Konkatidral ta’ San Ġwann, Il-Belt Valletta
11 ta’ Novembru 2012
Illum qegħdin niċċelebraw Jum it-Tifkira, biex ma ninsewx lil dawk li taw jew ipperikolaw ħajjithom fl-aħħar żewġ Gwerer Dinjija. Ikun hemm xi wħud minna li f’dan il-Jum jiftakru fl-għeżież tagħhom li tilfu fil-gwerra, u allura t-tifkira tkun ħafna iktar personali u allura iktar emottiva għal din it-telfa.
Hawnhekk, fil-Knisja, minbarra l-emozzjoni tat-telfa, niġu biex nitolbu għal dawn l-aħwa u biex nippruvaw nifhmu fid-dawl Kristjan is-sehem tal-bnedmin f’dawn l-avvenimenti.
Meta Alla ħalaq id-dinja ħalla lill-bnedmin biex jieħdu ħsiebha. Kull għemil tal-bniedem għandu impatt fuq id-dinja iktar u iktar għaliex żdiedet il-qawwa tal-bniedem biex jagħmel impatt fuq il-Ħolqien permezz tax-xjenza u tat-teknoloġija. Jekk dan il-poter ngħixuh b’suppervja, qisu jagħtina ħakma assoluta fuq il-ħolqien u jista’ jwassal għall-qerda tal-ħolqien, tal-umanità fiha nfisha, u tal-ambjent li rrid ngħixu fih. Jekk din il-qawwa jeħodha bħala don mingħand Alla, jista’ jasal biex itejjeb ir-realtà tal-ħolqien, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħolqien. Sfortunatament fil-gwerer, dawn it-tnejn ibatu: kemm il-bnedmin kif ukoll l-ambjent. Li jista’ jiġġustifikaha biss huwa jekk issir għal għan iktar għoli, bħalma huma l-ħelsien jew il-ġustizzja.
Dan ma jgħoddx biss fil-kuntest tal-gwerer, iżda iktar u iktar fil-kuntest dinji, fejn ikun hemm pajjiżi fil-gwerra, iżda oħrajn li qegħdin jaraw il-konflitti minn barra, u bħall-Ġnus Magħquda li ġiet imwaqqfa proprju biex il-pajjiżi jersqu iktar lejn xulxin u jaħdmu għall-paċi. Il-mumenti ta’ paċi, f’dawk il-pajjiżi li mhux għaddejjin minn gwerer, mhuwiex u m’għandux ikun biss żmien ta’ stennija, iżda ta’ sforz kbir biex jagħti l-kontribut tiegħu għall-paċi.
In-Nisrani f’dawn il-mumenti jrid iħoss iktar il-kmand ta’ Alla fuq l-umanità u l-ħolqien, biex jagħmilha aħjar u jaħdem għall-paċi. Għal min jemmen, ir-rispett għall-ħajja u għall-persuna; il-familja, l-ambjent huma wkoll twettiq tal-ewwel kmand li Alla ta lill-bniedem: “Nisslu u oktru, u imlew l-art u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art” (Ġen 1,28). Dan il-kliem ta’ Alla huwa qsim ta’ responsabbiltà mal-bnedmin fuq il-ħolqien ma’ Alla l-Imbierek u skont id-digrieti tiegħu.
Illum fil-Vanġelu għandna ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù li tgħallimna ħafna. Fl-ewwwel parti tad-diskors tiegħu Ġesù jwissi kontra dawk li jgħixu l-ħajja esternament, ifittxu biss il-favuri u l-poter. Ħafna mill-gwerer bdew minn din l-attitudni. Il-ħajja tan-Nisrani trid tkun immarkata b’umiltà quddiem Alla, ifittex l-għerf tiegħu li tana permezz ta’ Ġesù. Qegħdin fis-sena tal-Fidi: hija l-okkażjoni għal kull Nisrani biex jaqra dak li għamel u għallem Ġesù, biex jimxi fuq il-passi tiegħu fl-imħabba u r-rispett lejn Alla u l-bnedmin.
Iżda l-Vanġelu jkompli madwar l-armla li marret titfa’ xi ħaġa żgħira tal-flus fit-Tempju. Ġesù jgħid lil dawk li kienu qed jisimgħuh, li din l-armla tefgħet iktar mill-għonja għaliex hija tat kulma kellha biex tgħix, waqt li l-oħrajn taw miż-żejjed tagħhom. Dan il-kliem ta’ Ġesù l-ewwel jerġa’ jfakkarna f’dawk li mietu fil-gwerer, jew li ffaċċjaw il-mewt fil-gwerer. Dawn, bħall-armla, taw kollox: taw ħajjithom biex jiksbu l-ideali tagħhom, u għal pajjiżhom.
Min-naħa l-oħra, l-apprezzament ta’ Ġesù għall-għotja ta’ dik l-armla jurina li ma hemm ħadd fid-dinja li ma jista’ jagħti xejn għall-paċi. M’hemmx għalfejn inkunu bħall-għonja, dawk li għandhom is-setgħa fil-pajjiżi. Skont Ġesù, l-awtorità ġġib magħha iktar responsabbiltà quddiem Alla: Il-kliem iebes ta’ Ġesù huwa “Dawn jieħdu kundanna iktar iebsa” (Mk 12, 40).
Iżda fl-istess waqt qiegħed jgħidilna li ma hemm ħadd fid-dinja li ma jistax jagħti kontribut, anki jekk żgħir ħafna biex ikabbar l-umanità u l-paċi. Kontra dak li jaħsbu n-nies tad-dinja, Alla ma jarax dak li hu materjali, iżda l-qalb ta’ kull min jagħti.
It-tieni lezzjoni tal-lum, mill-ittra lil-Lhud tfakkarna li Ġesù mhux tkellem biss iżda wettaq: hu miet għalina lkoll, ta l-kollox bħala bniedem. Iżda għal min jemmen, Ġesù qam ukoll biex jagħtina l-Qawmien.
Fil-Gwerer aħna nirrakkontaw stejjer ta’ erojiżmu ta’ dawk involuti. Iżda sfortunatament il-gwerer ma jipproduċux biss eroj, iżda wkoll ħafna għemejjel ta’ krudeltà. Jiena niftakar li meta nara dokumentarji tal-Kampi ta’ Konċentrament tat-Tieni Gwerra, jew is-suldati fit-trunċieri mejtin ġewwa t-tajn, dejjem nagħmel il-mistoqsija: imma fejn hi d-dinjità tal-bniedem? Kif ġiet imkasbra!
Imma għal min jemmen, din mhijiex l-aħħar kelma. Aħna nemmnu li rridu naraw il-mewt ta’ dawn ħutna fil-dawl tal-mewt ta’ Ġesù. Aħna nemmnu li anki dik il-mewt krudili, kull mewt, hija magħquda mal-mewt ta’ Ġesù.
Ejjew nerġgħu niftakru xi smajna fit-tieni lezzjoni u naraw anki dawn l-imwiet fid-dawl ta’ dan il-kliem:”… imma (Ġesù) daħal fis-sema stess, biex jidher għalina quddiem Alla” ;
“Issa deher darba għal dejjem meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu”.”Ġesù għad jerġa’ jiġi mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa”. Din hija d-dinjità li Alla l-Missier, permezz ta’ Ġesù, jagħti lil kull wieħed minna, anki lil dawn l-aħwa tagħna li qegħdin infakkru llum. F’dan id-dawl, Jum it-Tifkira jieħu tifsira differenti għal min jgħixu bil-fidi Nisranija. Isir mument ta’ talb, għax nemmnu li dawn l-aħwa tagħna għadhom ħajjin imdawrin mill-imħabba tal-Missier. Isir mument ta’ riflessjoni fuq il-Qawmien, mhux biss ta’ Ġesù, iżda ta’ kull wieħed u waħda mill-għeżież tagħna li qegħdin infakkru llum. U allura din il-Quddiesa niġu fiha biex niftakru f’din ir-realtà, li fiha nfittxu l-konsolazzjoni fil-fidi tagħna.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta