Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
21 ta’ Settembru, 2012
Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,
Ħuti,
Il-Festi Pubbliċi li niċċelebraw f’pajjiżna, bħalma jagħmlu pajjiżi oħra, huma magħqudin mal-istorja tagħna. Għadna kemm iċċelebrajna l-Festa tal-Vitorja, li taħbat mal-Festa Liturġika ta’ Marija Bambina meta nfakkru t-tmiem tal-Assedju u t-Tieni Gwerra Dinjija. L-erba’ festi nazzjonali l-oħra huma magħqudin mal-ħajja politika tal-pajjiż tagħna: is-Sette Giugno, Jum ir-Repubblika u Jum il-Ħelsien.
Illum qed niċċelebraw Jum l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Għall-ewwel darba fl-istorja, pajjiżna safa b’rajh f’idejh: issa aħna l-Maltin u l-Għawdxin għandna f’idejna l-preżent u l-ġejjieni ta’ pajjiżna. Dan jitfa’ responsabbiltà mhux biss fuq min imexxi lil pajjiżna, iżda fuq kull wieħed u waħda minna. Dak li nagħmlu, jew ma nagħmlux, tajjeb u ħażin, se jkollu effett fuq il-poplu tagħna.
U aħna niġu hawn għaliex nemmnu li Alla jimxi magħna fil-mixja tagħna, kemm individwalment kif ukoll bħala poplu. Niġu hawn biex nirringrazzjawh għal kull grazzja li tana tul l-istorja tagħna. Iżda għall-Insara, niġu hawn ukoll ħalli nisimgħu l-Kelma ta’ Alla biex iddawwalna fil-mod kif għandha tkun il-ħajja tagħna ta’ Nsara f’din ir-responsabbiltà tagħna quddiem il-pajjiż. In-Nisrani jkun qiegħed iżid mal-isforzi umani tiegħu, l-għerf tat-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu.
It-Tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu
Illum, f’dan il-Jum li jfakkarna fuq is-sehem li kull wieħed u waħda minna jrid jagħti lejn il-pajjiż għażiż tagħna, jiena nixtieq li mmorru lejn it-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu fuq il-Barkiet. Fil-kapitlu 5 ta’ San Mattew naraw lil Ġesù fuq għolja jipprietka, f’dik li ngħidulha l-prietka tal-muntanja. Hemm ħafna tagħlim fuq l-attitudni tan-Nisrani, u fosthom isemmi tmien attitudnijiet ta’ dawk li jimxu warajh. Kull waħda minnhom tibda bil-kelma “imberkin” u tagħlaq – u din hija ħafna importanti għan-Nisrani – li jwiegħed li dawk li jgħixuhom jirtu s-Saltna tas-Sema. B’dawn il-kliem, Sidna Ġesù Kristu qiegħed jgħidilna li hemm kontinwazzjoni għan-Nisrani bejn l-impenn tiegħu biex itejjeb din id-dinja, u l-impenn tiegħu biex jirbaħ is-Saltna.
Naħseb nistgħu nieħdu dawn il-Barkiet bħala eżami tal-kuxjenza fuqna personalment, u fuq l-istat ta’ pajjiżna f’dawn il-valuri.
Il-Barkiet
L-ewwel tliet Barkiet li se nsemmi għandhom x’jaqsmu mal-attitudni ta’ kull persuna.
Ġesù jsemmi tliet attitudnijiet tal-persuni li jistgħu jtejbu jew jagħmlu itqal ir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini.
Ġesù kien jaf il-bniedem, kemm hemm suppervja fih, u allura jsemmi li huma mberkin dawk li huma foqra fl-ispirtu. Sfortunatament ħafna tbatija tiġi mis-suppervja ta’ min hu importanti fis-soċjetà, fl-awtorità, jew min għandu xi awtorità f’idejh, imqar fil-familja. Meta nikkunsidraw li, fl-aħħar mill-aħħar, aħna fondamentalment l-istess, kull suppervja żejda hija effimera, li tispiċċa fi ftit żmien.
Ġesù jsemmi dawk ‘ta’ qalbhom ħelwa’: il-bniedem għandu l-qawwa li jdawwal jew isewwed il-ħajja ta’ ħaddieħor bl-atteġġjament tiegħu. U l-Mulej li kien ħelu ma’ kulħadd, għax kien juri r-rispett li kellu lejn kull persuna, tkun min tkun, kien jagħtihom id-dinjità kollha tagħhom bit-tbissima tiegħu. Il-Papa Ġwanni XXIII li ferraħ tant nies li kienu jiġu f’kuntatt miegħu, kien jgħid li “It-tbissima hija d-dritt tal-persuna l-oħra.”
Ġesù jirrikmanda wkoll lil ‘dawk ta’ qalbhom safja’: Dan ifisser li r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin għandhom ikunu bbażati fuq il-verità u s-sinċerità. Il-qalb tal-bniedem trid tkun ‘safja’ minn qerq, frodi, wiċċ b’ieħor, gideb, ħalli d-djalogu bejn il-bnedmin ikun ibbażat kemm jista’ jkun fuq trasparenza u sinċerità . Biex id-djalogu jkun sinċier, il-moħħ, il-kliem u l-għemil iridu jkunu fuq linja waħda. Hekk biss id-djalogu – jiġifieri l-qawwa li tnejn ikabbru lil xulxin bil-kliem u s-smigħ – jagħti l-frott tiegħu onest.
It-Tbatija
Fil-proċess għat-tajjeb, fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha, bilfors niltaqgħu mat-tbatija. Meta Ġesù jfaħħar lil dawk li huma mnikktin jew ippersegwitati, Ġesù mhux qed ifaħħar Il-kundizzjonijiet li jwasslu għal din it-tbatija, iżda jfaħħar lil dawk li jibqgħu mexjin għat-tajjeb minkejja din it-tbatija.
Huwa jsemmi żewġ aspetti tat-tbatija: dak intern – fin-niket; u dak li jiġi minn barra – il-persekuzzjoni. In-niket jiġi għaliex f’din id-dinja it-tajjeb ma jeżistix waħdu: hemm ukoll it-tfixkil, li jista’ jiġi minn persuni jew minn ċirkustanzi. In-niket huwa l-għajxien ta’ dan it-tfixkil fil-persuna stess. Min irid jagħmel it-tajjeb irid jagħti kas li se jgħaddi wkoll min-niket u ma jħallihx ifixklu. Kull persuna li għamlet il-ġid fid-dinja kellha tgħaddi min-niket: iżda kienet kapaċi taċċettah u tiddominah, aktar milli tħalli li tiġi ddominata minnu.
Jista’ jiġri li għax wieħed jipprova jagħmel it-tajjeb jiġi ppersegwitat. Il-persekuzzjoni meta tkellem il-Mulej kienet ħafna differenti minn tal-lum, iżda llum xorta teżisti persekuzzjoni. Kultant tiġi direttament mill-persuni li wieħed jiltaqa’ magħhom, kultant tiġi mill-media u postijiet oħra. M’hemmx għalfejn ngħidu li impliċitament, Ġesù qiegħed jikkundanna lil dawk li jippersegwitaw lil ħaddieħor: se jkollhom jagħtu rendikont tiegħu. Iżda Ġesù ried jagħmel kuraġġ hawnhekk lil dawk li jiġu ppersegwitati minħabba s-sewwa biex bil-kuraġġ jibqgħu fit-tajjeb. Għalkemm jgħodd għal kull żmien, nistgħu ngħidu li Ġesù kellu f’qalbu lid-dixxipli u l-appostli tiegħu, biex jifhmu li l-persekuzzjoni tiegħu u tagħhom ibiddluha fit-tajjeb. Il-ħsara ssir meta hi tbiddilna u twebbisna. Ġesù ma għamilx hekk iżda dawwar il-persekuzzjoni tiegħu f’maħfra lil dawk li kienu qegħdin isallbuh.
Il-Bini tas-Soċjetà
Ġesù jitkellem ukoll fuq il-bini tas-soċjetà u jħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jagħtu s-sehem tagħhom ħalli jibnu soċjetà aħjar. In-Nisrani, għalkemm irid jaħseb u jittama fil-ħajja ta’ dejjem, sakemm idum hawn għandu r-responsabbiltà anki tas-soċjetà li fiha jgħix. U Ġesù jqiegħed tliet Barkiet li mingħajrhom ma tistax tinbena s-soċjetà umana: Ġuħ u għatx għall-Ġustizzja; li wieħed iħenn u li jġib il-Paċi.
Huma t-tliet kolonni li fuqhom trid tinbena s-soċjetà. Ovvjament il-kelma ‘ġustizzzja’ hija wiesgħa ħafna fil-komplessità tal-pajjiżi li ngħixu fihom. Iżda hawnhekk Ġesù qiegħed jitkellem fuq dik il-ġustizzja li tħalli spazju lil kull persuna għax id-drittijiet ta’ kull persuna ġejjin mill-istess natura tiegħu, mill-istess dinjità tal-bniedem bħala xbieha ta’ Alla. Kull relazzjoni personali bejn il-bnedmin, kull struttura li tinbena biex dan iseħħ, trid tkun immarkata mix-xewqa ta’ kull bniedem li jkollu ġuħ u għatx tal-ġustizzja anki tal-oħrajn. Kull prinċipju ieħor li wieħed jibda bih – inugwaljanza fid-drittijiet fundamentali, preġudizzji – ma jistgħux jibnu strutturi ta’ Ġustizzja.
Iżda jinbena x’jinbena, xorta jibqgħu numru ta’ nies li jkollhom bżonn li jingħataw l-għajnuna biex id-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa. Dan irid isir kemm fuq bażi personali, kif ukoll fl-istrutturi li jinbnew li jridu jagħmlu allowances għal dawn il-każijiet. Min ikun qed imexxi jrid jibqa’ għajnejh miftuħa għal dawn il-persuni, u jagħmel provvedimenti għalihom. Hemm xi wħud li mingħajr l-għajnuna tal-oħrajn mhux se jinqalgħu mis-sitwazzjoni li jinsabu fiha. Ovvjament din tgħodd ukoll fid-dinja tagħna għar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi għonja u l-pajjiżi fqar.
“Ħenjin dawk li jġibu l-Paċi”: Il-kelma ‘jġibu’ diġà qiegħda turina li l-paċi hija moviment li l-ħin kollu trid tiżviluppa skont is-soċjetà. Il-Paċi ma tiġix weħidha. Hija l-effett ta’ xi kundizzjonijiet li mingħajrhom ma tistax tibni l-paċi: Ġustizzja; Libertà; Verità… Ġesù qiegħed iħeġġiġna biex ilkoll inkunu bennejja tal-Paċi fuq din l-art. Hija missjoni li għandha tmiss lill-Insara iżda wkoll lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Konklużjoni
Naħseb jixraq li f’dan il-Jum, ilkoll nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq il-kontribut tagħna lis-soċjetà, biex nagħrfu jekk hemmx xi ħaġa li Ġesù fil-Barkiet fakkarna fiha, li jiena nkun nista’ nagħmel proponiment li nipprova nibdel għat-tajjeb. Naħseb li hija l-ikbar rigal li nistgħu nagħtu lil pajjiżna proprju fil-Festa tal-Indipendenza. Aħna lkoll nagħfsu fuq il-valuri kemm irridu nrawmuhom fis-soċjetà. Naħseb li dan li għidt huwa prova li fil-Kelma t’Alla nistgħu nsibuhom dawn il-valuri anki jekk wieħed ma jemminx. Inkella, bħalma jiġri, il-kelma ‘valuri’ tibqa’ biss cliche’ bla għemil definittiv, anzi b’tifsira vaga.