Konkatidral ta’ San Ġwann
15 ta’ Frar 2013
S. Ġakbu llum fl-ittra tieghu qed jagħtina li ngħarfu l-identità tagħna. Aħna l-poplu t’Alla, għandna l-missjoni nkunu pont bejn Alla u l-bniedem. Dak huwa s-saċerdożju universali li joħroġ mill-magħmudija tagħna.
Ħa niftakru x’qalilna S. Ġakbu.
L-ewwel ħaġa li qalilna S. Ġakbu f’din is-silta hija li aħna bħala midinbin qegħdin f’mixja. Ħuti, mhux sew li aħna nieqfu fuq il-kelma: “għax aħna midinbin”. Li jagħmilna Nsara huwa li aħna midinbin f’mixja. Din hija r-realta tal-poplu ta’ Alla. U biex jgħinna naċċettaw dan il-fatt Sidna Ġesu Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq tlett persuni li kienu jafu x’jiġifieri tonqos lil Alla u dduq il-maħfra tiegħu.
Il-Knisja poġġieha l-ewwelnett fuq S. Pietru dak li kien jaf x’jiġifieri tiċħad lil Mulej għal tlett darbiet. U S. Pietru beka u l-Mulej ħafirlu.
It-tieni sies li fuqu Sidna Ġesu Kristu għamel il-Knisja tiegħu kienet Marija li keċċa minnha seba’ xjaten. Din il-mara saret l-appostlu tal-appostli għaliex kien lilha li ġiet mogħtija l-ewwel il-bxara t-tajba li Ġesu qam. U Marija wkoll bkiet dnubietha, u Ġesu ħafrilha.
It-tielet persuna li fuqa Knisja ġiet minbija kien S. Pawl. U S. Pawl kien jaf x’jiġifieri teħodha kontra l-insara u tippersegwitahom. Imma Ġesu iltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku u wrieh hu min hu. U S. Pawl umilja ruħu għal tlett ijiem ma setax jara, u kellu jiddependi fuq ħaddieħor u Ġesu ħadu fid-deżert biex jgħallmu hu nnifsu min hu.
Fil-ħajja ta’ Ġesu għandna żewġ eżempji li juruna l-Mulej kif jitratta lilna midinbin li aħna fil-mixja. S. Pietru darba minnhom jinżel għarkobbtejh quddiem Ġesu wara l-qabda tal-ħut u jgħidlu: “Mulej, tbiegħed minni għaliex jiena midneb”. U t-tweġiba ta’ Ġesu kienet: Jiena nagħmlek sajjied tal-bnedmin. Id-dnub lil Alla ma jfixklux biex jaħtarna; li jfixklu huwa s-suppervja tagħna li ma nħalluhx ibiddilna. Tant hu veru li Sidna Ġesu Kristu uża t-tlett ċaħdiet ta’ Pietru biex jagħmel dik il-bidla fih, u li Pietru fi tlett snin ma’ Sidna Ġesu Kristu ma rnexxilux jgħamilha. U Ġesu talbu għal tlett darbiet biex jgħidlu jħobbux. U Sidna Ġesu Kristu jgħidlu lil Pietru: “Jien nagħmlek għassies tal-merħla tiegħi”.
Fir-rakkont tal-mara midinba li marret quddiem Ġesu taħsillu riġlejh, Sidna Ġesu Kristu qalilna dan il-kliem li huwa b’saħħtu ħafna: “Inħafrulha ħafna għax ħabbet ħafna”. Dik il-mara daqet l-umiltà tad-dnub tagħha u setgħet tirċievi l-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu. Għall-qaddisin il-maħfra t’Alla ssir ħafna iktar qawwija mid-dnub. S. Wistin li meta kien diġa isqof jirrakonta d-dnubiet tiegħu fil-ktieb fejn jaghmel l-Istqarrijiet tal-ħajja tiegħu. S. Wistin fehem li quddiem Alla iktar tgħodd il-maħfra tiegħu, milli d-dnub tagħna. U allura l-għajta tagħna għandha tkun dejjem: grazzi talli ħfirtli. Jiena nimmaġina, ħuti, kemm Sidna Ġesu Kristu – ippermettuli l-kelma – iħossu mweġġa’ meta nibdew niddubitaw jekk ħafrilniex. Għax, jiġifieri aħna ma nkunu fehemna xejn mill-parabbola tal-iben il-ħali: li Alla meta jaħfrilna jagħtina d-dinjità kollha tagħna ta’ wlied Alla l-Missier. Allura l-kelma tagħna trid tkun: grazzi, Mulej, għaliex ħfirtli d-dnubiet tiegħi kollha.
S. Ġakbu jkompli jghidilna li hemm bżonn ikun hemm solidarjietà fil-mument li fih ahna nkun fid-dnub, kif ukoll fil-mument li fih aħana nkunu b’saħħitna bil-grazzja t’Alla. S. Ġakbu qiegħed jgħidilna li fil-mument li jien inkun midneb, għandi bżonn lil ħaddieħor biex iwassalni lejn il-Mulej Ġesu. U Meta naraw li ħaddieħor qiegħed fid-dnub, hemm bżonn li aħna nressqu lejh biex inressquh lejn Sidna Ġesu Kristu. Araw il-kliem li aħna ngħidu f’kull quddiesa: La tħarisx lejn dnubietna iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek. Ħuti, id-dnub sfortunatament għandu punt – ippermettuli ngħid il-kelma – ta’ solidarjetà, għax id-dnub jgħid lix-xitan biex iktar jidħol fid-dinja. Qed nagħtuh is-saħħa lix-xitan bid dnub tagħna. Imma s-solidarjetà tagħna qiegħda wkoll fil-grazzja. Kull darba li naċċettaw lil Mulej, qed nagħtuh is-saħħa li jidħol fl-umanità tagħna u jagħtina l-grazzji kollha tiegħu biex nirbħu lid-dnub u lix-xitan.
Ried jgħidilna wkoll illum S. Ġakbu biex aħna ma nitkażawx b’dawk li huma midinbin, għax aħna nkunu fil-grazzja. Lil dawk li huma midinbin, aħna irridu nħobbuhom aktar u nitkellmu magħhom bħalma tkellem Sidna Ġesu Kristu. S. Ġakbu kkupjah lil Ġesù fis-silta żgħira li qrajna llum. Jgħidilna, jekk hemm xi midinbin fostna. mhux nitkażaw bihom ghandna, anzi nħossu l- qawwa ta’ solidarjetà fil-grazzja biex ikollna s-saħħa li nenħtieġu biex ngħinu lil dawn il-midinbin ħutna jergħu jduru lejn il-Mulej.
Ħuti, ngħidilkom storja qasira. Darba kienu serquni meta kont ngħix fil-kunvent ta’ Gwardamanġa, u kulħadd beda jgħidli: “Kappillan kellhom bżonn jaqbduhom ħalli inti jkollok il-flus lura biex tkun tista’ tuzahom għall-parroċċa”. Mela, niftakar inkun dieħel l-isptar S. Luqa, dak iż-żmien, u jkun hemm waħda mara anzjana u ġiet fuqi u qaltli: “Kappillan jalla l-flus jerġgħu jagħtuhomlok lura, iżda jiena aktar jiddispjaċini għal dawk li serquk, għax dawk kif se jerġgħu lura mid-dnub tagħhom?” Fehmet, li dik il-persuna midinba kienet aktar għal qalb Kristu milli l-flus li serqulna. U hekk irid ikun il-kliem tagħna, għax inkella s-saċerdozju universali ma jkunx qawwi fina.
It-triq li aħna rridu nimxu fiha bħala midinbin, jiena nikkonsidraha hekk, u nagħlaq biha. Aħna qisna f’kamra li fiha hemm l-għanqbut. Din hija l-mixja tagħna. Alla l-ewwel qisu qed jagħtina bozza żgħira, u aħna nilmħu biss l-għanqbut li għandna l-iktar viċin tagħna. Meta nneħħu dak l-għanqbut, Alla jagħtina bożża ikbar, ta’ erbgħin per eżempju, u iktar nibdew nindunaw bl-għanqbut li hemm ġewwa fina. U nibqgħu mexjin hekk. Kull darba l-Mulej jagħtina dawl, sakemm fl-aħħar jagħtina d-dawl kollu biex inkunu nistgħu naraw u nneħħu kull għanqbuta li jkun hemm ġewwa fina. Il-qaddisin ikkoperaw ma’ dan id-dawl sħih biex ikunu jistgħu jissaffew minn kull nitfa ta’ dnub.
Jalla, ħuti, il-mixja tagħna biex neħilsu minn dnubietna tkun skont kif qed ighidlna S. Ġakbu llum. Bħala komunita nisranija rridu dejjem iktar nitnaddfu minn kull ghanqbuta ta’ dnub. Jista’ jiġri li mhux dejjem naghrfuhom mill-ewwel id-dnubiet tagħna, imma Alla f’din il-mixja jghina nagħrfuhom, ħalli naslu biex nitnaddfu minn kull ħjiel ta’dnub fil-ħajja tagħna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta