-
Archbishop’s message on Maundy Thursday
-
Konkatidral ta’ San Ġwann
17 ta’ April 2014Ħuti, aħna naqraw fil-Vanġelu li qabel ma Sidna Ġesu Kristu ġie imsallab kien hemm żewġ għemejjel li hu ried jagħmel. L-ewwel għemil kien li hu jagħmel l-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu. U aħna llum se niċċelebraw din l-ikla. It-tieni ħaġa li għamel kien li mar quddiem Alla l-Missier u beda jitolbu u ġedded ix-xewqa tiegħu li hu, Sidna Ġesu Kristu, ried li jobdi lil Alla l-Missier. Hekk hejja ruhu Sidna Gesu Kristu ghall-Passjoni tieghu.
Aħna llum qed niċċelebraw parti minn din it-tħejjija, meta Sidna Ġesu Kristu għamel l-aħħar ikla tiegħu mad-dixxipli tiegħu kif rajna fil-Vanġelu. U qabel ma Sidna Ġesu Kristu għamel din l-ikla tiegħu, huwa ħasad lill-appostli għaliex beda jaħslilhom riġlejhom. Smajna lil San Pietru jgħidlu: “Qatt mhu se nħallik taħsilli riġlejja int li int Alla”. U Sidna Ġesu Kristu jgħidlu: “Jekk trid timxi warajja lili trid tħallini naħsillek riġlejk” (ara Ġw 13,8). U dan l-ħasil tar-riġlejn, naħseb li kellu jbiddel żewġ ħsibijiet li kellhom l-appostli, id-dixxipli li kienu mdawrin miegħu.
L-ewwel ħsieb huwa: imma min hu Alla tagħna? Jekk Alla tagħna hu Alla li lest li jaħsel riġlejn il-bnedmin, imkien ma nsibu Alla bħal dan. Hu Alla li deher f’Sidna Ġesu Kristu li għamel din il-ħaġa li tant ħasdithom lil -appostli. Tbaxxa u ħaslilhom riġlejhom.
It-tieni ħaġa li naħseb li l-appostli tfixklu daqsxejn fuqha kienet li meta Sidna Ġesu Kristu ħaslilhom riġlejhom, tahom dinjita` enormi. L-Iben t’Alla jaħsel riġlejn it-tnax li kien hemm fiċ-ċenaklu. dan kien biss sinjal biex jurina kemm aħna niswew quddiem Alla l-Missier. Tistgħu timmaġinaw, ħuti, x’valur kbir għandu l-bniedem quddiem Alla biex l-Iben t’Alla imil quddiemu u jaħsillu riġlejh? Dak li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor meta jien naħsel riġlejn dawn l-aħwa hemmhekk, jien qed nistqarrilhom: jiena bħal Ġesu qed nirrikonixxi fikom li hemm il-preżenza t’Alla bl-imħabba kollha tiegħu.
Ħuti, f’dawn il-ġranet ejjew naħsbu ħafna fuq kemm niswew aħna għax kif tista’ tersaq lejn Alla verament b’mod sod jekk inti m’għandekx din l-idea li Alla tant iħobbok li jridek ħabib miegħu? U dan kien il-ħasil tar-riġlejn li permezz tiegħu Sidna Ġesu Kristu ħejja t-triq għall-Ewkaristija. Forsi waħda mir-raġunijiet ukoll għax ħaslilhom riġlejhom kienet biex juri li minn hawn u ftit ieħor jagħtihom l-inbid u l-ħobż li minnhom kienet se ssir l-Ewkaristija.
Għaliex għamel dan fl-aħħar mument ta’ ħajtu, fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu? Jiena naħseb li sakemm kien hemm Sidna Ġesu Kristu fosthom ma kellux bżonn iħalli xi ħaġa biex huma jiftakru fih u jimtlew bih; għax kien hemm hu nnifsu! Meta kien jaf li se jitla’ għand il-Missier allura tahom l-Ewkaristija biex jiftakru fih. L-Ewkaristija hija it-tifkira ta’ Ġesu li jiġi ġewwa fina, ta’ Ġesu li jidħol f’kull wieħed u waħda minna. L-Ewkarisitja hi l-estensjoni tal-Inkarnazzjoni, ta’ meta l-Iben t’Alla sar bniedem. Dak iż-żmien meta sar bniedem, sar bniedem għal kulħadd imma fl-Ewkaristija isir bniedem fija u fik. Għalhekk għamilha l-Ewkaristija biex ikun jista’ jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.
It-tieni raġuni, naħseb għaliex għamilha fl-aħħar mument għaliex kif rajna fit-tieni lezzjoni tal-lum (1 Kor 11, 23-26), San Pawl qiegħed jiddiskrivi x’sar f’din l-aħħar ikla. Allura it-tieni raġuni hi li b’dawk il-grazzji kollha li ħarġu minn dak inhar li Sidna Ġesu Kristu kien imsallab, dawk il-grazzji kollha tal-misteru tal-Għid jiġu mogħtijin lilna, kull wieħed u waħda minna. Ġesu bis-salib salvana lkoll imma permezz tal-Ewkaristija dik il-grazzja li ħarġet propju mit-tislib tal-Mulej issir tiegħi għax jien inkun qed inħalli dik il-grazzja tidħol ġewwa fija. U din hi r-raġuni għaliex Ġesu ħalla sa l-aħħar biex jagħmel l-Ewkaristija. Issa m’għandniex lilu li jidher imma għandna l-Ewkaristija li tidher. Issa m’għandniex lilu biex narawh kif kien fuq is-salib imma għandna l-gisem u d-demm tal-Mulej Ġesu li jfakkarna u jurina Ġesu kif miet għalina.U allura nagħlaq b’żewġ riflessjonijiet, forsi jkunu jistgħu jgħinuna aktar.Naħseb waħda mid-domandi li aħna nagħmlu hija din: jekk Sidna Ġesu Kristu fuq is-salib miet wara li għamel l-aħħar ikla tiegħu, wara li għamel l-Ewkaristija, allura kif jista’ jkun li għamel il-grazzja tal-Ewkaristija qabel ma huwa miet? U r-raġuni, ħuti, nippruvaw nispjegawha daqsxejn, hija għaliex perez li kien l-Iben t’Alla li kien qiegħed imut, l-Iben t’Alla huwa fuq iż-żmien tagħna. M’hemmx il-bieraħ, u llum u għada; dik l-għotja tiegħu li għamel kienet għaż-żmienijiet kollha, kemm dawk li ġew qablu kemm dawk li ġew warajh.
U t-tieni riflessjoni li xtaqt li nagħmlilkom hija li Sidna Ġesu Kristu propju għamel tant qawwa f’din l-Ewkaristija li tibqa’ għal kemm itulu ż-żminijiet. Il-qawwa li biha jiena niċċelebra l-Ewkaristija ġejja minn żmien Ġesu, għaddiet minn Isqof għal Isqof tul dawn l-elfejn sena sa ma waslet għandna. Lill-Appostli qalilhom għamlu dan b’tifkira tiegħi, u hekk baqa’ jsir, u dik il-qawwa tal-ewwel Ewkaristija baqgħet ħajja.Ħuti, aħna llum bl-Ewkaristija se ningħaqdu ma’ dak li ġara elfejn sena ilu. Ejjew nagħtu każ ta’ dak kollu li ser niċċelebraw biex aħna nkunu nistgħu ngħixu wkoll dawn il-misteri.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta