Konkatidral, S. Ġwann
28 ta’ Marzu 2013
Ħuti, aħna qegħdin niċċelebraw din il-quddiesa fil-kuntest tas-sena tal-fidi imnediha mill Papa Benedittu XVI u tajjeb li b’mod speċjali aħna bħala saċerdoti illum nitolbu lill-Mulej ikattarna fil-fidi. Kemm hu sabih, u rridu nirringrazzjaw lil Alla, li f’dawn il-ġimgħat li għaddew aħna stajna nħeġġu u immexxu lill-aħwa Nsara biex jgħixu r-Randan b’mod qawwi, b’mod ta’ fidi. Xi privileġġ kellna! U xi privileġġ se jkollna wkoll għaliex mill-lejla aħna se niġu msejħin minn Alla l-Imbierek biex il-komunitajiet tagħna inwassluhom biex jgħixu t-tlett ijiem tal-Għid. Iktar ma jkollna fidi aħna iktar nistgħu ngħadduha lill-oħrajn u iktar jistgħu jgħixu dawn il-jiem bil-fidi.
U naħseb li llum il-lezzjonjiet urewna tlett mumenti kif nistgħu nikbru fil-fidi ħalli mbagħad din il-fidi tagħna ngħadduha lill-aħwa insara mhux bħala xi ħaġa esterna, imma internament.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum aħna għandna silta minn Iżaija li mbagħad Ġesù fil-Vanġelu applihaha għalih. Jien tistagħġibni kif f’din is-silta ċ-ċentru huwa l-bniedem. Mill-bidu sa l-aħħar ma ssib xejn li fih aħna rridu nagħtu qima lill-Mulej, imma qisu l-Mulej qirgħed kollox fil-ġemb biex aħna nkunu nistgħu nagħtu l-imħabba tagħna lil bnedmin l-oħra. Aħna l-insara nistgħu ngħidu li Alla tagħna huwa ċċentrat fil-bniedem. Misteru kbir, bil-fidi biss nistgħu nifhmuh. Il-bniedem huwa r-raġuni kollha tal-inkarnazzjoni u l-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għamlu mhux għalih imma għamlu għalina, għal kull bniedem.
Aħna rridu nħarsu lejn dawk li aħna naqdu b’għajnejn ta’ fidi. Dawn huma ulied li ġew mogħtijin lilna biex nieħdu ħsiebhom f’ismu u aħna ngħinuhom fit-tbatijiet u nwasslulhom is-sena tal-Mulej, is-sena tal-grazzja. Kemm hija xi ħaġa kbira, imma rridu għajnejn ta’ fidi għax quddiemna se naraw bnedmin forsi mtaqqlin bid-dnub, bnedmin li qegħdin kontra dak li huwa Alla l-Imbierek u aħna xorta rridu nħallu dawn in-nies kollha jidħlu – ippermettuli bl-Ingliż -f’din il-mission statement ta’ Sidna Ġesù Kristu fil-Vanġelu skond San Luqa. Allaħares, ħuti, xi ħadd minna jisposta l-qadi tiegħu mill bnedmin u jitfgħu – ifhmuni – jekk mhux mill bnedmin, jitfgħu biss fuq Alla. Inkunu qegħdin nonqsu ħafna mill missjoni tagħna.
Mela aħna għandna l-ewwel missjoni li permezz tal-fidi tagħna nibdew ngħinu lil ħutna biex jgħarfu li aħna fihom qed naraw lil Mulej, li huma l-ulied tal-Mulej, li huma bin jew bint il-Mulej. Dan huwa l-ewwel att ta’ fidi li rridu nagħmlu ġewwa qalbna: Missier mhux se jkun hemm ħadd li nilaqtgħu miegħu u aħna mhux se nwasslulu l-imħabba tiegħek u mhux se nħalluh jifhem li huwa bin jew bint il-Mulej. Dik kienet il-missjoni ta’ Ġesù li ma nistgħux ninfirdu minnha.
It-tieni riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom hija dwar it-tberik taż-żjut. Dawn iż-żjut huma xi ħaġa materjali. Se nbierkuhom hawnhekk meta jiġu quddiemna fuq l-altar u hekk isiru mezzi tad-tqaddis għall-poplu afdat f’idejna. Kemm hu sabih li kull darba li nużaw dawn iż-żjut kemm għall-morda, kemm fil-Magħmudija u fil-Griżma, aħna nagħrfu l-Ispirtu li hemm wara ż-żjut. Huwa faċli li int tagħmel sinjal biż-żejt; huwa aktar diffiċli, imma jagħti ħafna iktar frott, jekk aħna jirnexxielna li kull darba li nużaw dawn iż-żjut nifhmu li huma mezzi ta’ qdusija tal-poplu t’Alla, il-grazzja t’Alla li tiġi moghtija lilhom.
Jixraq li aħna kull darba li jkollna ż-żjut f’idejna nagħmlu att ta’ fidi: Mulej dan huwa Int li permezz ta’ dan is-sinjal u permezz ta’ din il-persuna qed twassal il-grazzja tiegħek. Mela t-tieni att ta’ fidi: ejjew nemmnu iktar fis-sinjali esterni u ngħinu lil ħutna jħossuhom permezz tal-fidi tagħna. Hija l-grazzzja tal-Mulej li tiġi moghtija lill-aħwa kollha, anke lilna, permezz taż-żjut li aħna se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor.
It-tielet ħaġa, fit-tieni lezzjoni tal-lum mill-Apokalissi għandna, biex ngħid hekk, żewġ affarijiet li bilkemm tgħaqqadhom ma’ xulxin, imma huma maqgħudin. F’daqqa waħda ngħidu lill-Missier li Alla huwa l-Alpha u l-Omega li hu dak il-kobor kollu li qatt ma jintilef, u ftit qabel ngħidu li dan kollu sar permezz ta’ xi ħaġa li fiha nfisha kienet anke fiżika li huwa d-demm ta’ Sidna Ġesù Kristu li xxered għalina fuq is-salib. U aħna rridu nikbru f’din l-Fidi.
F’dawn il-ġranet ikollna ħafna affarijiet sbieħ: purċissjonijiet, pageants, wirjiet u affarijiet oħrajn. Tajjeb li niftakru li iktar ma jien nikber fil-fidi tiegħi kif Alla l-Imbierek ried li dan kollu jseħħ, iktar se nkun kapaċi ngħin lill-aħwa jaqbżu minn dak li purament jidher u materjali u jidħlu fl-Ispirtu tar-rieda ta’ Alla l-Imbierek li ppermetta li Ibnu jbati u jmut għalina. Hija att ta’ fidi, ħuti. Jekk jirnexxielna nagħmlu kollox bil-fidi, mqar meta nroddu s-salib, il-mod li bih nqaddes, tkun din il-fidi tagħna li twassal lil-aħwa biex jifmhu l-misteru kbir tal-kelma ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kemm hi qawwija l-kelma ta’ Kristu ħuti, kemm hi qawwija l-kelma t’Alla. Inħalluh lill-Mulej l-ewwel idawwal lilna biha, biex anke l-kelma t’Alla ma ddawwarax lil insara biss mis-saħħa tagħha, imma ddawwar lill-insara wkoll permezz tal-fidi tagħna li aħna qed nitrażmettu lilhom.
Din hi l-missjoni li l-Mulej fdalna f’idejna. U llum nirringrazzjaw lil-Mulej. Nafu li ħadd minna ma kien jixraqlu għax ilkoll midinbin, ilkoll dgħajfa, imma int għażiltna, Mulej u aħna rridu napprezzaw din l-għażla u aħna rridu ngħixu din l-għażla fil-qofol kollu tagħha.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Ritratt: Photocity