-
Archbishop’s Message on the Feast of Christ the King and Closing of the Year of Faith
-
Parrocca Sidtna Marija Mtella’ s-Sema, Mosta
24 ta’ Novembru 2013
Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,
Ħuti,
Illum ġejna hawnhekk biex infakkru żewġ avvenimenti: l-ewwelnett sena speċjali li tiġi fi tmiemha llum, jiġifieri s-Sena tal-Fidi, u qegħdin niċċelebraw ukoll lil Kristu li huwa Sultan tal-ħolqien kollu.
Xi jfisser għalina ‘llum li Kristu huwa Sultan tal-ħolqien? Nistagħġeb mal-bnedmin kollha, kif Kristu, kif rajna fil-Vanġelu, għażel il-mument ta’ meta hu kien qiegħed fuq is-salib biex jiġi pproklamat sultan. U għaliex għamel din l-għażla Sidna Ġesu Kristu? Jien naħseb li għamel dan biex ikun hemm kuntrast bejn dak li kien ifisser is-salib fi żmienu għall-Lhud u dak li jfisser għalina is-salib ta’ Kristu, jiġifieri s-salvazzjoni tagħna. Kristu ġie biex iġedded dak li sfortunatament il-bniedem kien fixkel f’ħajtu.
Għalhekk nara li nistgħu nisiltu żewġ riflessjonijiet minn fuq is-salib. L-ewwel waħda hi li Ġesu ġie jġedded ir-relazzjonijiet ta’ bejna l-bnedmin. L-eżempju li ħa kien: hu sultan u aħna l-bnedmin li ma niswew xejn jekk mhux f’Alla l-Imbierek. U dan narawh fuq is-salib. X’kien id-djalogu ta’ Ġesu ma’ dawk li kienu madwaru? Is-slaten ta’ din id-dinja jridu li l-oħrajn, in-nies ta’ madwarhom, iservuhom. Sidna Ġesu Kristu, minflok ma aċċetta din il-forma umana, ried li hu, Sultan, jaħsel riġlejn l-appostli fl-aħħar ċena u jmut għalihom fuq is-salib. Bħal ma uriena Kristu, ir-relazzjoni ta’ bejnietna trid tkun ta’ qadi lil xulxin.
Sidna Ġesu Kristu fuq is-salib kien dak li minn fommu ma ħarġitx rabja għal dawk li kienu qegħdin isalbuh, minkejja l-fatt li n-nies kienu qegħdin iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Imma ried ikompli l-missjoni tiegħu inkluż ma’ dawk li kienu se jsalbuh billi ħafrilhom u interċeda għalihom quddiem Alla l-Imbierek: “Mulej, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23,34).
Is-slaten ta’ din id-dinja jieħdu gost li huma jikkmandaw lill-oħrajn. Imma għal Ġesu, il-kmand tiegħu kien differenti. Għex ħajtu biex ikun ta’ eżempju għalina. Sidna Ġesu Kristu ma jikkmandax, imma jistedinna biex nimxu warajh: ‘imxu warajja’. Din hija l-ewwel riflessjoni li aħna qegħdin nagħmu llum, fi tmiem din is-Sena tal-Fidi, b’sejħa biex l-ħajja tagħna tkun immarkata aktar mill-ħajja ta’ Kristu, b’dak li għamel hu u li nsibuh fil-Vanġelu.
It-tieni riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom f’din l-okkażjoni hija din: fil-ħolqien, anke wara d-dnub, kien hemm xi affarijiet li kienu ġejjin mingħand Alla u l-ħolqien tiegħu, u allura kienu diġa imberkin. Jekk inħarsu lejn ix-xemx kif għandna fil-Ġenesi, jekk inħarsu lejn id-dinja kollha u l-baħar u l-annimali, aħna hemmhekk naraw is-siġill ta’ Alla l-Imbierek li hu l-ħallieq ta’ kollox. Imma kien hemm xi affarijiet li ma kienux imberkin minn Alla l-Imbierek, u r-raġuni hi li m’għamilhomx hu. Kien hemm xi affarijiet li, għax ma ġewx minnu, kellhom bżonn jiġu mberkin biex ma jibqgħux ta’ tfixkil għalina imma jsiru mezz ta’ grazzja. U għalhekk Sidna Ġesu Kristu fl-aħħar ta’ ħajtu bierek dawn il-ħwejjeġ li ma ġewx minn Alla imma ġew bħala ħtija tal-bniedem.
It-tbatija hija waħda minn dawn l-affarijiet. It-tbatija m’ għamilhiex Alla l-Imbierek u allura Sidna Ġesu Kristu ried jgħaddi minnha biex min jgħaddi mit-tbatija flimkien ma’ Ġesu, ikun imbierek mit-tbatija ta’ Ġesu Kristu. L-ebda nisrani ma jista’ jbati waħdu issa li Ġesu tela’ fuq is-salib.
Il-mewt hija realta` oħra li mhux ġejja minn Alla. Rajniha fl-ewwel lezzjoni tal-lum; il-mewt mhix opra t’Alla l-Imbierek. Il-mewt ġabha fuqu l-bniedem minħabba d-dnub tiegħu. Għalhekk, peress li l-mewt ma kienetx imbierka għax Alla l-Missier m’għamilhiex, Alla ried iberikha permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu billi jgħaddi minnha huwa wkoll. Hekk il-mewt ma baqgħetx triq biex wieħed jintilef jew jispiċċa, imma saret triq biex wieħed jidħol fis-saltna ta’ dejjem. Hekk ġara fil-każ tal-ħalliel li talab lil Ġesu biex jiftakar fih meta jkun fis-Saltna tiegħu. Ġesu jurih il-qawwa kollha tiegħu u jgħidlu: “illum stess tkun miegħi fil-ġenna” (Lq 23,43). L-ebda nisrani ma jista’ jgħaddi mill-mewt mingħajr ma jħoss lilu nnifsu miexi wara Ġesu anke fil-mewt qaddisa tiegħu. Hekk anke l-mewt għalina saret passaġġ. Anke l-mewt, li hija tant kerha fiha nfisha, saret għalina mezz ta’ qawmien biex aħna nqumu ma’ Sidna Ġesu Kristu.
Ħuti, jiena nixtieq li dawn ir-riflessjonijiet ikunu l-ħsibijiet tagħna fl-aħħar ta’ din iċ-ċelebrazzjoni li qed nagħmlu llum, anke għaliex wasalna fi tmiem is-Sena tal-Fidi.
L-ewwel riflessjoni: ejjew ma nimxux bil-loġika ta’ din id-dinja f’dak kollu li aħna nagħmlu: xi ħadd iweġgħana u nippruvaw inpattuhielu lura. Ġesu jgħallimna mod ieħor. Ejjew inkunu verament dixxipli tiegħu għax il-qies tagħna mhuwiex il-qies tad-dinja u tal-bnedmin tad-dinja, imma l-qies tagħna irid ikun dejjem il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesu Kristu, biex naraw kemm aħna mexjin verament bil-fidi.
U t-tieni, ħuti, sfortunatament hawn it-tbatija, imma t-tbatija ġabha l-bniedem minħabba d-dnub tiegħu. Imma Kristu bierek it-tbatija u bidlilha s-sens tagħha. Għalhekk, it-tbatija, anke dik li twassal għal mewt, aħna rridu naċċettawha. Ħalli ndumu ngħixu, imma rridu naċċettaw it-tbatija bħala l-mezz li permezz tiegħu aħna nistgħu nidhru verament quddiem Alla l-Imbierek u ngħixu miegħu għal dejjem.
Jalla, l-għeluq ta’ din is-Sena tal-Fidi u din iċ-ċelebrazzjoni fil-jum ta’ Kristu Re, lilna iġġeddidna biex verament il-ħajja tagħna ngħixuha bil-fidi fi Kristu Ġesu.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta