-
Archbishop’s message on the insitution of three seminarians as Acolytes
-
Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema
29 ta’ Novembru 2013Ħuti, is-saċerdozju fih żewġ mumenti. L-ewwel mument huwa meta Alla jsejjah lil persuni, dawk li jrid hu. Qalilna: mhux intom għażiltu lili imma jiena għażilt lilkom (Ġw 15, 16). U t-tieni mument hija li din is-sejħa tiftaħ mixja biex wieħed jasal lejn il-presbiterat jew is-saċerdozju ministerjali. Jibda billi jidħol fis-seminarju, wara erba’ snin, jagħmel dik li aħna ngħidula kandidatura, fejn jitlob formalment li jiġi aċċettat għas-saċerdozju. Imbagħad ikompli l-mixja spiritwali: l-ewwel billi jirċievi l-lettorat, jiġifieri li wieħed iservi l-Kelma t’Alla, imbagħad dak li ser nagħmlu llum l-Akkolitat: wieħed li jservi l-Ewkaristija. Imbagħad jidħlu fis-sagrament tal-ordinazzjoni. L-ewwel ikunu djakni, imbagħad wara jkunu saċerdoti jew inkella presbiteri. U aħna qed nieħdu sehem f’dan il-kuntest kollu. L-akkolitat huwa parti mill-mixja biex iħejji lil dawn iż-żgħazaġħ ħalli huma jgħixu s-sagrament tal-ordinazzjoni li jibda mid-djakonat.
Nagħmlu riflessjoni fuq dak li smajna fuq l-Ewkaristija. L-ewwelnett irrid ngħid li dawn il-lezzjonijiet m’għażilthomx jiena imma għażluhom il-kandidati stess. Fl-ewwel lezzjoni (1 Slat 19,1-8) rajna li Elija qiegħed jibża’ u jaħrab u l-Mulej u jibagħtlu l-ikel biex ikun jista jkompli t-triq. Il-qofol ta’ dan ir-rakkont mhuwiex l-ikel; il-qofol ta’ dan ir-rakkont huwa Elija li l-Mulej tah l-ikel biex hu jkun jista’ jkompli. Bl-istess mod ir-rwol ta’ min iqassam l-Ewkaristija huwa r-rwol ta’ min se jagħti don. Imma l-qofol hu d-don, l-Ewkaristija, li se tgħin lil dawk li qegħdin jirċievuha biex jibqgħu mexjin fit-triq it-tajba. Mela ma tistax tifred il-fatt li l-Mulej illum qed jagħżilkom biex intom tqassmu l-Ewkaristija mil-fatt li huwa għamel l-Ewkaristija għan-nies, li huwa jixtieq ikomplu jissaħħu spiritwalment. Min iqassamha, ma jistax ikollu imħabba verament għall-Ewkaristija jekk ma jkollux ħafna u ħafna imħabba lejn il-persuni li se jirċievu l-Ewkaristija.
It-tieni riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom illum hija li fl-Iskrittura aħna nsibu tlett għemejjel tal-Ewkaristija. Intom fl-spiritwalita` tagħkom tridu tagħtu każ ta dawn it-tlieta. Ħa nfakkruhom. L-ewwel ovvjament hija t-twaqqif tal-Ewkaristija, meta Sidna Ġesù Kristu għall-ewwel darba għamel l-Ewkaristija. U dik l-Ewkaristija Ġesù għamilha lejliet li kienu se jsalbuh. Immaġinaw x’atmosfera. Ġesù li kien qiegħed jibża bħala bniedem. Kienet atmosfera ta’ dgħufija, Ġesù jaħslilhom riġlejhom u wara ftit kienu se jarawh fuq is-salib, jissallab minn dawk li hu ġie għalihom. U dan hu l-ewwel għemil tal-Ewkaristija, l-ewkaristija taħt id-dawl tas-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu. U allura din tfisser – kif inħobb ngġid jiena – l-Ewkaristija tad-dgħufija tagħna. Għalhekk għandna nersqu lejn l-Ewkaristija biex, bħal Elija, il-Mulej jagħtina l-qawwa biex ikunu nistgħu nkomplu t-triq.It-tieni, l-Ewkaristija li rajna fil-Vanġelu tal-lum, tad-dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24, 28-35). Mela dawn id-dixxipli, bħalma smajtu, kienu sejrin lejn pajjiżhom. U hemmhekk jiltaqgħu ma’ xi ħadd li ma għarfuhx sakemm fl-aħħar beda jispjegalhom kollox. Imbagħad għamel l-Ewkaristija. Din id-darba mhijiex Ewkaristija ta’ Ġesù li se jmut. Did-darba hija Ewkaristija magħmula minn Sidna Ġesù Kristu li issa qam. Allura l-Ewkaristija ma nistgħux ma ngħixuhiex fid-dawl tal-qawmien ta’ Ġesù. Il-Papa Ġwanni Pawlu II darba qal: kieku Ġesù baqa’ mejjet m’għandniex x’nieklu minnu; għax hu ħaj, imma jista jagħtina l-ikel biex aħna nkomplu fit-triq. Mela l-Ewkaristija mhijiex is-salib biss; l-Ewkaristija hija wkoll l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu mill-imwiet.
U t-tielet, l-Ewkaristija tal-komunità li kienet tiċċelebra, l-ewwel komunità ta’ nsara. U rajna fit-tieni lezzjoni kif kienu jiċċelebraw din l-Ewkaristija (Atti 2,43-47). Id-diffferenza kbira hija din: Ġesù din id-darba mhux qed jidher fil-ġisem tiegħu. Fl-aħħar ċena deher fil-ġisem tiegħu, meta kien mad-dixxipli ta’ Emmaws deher fil-ġisem tiegħu. Din id-darba hija l-Knisja stess li aċċettat minn għand il-Mulej li hija tagħmel l-Ewkaristija, mhux biss tirċievi, hija tagħmel l-Ewkaristija. Rajna x’ġara lill-ewwel appostli, dawn l-ewwel dixxipli. Dawn kellhom jiffurmaw komunità – dik hija l-importanti – jiffurmaw komunità biex huma jkunu jistgħu iħejju post komdu għal Alla li jiġi fl-Ewkaristija. Dak li qabel kienu jippretendu minn għand Ġesù, issa ma setgħux jibqgħu hekk. Issa riedu bilfors jagħmlu dak kollu li kien għallimhom Ġesù biex ikunu jistgħu jiċċelebraw l-Ewkaristija. Tiftakru kif kienu iċċelebraw l-Ewkaristija? Kienu ħaġa waħda. Kienu jmorru jitolbu, kienu jgħixu anke l-faqar u kienu jgħixu r-rabta ta’ bejniethom. Ir-rwol tagħna bħala nsara huwa li aħna niċċelebraw l-Ewkaristija tal-Atti tal-Appostli. Dik hija l-Ewkaristija li aħna qegħdin inġeddu. Ġesù ma jidhirx imma ta l-qawwa lil xi wħud biex huma jiċċelebraw l-Ewkaristija f’ismu. Hu mhux qiegħed magħna, imma ħallielna sens ta’ komunità, il-kelma li huwa tana, l-imħabba ta’ bejnietna biex niffurmaw komunità, għandna kollox. L-importanti li issa aħna rridu ngħixuh mhux nippretenduh minn għand Ġesù, għax Ġesù ħalla f’idejn il-Knisja biex hi tkompli l-missjoni tiegħu.
Dan li xtaqt ngħidilkom għeżież żgħażagħ tagħna, Christopher, Mark u Carlo. Idħlu mhux biss fil-misteru fil-bidu tiegħu, imma idħlu fil-misteru kollu meta tkunu tiċċelebraw l-Ewkaristija. U qabel ma tqarbnu, araw li tagħmlu talba għan-nies li intom se tqarbnu, għax id-don mhuwiex tagħna; id-don huwa ta’ dawk in-nies li jiġu jitqarbnu, għalhekk tahulna l-Mulej. Intom biss dawk li qegħdin bejn Sidna Ġesù Kristu, il-miraklu ta’ Ewkaristija, u dawk li se jirċievu l-Ewkaristija. Din hija l-ħidma tagħna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta