobż tal-ġisem tagħna imma, jfakkarna fil-ħobż tal-fidi tagħna permezz tal-kelma t’Alla, u jfakkarna wkoll fil-ħobż Ewkaristiku li permezz tiegħu aħna nistgħanu. Jalla, ħuti, anke bi preparazzjoni għall-festa li aħna se nagħmlu għada, lil San Nikola dawn it-tifsiriet jibqgħu lkoll ġewwa qalbna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta