-
Archbishop’s Message on the feast of Youth of The Sacred Heart of Jesus
-
Oratorju Qalb ta’ Ġesù, il-Mosta
2 ta’ Lulju 2013Ħuti, meta kont ġej hawnhekk bdejt naħseb, għaliex Dun Anġ semma dan il-post l-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù. Forsi mbagħad wara, jkun hemm xi ħadd minnkom li jista’ jispjegahieli u jgħidli kienx hemm xi ħaġa qabel. Ċert li jekk aħna rridu nkomplu bl-ispirtu ta’ Dun Ang, rridu nħallu ħajja din it-tifkira u dan l-ispirtu li joħroġ min għand il-Qalb ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Naħseb li tafu li meta aħna niċċelebraw il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, aħna niftakru li Ġesù għandu ġenbu minfud, u allura l-qalb tiegħu ukoll, u li minnha joħroġ kemm l-ilma u kemm id-demm. U l-missirijiet tal-Knisja ta-ewwel żminijiet kienu jgħidu li l-ilma huwa l-ilma tal-Magħmudija, u d-demm huwa d-demm tas-salvazzjoni. Mill-ġenb tal-Qalb ta’ Ġesù ħareġ dak li l-Mulej tana biex ikun għas-salvazzjoni tagħna. U dan huwa l-ispirtu li aħna rridu nkomplu bih.
Imma jien nixtieq naqsam magħkom l-fatt li Ġesù ma ġiex jgħallimna dwaru nnifsu l-ewwel. L-ewwel u qabel kollox, Ġesù ġie biex jgħallimna min hu Alla l-Missier. U allura meta naraw lil Ġesù qiegħed jagħmel xi ħaġa, ma rridux nieqfu hemm, imma rridu niftakru f’Alla l-Missier. Per eżempju jekk naraw lil Ġesù jaħfer, dak il-ħin irridu ngħidu mela Alla l-Missier jaħfer. Għax Ġesù ġie biex jurina min hu Alla l-Missier. Alla l-Missier huwa fl-eternità, ma stajniex narawh, imma Sidna Ġesù Kristu, biex inkunu nistgħu naraw dak li hu qed jgħallimna Alla l-Missier. Sar bniedem biex l-appostli ta’ madwaru jindunaw, jaraw, imnissuh u jisimgħuh imbagħad lilna jgħidulna: ‘dan qalilna Ġesù fuq Alla l-Missier’, biex aħna nibdew nemmnu b’qawwa kbira.1. Alla l-Missier iħobbna
x’inhi l-Qalb ta’ Ġesù? Ħa nagħmlu xi ta’ ħsibijiet fuq dan. L-ewwel ħsieb huwa li l-Qalb ta’ Ġesù ħarġet minn għand Alla l-Missier. Ma nafx jekk tirriflettux fuqha, l-ideja li Ġesù tana ta’ Alla l-Missier hija ħafna differenti minn dik li għandhom reliġjonijiet oħrajn, mhux biex nonqos mir-rispett, imma r-reliġjonijiet oħrajn għandhom Alla qiegħed hemm fuq u trid tersaq int lejh. Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu mhumiex hekk. Huwa Alla li jibgħat lil Ibnu fostna għax tant iħobbna. U allura toqgħod taħseb imma kemm niswew aħna? Pereż li aħna dgħajfin, naħsbu li ma niswew xejn. Jekk l-imħabba ta’ Alla l-Missier għamlet dan, mela aħna, jiena u inti u dawk li hemm ħdejk, dawn kollha jiswew ħafna. Fiċ-ċentru t’Alla hemm il-bniedem. Fiċ-ċentru t’Alla, jgħallimnna Ġesù, hemm propju l-eżistenza tal-bniedem. Biex nifhmu daqsxejn aħjar x’inhi l-Qalb ta’ Ġesù, l-ewwel irridu niftakru li kien Alla l-Missier li bagħad lil Ibnu Ġesù. Immaġinawha din, teħduhiex for granted; aħna għandna t-tentazzjoni li dak li nisimgħu nieħduh for granted, donnu naqas fina is-sens ta’ stagħġib. Imma Alla jibgħat l-ibnu għalija.Imma allura dan Alla min hu? Iħobbni tant! U jien kemm niswa? Kemm irrid inħares fija nnifsi u ngħix fid-dawl ta’ din l-imħabba enormi tal-Missier lejja. Alla l-Missier għandu fil-qofol tiegħu lilna l-bnedmin, kull wieħed u waħda minna. Araw kemm niswew, kemm aħna prezzjużi quddiem Alla l-Imbierek.
2. Ġesù jurina kif iħobbna Alla l-Missier
It-tieni riflessjoni, nistħajjel li Alla l-Missier qal: ‘Lil dawn in-nies mhux biżżejjed ngħidilhom jiena nħobbkom’. Għaliex? Għaliex ikun hemm it-tentazzjoni li jiena naħseb li Alla jħobbni bħalma aħna nħobbu lil xulxin. U tafu kemm nonqsu lil xulxin, anke meta inħobb lil xi ħadd, nonqsu. Anke jekk ikun hemm xi ħadd li naħfirlu, indum infakkru li jiena ħfirtlu! U allura Alla l-Missier qal: ‘Taf x’nagħmel? Nibgħat lil Ibni’, ifhmuha din, biex Sidna Ġesù Kristu jgħallimna liema kwalità ta’ mħabba jħobbna biha Alla l-Missier. Tiftakru kemm il-darba Ġesù tkellem fuq hekk? Hu jgħidilna: “Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom”. Mhux għax se nkunu perfetti, la jien u lanqas intkom, imma ried jgħidilna: ‘timmirawx għal ftit, , immiraw għal ħafna! Mhux se taslu, ma jimpurtax, imma immiraw għal ħafna!’
Aħna, ħuti, bħala Nsara ma nistgħux nagħżlu kif inħobbu, imma rridu nħobbu bħal Ġesù. Meta nkun qed nisma l-Vanġelu rrid nibda ngħid: ‘Mulej, se nipprova nħobb bħalek’. L-imħabba ġeneruża ta’ Sidna Ġesù Kristu: isib il-morda, ifejjaqhom, jimxi magħhom dawn il-morda kollha. Hekk irrid inħobb jien għaliex Alla l-Missier hekk ħabb u hekk urina permezz ta’ Ġesù. Sidna Ġesù Kristu fuq is-salib, għax il-Qalb ta’Ġesù maqgħuda ħafna mas-salib tiegħu, jaħfer u jgħid lil Alla l-Missier: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Mhux jaħfrilhom biss, jiskużahom quddiem Alla l-Missier għaliex qed jagħmlu hekk, għax ma jafux biżżejjed. Araw l-imħabba tal-Mulej Ġesù! U aħna rridu nippruvaw inħobbu bħalu. Meta jiena naħfer irrid naħfer bil-qalb. Meta jiena naħfer, irrid naħfer bil-qawwa. Kull darba li tkunu hawn u qed tisimgħu l-Vanġelu, ħuti, agħmluha din l-applikazzjoni: naraw lil Ġesù qed ifejjaq lil xi ħadd, u jien? Kemm qed nagħmel biex ta’ madwari jduqu bħalma daqu fi żmien Ġesù, il-ħlewwa tal attenzjoni ta’ Alla l-Missier? X’qed nagħmel jien man-nies ta’ madwari? Ġesù għamel hekk, ma nistax jien ma nagħmilx hekk għax Ġesù. -
3. Ġesù jwaqqaf il-Knisja biex turina l-Imħabba ta’ Alla
It-tielet riflessjoni. Sidna Ġesù Kristu kien wasallu ż-żmien li hu mur għand Alla l-Missier. Jiġifieri ma setax jibqa’ mad-dixxipli tiegħu biex ikunu jistgħu jisimgħuh u jistgħu jarawh. X’għamel? Qal: ‘Taf x’nagħmel jiena għax jiena tiela għand il-Missier? Ħa nagħżel persuni li jkunu l-Knisja tiegħi u jkomplu dak li għamilt jien’. Dik hi l-Knisja. Qegħdin fis-sena 1213. Kieku m’hawnx aħna li nagħmlu l-Knisja, bid-difetti kollha tagħna, ħaddieħor kif se jara kif suppost inħobbu? Ma jkollux x’jara għax il-bnedmin, iħobbu bħala uman, bħala bnedmin; ħadd minnhom li ma jafx lil Kristu mhu se jħobb bħalma kien iħobb Kristu. Għalhekk hemm bżonni il-Knisja. Il-Knisja hija dik li tipprova tgħix kemm tista’ din l-imħabba tal-Mulej Ġesù. Nerġa ninsisti il-qofol tal-fidi tagħna hija l-imħabba. Tħalluhiex fil-ġenb anke tkunu qed titolbu lil Mulej Ġesù, semmuha l-imħabba: ‘Mulej, kemm inħobbok, kemm int ġon-nofs ta’ qalbi’.
X’taha l-Mulej lill-Knisja? Taha żewġ affarijiet. L-ewwel taha s-sagramenti għax jekk ma nieħdux il-qawwa minn għand Kristu ma naslux! Aħna biex inħobbu bħal Ġesù iridu nkunu maħbubin minn Ġesù. Dan rrid inħossu ġo fija. Xi darba agħmlu hekk: tkunu quddiem Ġesù weħidkom, hawnhekk, fil-kappella, fil-knisja jew id-dar u għidulu: ‘imma għaliex tħobbni daqshekk? Imma x’hemm ġo fija biex inti tħobbni daqshekk?’ U nibdew nistagħġbu, ħuti, għaliex meta tistagħġeb tibda timtela bil-grazzji għax il-Mulej jibda jurik biċċa biċċa r-raġuni għaliex iħobbok daqshekk.
Għalhekk lill-Knisja il-Mulej taha żewġ affarijiet: taha s-sagramenti għax qal dawn irid ikollhom saħħa minn x’imkien. Il-grazzji li għamel Ġesù neħduhom personalment mis-sagramenti. Jiena mmur nitqarben u ġo fiha jidħlu dawk il-grazzji li tana meta kien fostna.U t-tieni, taha lill-Knisja l-missjoni: “Morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba”. L-aħħar kelma li qal Ġesù ma kienetx: ‘ahsbu fikom infuskom’, mhux dik kienet. Kemm kien iħobbhom! “Morru fid-dinja kollha u xandru l-bxara t-tajba”. Mela t-tieni: tana missjoni, naħseb li ġieli kellkom esperjenzi ta’ din il-missjoni. Per eżempju:iIkun hemm xi ħadd fuq ix-xogħol, ikun imtaqqel, miskin jew miskina, u ngħidlu: ‘se nitlob għalik’, jew inkella: ‘tridtx nitolbu flimkien ħalli tħoss dak li hemm fil-Mulej?’ Is-sodisfazjoni Kristjan li jiġi meta ngħinu lil ħaddieħor ma nistgħux aħna nħossuħ u ngħixuh jekk mhux meta nagħmluh, meta jien nagħmel att ta’ karità. Tinsewx it-talb ukoll. Meta jkun hemm bniedmin u tgħidlu: ‘tridtx nitolbu flimkien’, bniedem li ilu ħafna ma jersaq il-Knisja, jew tgħidlu tridtx għada mmorru flimkien il-Knisja?’ Nkunu qegħdin inresquh lejn il-Mulej, nkunu qed nieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja. Mela bdejna minn Alla l-Missier, imbagħad Ġesù li uriena kif iħobbna Alla l-Missier, imbagħad il-Knisja li trid tirrapreżenta ‘l Mulej Ġesù fid-dinja fejn ngħixu.
4. Irridu nixbħu lil Alla l-Missier
X’inhi allura l-ħidma tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna? Aħna – nittama li tifhmuni sew -ilkoll nifirħu meta aħna nagħtu ġieħ u glorja lil Alla l-Imbierek. Imma taf biex l-iktar jieħu gost il-Mulej? Meta jiena nibda ninbidel fih! Meta jħares lejja u jgħidli li wed insir nixbah lilu. Bħat-tfal tagħkom. Mhux dik l-akbar glorja li jkollkom meta jkollkom it-tfal u tarahom li qegħdin jagħmlu dak li inti għallimthom? Dik hi l-akbar glorja għax inkun nista’ niftaħar bihom. U Alla l-Missier l-iktar li jieħu gost meta jħares lejja u jgħid: ‘ara Pawlu qed jipprova jimxi ftit iktar il- quddiem biex ikun jidher aktar bħala bin Alla l-Missier! Il-Knisja trid tinsisti fuq il-fatt li kull wieħed u waħda minna jipprova jixbah lil Alla l-Missier.
Għalhekk hawnhekk ġie magħżul l-isem tal-Qalb ta’ Ġesù. L-ewwel biex niftakru kemm il-Missier iħobbna, it-tieni biex niftakru li Ġesù għallimna kif Alla l-Missier iħobbna, it-tielet li l-Knisja qiegħda hemmhekk biex ħaddieħor iduq kif iħobb lil Mulej permezz tagħha, ir-raba’ għaliex Alla l-iktar ħaġa li se tagħih glorja hi li jħares lejja u jarani li jiena nbidlt fih biex inkun kemm jista’ jkun qrib ta’ Ġesù. Din hija l-missjoni tagħna li ż-żgħażagħ, speċjalment t’hawnhekk tal-Mosta, jingibdu iżjed lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Meta jiġu f’dan l-oratorju ż-żagħżagh isirilhom ħafna ġid.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta