Konkatidral, ta’ San Ġwann

15 ta’ Ottubru, 2011


Ħuti aħna ġejna flimkien biex niċċelebraw l-erbgħin anniversarju tat-twaqqif tal-familji nsara tal-Grufan.  U naħseb li hemm żewġ raġunijiet prinċipali tal-ferħ tagħna.  L-ewwelnett għaliex dan il-moviment qiegħed madwar iż-żwieġ u l-familja u aħna nafu li Alla l-Imbierek, il-pjan tiegħu fiż-żewġ mumenti importanti ħafna għaqqadhom ma’ din ir-realta taż-żwieġ u l-familja.

Fil-bidu ħalaq id-dinja kollha u ħalaq il-bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu u ried li jsiru ġisem wieħed u hekk il-bnedmin jitkattru fuq l-art.  U allura it-tieni mument ta’ din l-istorja tas-salvazzjoni teħodna fil-mument meta l-Messija ġie fostna.  U anke hawnhekk aħna kellna l-Evanġelju mingħajr ma kellna l-istorja kollha ta’ Sidtna Marija u a’ S. Ġużepp, imma Alla l-Imbierek ried li l-istorja ġdida tas-salvazzjoni tkun hi ukoll koppja ta’ dak li ġara fil-bidu.

Allura l-istorja tas-salvazzjoni hija maqgħuda intimament ma’ din il-familja ta’ Nazaret minn fejn twieled Sidna Ġesu Kristu u trabba ġewwa fiha.  Allura huwa ferħ għalina li aħna qegħdin nikkomemoraw erbgħin sena ta’ moviment li fil-qofol tiegħu għandu ż-żwieġ u l-familja.

It-tieni raġuni għaliex aħna għandna nkunu kuntenti huwa għaliex nistgħu ngħidu li dan il-moviment li twaqqaf erbgħin sena ilu, kien wieħed minn dawk il-movimenti li twaqqfu anke minn Mons. Charles Vella u dawk li kienu jkunu madwaru, biex ngħid hekk bħala foresight.  Forsi kieku twaqqaf illum konna neħduha for granted. Qegħdin fi żmien fejn hemm tant tbatija fiż-żwiġijiet u hemm bżonn li ż-żwieġ jissaħħah.  Imma li erbgħin sena ilu diġa kien hemm il-ħsieb li ż-żwieġ u l-gruppi tal-familji nsara li permezz tagħhom il-familja tkun tista’ ssib okkażjoni biex tista’ tissaħħah, nistgħu ngħidu li kienet verament grazzja kbira għalina mill-Mulej. Għax illum meta qed ngħixu f’realta fejn iż-żwieġ huwa aktar imhedded, fejn il-problemi taż-żwieġ qed isiru aktar akuti u fejn nistgħu ngħidu li issa għandna wkoll it-tentazzjoni tad-divorzju fil-kuntest taż-żwieġ, aħna narawha grazzja għalina li għandna wieħed mill-movimenti li nafdaw fuqhom li huwa propju l-Grufan.

X’inhu dan il-Moviment?  U jien nispjegah b’dan il-mod: jipprovdi spazju fejn il-koppja nisranija tista’ tissaħħah ma’ koppji oħrajn u flimkien f’dan l-ispazju jitkellmu l-istess lingwa. Nafu li f’ċerti postijiet tax-xogħol illum lanqas tista’ titkellem fuq il-ferħ taż-żwieġ tiegħek u tal-familja tiegħek.  Fi ħdan gruppi bħal dawn, f’komunitajiet żgħar, kulħadd jitkellem bl-istess lingwa. Kemm hu kbir dan il-pjan ta’ Alla, kemm hu sabih dan il-pjan ta’ Alla! Kemm għandi x’nirringrazzja lil Alla għaliex sejjaħli biex dan il-pjan ikun tiegħi u jiena nkun nista’ nidħol ġewwa fih permezz taż-żwieġ u l-familja!

Jiena xtaqt li naqsam magħkom il-lezzjonijiet tal-lum.  Jiena nemmen li Alla l-Imbierek jipprovdilna huwa stess ir-riflessjonijiet biex inkunu nistgħu niġġeddu permezz tagħhom.  Ovvjament grupp dejjem jibqa’ ħaj daqskemm jirnexxilu jiġġedded bis-sinjali taż-żminijiet. Grupp jimxi maż-żminijiet jekk jara sinjali, jitlob id-dawl ta’ l-Ispirtu biex jirnexxilu jakkomoda ruħhu għar-realta li hawn hawnhekk. U naħseb li f’dawn il-lezzjonijiet li għadna kemm smajna aħna      nistgħu nieħdu daqsxejn ta’ dwal fuq ir-realta.

Fl-ewwel lezzjoni tal-lum  (Is 45,1.4-6) kellna il-profeta Isaija jitkellem b’dak il-mod fuq Ċiru għaliex Alla uża lil Ċiru biex ikun jista’ jagħti l-futur lil poplu tiegħu.  Hu jgħid: “Jiena ħtartu lil Ċiru biex jara li m’hemmx Alla ieħor bħali”. Din naħseb nistgħu napplikawha anke għal Grufan għaliex il-missjoni hija propja tagħkom li intom turu lid-dinja li l-pjan tal-Mulej huwa pjan tajjeb.  F’dinja fejn qegħdin jiddubitaw il-pjan ta’ Alla l-Imbierek taż-żwieġ u l-familja stabbli, ir-relazzjoni tagħkom quddiem Alla l-Imbierek turi bil-ħajja tagħkom wkoll dak li Alla l-Imbierek waqqaf sa mill-bidu tal-ħolqien u għadu jagħtihom sal-lum.

Dak li jgħid Alla l-Imbierek lil Ċiru: “Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi, u Israel, il-maħtur tiegħi”. U din rajt fiha l-qawwa tal-interċessjoni.  Il-moviment tagħkom, meta tiltaqgħu flimkien u Kristu jkun fostkom għaliex din hija l-wegħda tiegħu, huwa l-mument fejn intom qed tinterċedu għal familji l-oħrajn.  Meta ta l-grazzja lil Ċiru li ma kienx jemmen fih, Alla jagħti grazzja permezz ta’ dawk li huwa jsemmi: lil Ġakobb il qaddej tiegħi, u Israel il-maħbub tiegħi li permezz tiegħu huwa se jagħti l-grazzja biex Ċiru wkoll jagħraf il-kobor ta’ Alla l-Imbierek permezz tiegħu.  U allura mbagħad fl’aħħar jasal biex jgħidlu: “Int se tkun taf lil Alla l-Imbierek li lanqas għadek tagħraf ismi imma jien se nagħtik, se nurik dak li  huwa l-isem tiegħi”. Jiena fhimtha li l-grupp tal-Grufan għandu jkun grupp, li anke dawk li ma jafux x’jiġifieri żwieġ u familja fil-Mulej irid iwasslilhom din l-aħbar it-tajba.  Naħseb li diġa qegħdin tagħmlu din il-missjoni. Il-Knisja hija Knisja         missjunarja u allura naħseb li l-Grufan għandu din il-missjoni li l-Mulej qed isajjjaħlu biex ikun iktar grupp missjunarju.

Fil-Vanġelu tal-lum għandna dik il-mistoqsija li għamlu l-Lhud lil Sidna Ġesu Kristu propju biex ifixkluh. U t-tweġiba ta’ Sidna Ġesu Kristu nistgħu neħduha wkoll bħala tagħlima.  L-ewwel tagħlima li jgħid Ġesu: “Agħtu lil Ċesari dak li  hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22, 21). U jiena naħseb li anke fir-realta li qegħdin ngħixu fiha, anke fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja, lil Ċesari qed nagħtuħ ħafna bħala materjalita, bħala konsumiżmu.  U mhux qed nagħtu biżżejjed dak li hu ta’ Alla. Allura l-missjoni tal-gruppi tal-Grufan qegħdin hawnhekk biex jagħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla li ġie jagħmel il-pjan tiegħu, dak il-pjan tiegħu li huma dejjem jirriflettu fuqu u dejjem aktar jiskopru s-sbuħija tiegħu.  Din hija l-missjoni b’mod speċjali.

U allura naħseb li f’din il-ħaġa hemm missjoni oħra. Jiena dan l-aħħar sirt kull darba li nkun qiegħed nipprietka anke f’xi tieġ dejjem ngħid: “isma’ tridu toħorġu mill-kultura tar-realta li qegħdin ngħixu fiha” anke dawk li jiżżewġu fil-Knisja. Tinsewx li anke dawk li jiżżewġu bis-sagrament ikunu ġejjin mill-kultura li hemm madwarhom.  U allura hemm bżonn li nkunu aktar missjunarji mhux ta’ din il-kultura, imma li nagħtu; nipprova ngħidha.  X’inhi l-kultura tal-llum per eżempju fuq iż-żwieġ? U jien anke fi prietka, f’omelija u intom fil-laqgħat li jkollkom intom b’kull mod kif titkellmu ma’ l-oħrajn, għidulhom: “Ħa ngħidilkom issa wara dik il-kultura taż-żwieġ x’inhi l-kultura nisranija li se tidħlu għaliha, fuq il-persuna li intom se tidħlu f’relazzjoni profonda. Tafu hemm barra x’hemm fuq il-persuni b’mod speċjali fuq il-persuna femminili. Iżda ħa ngħidilkom skont Alla l-Imbierek ma liema kwalita ta’ persuna intom se tidħlu propju f’relazzjoni”.  Mela t-tieni ħaġa li qed jgħid il-Mulej: “Ejjew nirriflettu fuq il-kultura li hemm taħt is-sagrament taż-żwieġ” biex tkunu kontro proposta għal dik li hija l-kultura tad-dinja ta’ madwarna.

U l-aħħar ħaġa li meta smajna lil S. Pawl lit-Tessalonkin, naħseb nistgħu inwettquhom u niftakru fihom anke fil-kuntest ta’ dak li qegħdin niċċelebraw illum.  Jgħid hekk S. Pawl: “Niżżuħajr ’l Alla mħabba fikom u niftakru fikom dejjem meta nitolbu” (1Tess 1, 2).  U naħseb li dak li qegħdin tagħmlu mhux qed tagħmluh għaliex erbgħin sena ilu ġejtu mwaqqfin, imma għaliex il-Knisja lilkom qed tagħtikom din il-missjoni, sena wara l-oħra, ġenerazzjoni wara l-oħra, biex intom twasslu din il-missjoni li hija propja tal-Knisja imma trid twassal anke permezz tagħkom.

Insemmi mbagħad dik il-ħidma f’dik il-lezzjoni li kienet tant importanti u jgħid hekk: “Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mil-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom, niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom” (1Tess 1, 3).  U hawnhekk qed jgħid S. Pawl li kollox irid jimbena, m’hemmx għalfejn ngħidu, madwar it-tlett virtujiet teologali li huma t-tlett triqat li jersqu lejn Alla: fidi li hija l-pjan t’Alla, nemmnuh totalment, it-tama li aħna taħt kull relazzjoni li hawn fid-dinja ta’ madwarna naraw il-qawmien li nafu li l-Mulej rebah, l-imħabba li hija l-uniku triq li twassal għall-eternita lejn Alla.

Jalla l-Mulej jagħtikom li intom tkomplu tiftakru anke f’dawn il-lezzjonijiet li l-Mulej llum ipprovdilna.