Knisja tal-Mosta

1 ta’ April, 2012

Ħuti,

Illum aħna qegħdin niċċelebraw Ħadd il-Palm, jiġifieri id-dħul ta’ Ġesu ġewwa Ġerusalem bħala bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa biex aħna nkunu nistgħu, bħal Ġesu, nidħlu wkoll fil-post fejn Ġesu ssallab, ġewwa Ġerusalemm ta’ qalbna. U naħseb li tafu wkoll li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel li dan il-jum, Ħadd il-Palm, hu wkoll Jum iż-Żgħażagħ fil-Knisja kollha. U għalhekk huwa ta’ ferħ kbir għalina li għandna dawn iż-żgħażagħ magħna għal din il-Quddiesa.

X’inhi t-tifsira ta’ Ħadd il-Palm?  Ħadd il-Palm irridu ngħaqqduh mar-rieda ta’ Sidna Ġesu Kristu li jidħol ġewwa Ġerusalemm u fl-istess ħin ma’ dak li smajna fil-passjoni tal-lum, jiġifieri  t-twettiq ta’ dak li kien il-pjan ta’ Alla.

Ħuti, meta aħna naħsbu fuq is-salib tal-Mulej irridu mmorru l-ewwel għal dak li l-Iben t’Alla għamel, offra li jiġi fostna f’din id-dinja. Mela hija frott ta’ wegħda ta’ Sidna Ġesu Kristu, tal-ubbidjenza lejn Alla l-Missier li ħarġet mill-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn il-bnedmin kollha.  Alla ried isalvana u bagħat lil  Ibnu, u qal lil Ibnu biex jiġi fostna ħalli nkunu nistgħu niġu salvati propju bis-salib ta’ Sidna Ġesu Kristu.

It-tieni ħaġa: Sidna Ġesu Kristu kien jaf li jekk hu se jagħżel li jidħol Ġerusalemm hu se jkun maħqur.  Kieku Sidna Ġesu Kristu baqa’ jipprietka fin-naħat tal-Galilija x’aktarx li ma kienux jagħtu każu dawk li kienu Ġerusalemm u x’aktarx kien jibqa’ ħaj għal aktar żmien. Imma kien wasal iż-żmien li Sidna Ġesu Kristu ried jidħol Ġerusalemm.  Kif seta’ hu, l-Iben t’Alla, ma jidħolx Ġerusalemm?  Kif seta’ hu, l-Iben t’Alla, ma jipprietkax f’Ġerusalemm  dak li ġie biex jagħtina l-Bxara t-tajba?  Kif seta’ Sidna Ġesu Kristu ma jidħolx ġewwa Ġerusalemm biex dik il-belt importanti tkun xhieda ta’ dak li kellu jitwettaq?  U għalhekk  Sidna Ġesu Kristu daħal ġewwa Ġerusalemm.  Kien jaf x’hemm jistennih u ma ddejjaqx jidħol ġewwa Ġerusalemm. Iżda meta daħal f’Ġerusalemm Sidna Ġesu Kristu, il-pjan li ħasbu dawk li kienu qegħdin jistennewh sfaxxalhom totalment.  Għalhekk qrajna l-Vanġelu tal-lum biex minn issa stess aħna nkunu nistgħu ngħarfu dak li ġara’ wara li daħal Ġerusalemm jiġifieri:  it-tbatija, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Dik kienet il-ġrajja  ta’ Ħadd il-Palm.

Min kien hemm f’Ħadd il-Palm jistenna lil Ġesu?  Jien naħseb li kien hemm tlett kwalitajiet ta’ bnedmin li ġew jilqgħu lil Ġesu.  Kien hemm dawk li ġew bill-friegħi f’idejhom jifirħu bis-Sultan li ġej u dawn, għax ma kienux jaf min hu Ġesu, sfortunatament xtaqu li jagħmluh Sultan ta’ din id-dinja.  U allura Ġesu meta rahom li l-ideat tagħhom kienu żbaljati hu stess telaq minn nofshom u baqa’ sejjer biex jagħmel il-missjoni tiegħu.

Fost dawk li kienu qegħdin jgħajtu u jifirħu b’Sidna Ġesu Kristu, naħseb li kien hemm l-appostli għaliex l-appostli kienu dawk li anke sa’ l-aħħar ċena baqgħu jistaqsu lil Mulej Ġesu min se jkun l-ikbar fis-saltna tiegħu.  Huma wkoll kienu qegħdin jistennew saltna ta’ din id-dinja u allura naħseb li l-iktar nies li weġġgħu lil Ġesu kienu l-appostli għax dawn kienu dejjem miegħu, u ghalhekk kienu jafu x’qal fuq it-tlett ijiem li Sidna Ġesu Kristu, wara li jbati, kellu jgħaddi fil-qabar u mbagħad iqum.  Imma anke l-appostli m’emmnux f’dak li qal il-Mulej Ġesu u bdew ma’ l-oħrajn jgħajtu lis-Sultan ta’ din id-dinja.

Naħseb li kien hemm ukoll grupp ta’nies, li ma kienux qed jgħajjatu u jifirhu b’Ġesu. Dawn huma t-tielet grup, dawk in-nies li ma jieħdux sehem imma jibqgħu jistennew u jaraw x’se jiġri,  joqogħdu jistennew biex jaraw dak li kellu jiġri minn dak li l-oħrajn bdew jgħidu li hu s-sultan tal-Lhud.

Se nibdew mill-lum, Ħadd il-Palm, din l-avventura kollha ta’ Sidna Ġesu Kristu li twassal għas-salib tiegħu.  Hemm tliet modi li aħna nistgħu ngħixu din ir-realta.  L-ewwel mod ta’ dawk in-nies li minn Ġesu jagħmlu  –ippermettuli l-kelma – karikatura.  Aħna nistgħu minn Ġesu, allavolja nkunu qegħdin nimxu warajh, diġa għamilna f’moħħna l-pjanijiet x’suppost jagħmel il-Mulej Ġesu jew Alla f’ħajjitna u ma nħallux li aħna nagħmlu l-mixja fuq il-passi ta’ Sidna Ġesu Kristu.

It-tieni nistgħu nkunu bħal dawk in-nies li qagħdu jistennew jew jaraw x’se jiġri minn dan il-bniedem li issa daħal Ġerusalemm trijonfalment.  U jista’ jiġrilna l-istess.  F’dawn il-ġranet aħna naraw ħafna pageants, f’dawn il-ġranet naraw ħafna purċissjonijiet u jista’ jkun li aħna naraw dawn minn barra mingħajr  ma f’qalbna jkolna l-ebda xewqa li aħna nieħdu xi ħaġa minnhom; jista’ jiġri fina wkoll li dan li se nagħmlu din il-ġimgħa nagħmluh bħala xi ħaġa barra minna.  Jew inkella, u din hija  li qed nipproponi, nistgħu nagħmlu bħall-appostli għax allavolja kienu ma’ Sidna Ġesu Kristu,  u jgħajtu lil Sidna Ġesu Kristu u naħseb li ħarġu disappuntati wkoll li hu ma ħax dak il-mument biex hu jkun jista’ jsir Sultan, imma l-appostli ma qatgħux qalbhom ubaqgħu sejrin wara Ġesu biex jgħixu din ir-realta kollha.

Din hija x-xewqa tiegħi għalina lkoll li qegħdin hawnhekk.  Jalla aħna nkunu bħal l-appostli li nersqu wara l-Mulej u nkunu miegħu tul din l-avventura kollha ta’ Sidna Ġesu Kristu fuq is-salib.  F’dawn il-ġranet, mhux dak li ġara’ barra irid jagħtina importanza, imma dak li ġabilna Sidna Ġesu Kristu li hu jkun verament il-Feddej tagħna u dak li jagħtina l-qawmien.  Jalla kull wieħed u waħda minna ngħixu dawn il-ġranet ta’ din il-ġimgħa qaddisa, ngħixuhom bħala dawk li qegħdin ifittxu mhux xi ħaġa barra minnhom imma xi ħaġa ġewwa fihom.  Jalla dak li se naraw u ngħixu f’dawn il-ġranet ifisser bidla fil-ħajja tagħna, ifisser iktar intimita` mal-Mulej Ġesu.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta