Konkatidral ta’ San Ġwann
24 ta’ Frar 2013
llum il-Mulej f’dan il-Ħadd tana tlett lezzjonijiet li naħseb nista’ nżidhom ma’ dak li qalu dawn iż-żewġt għarajjes.
Fl-ewwel lezzjoni (Ġen 15, 5-12,17-18) rajna li Alla l-Imbierek għamel wegħda ma’ Abram. Abram kien l-ewwel wieħed li, permezz tiegħu, Alla daħal biex jibqa’ fl-istorja tagħna. Abram kellu tifel, Iżakk, u minnu ħareġ ġens kbir. Rajna b’liema qawwa Abram ried li jsegwi dak il-patt li Alla l-Imbierek għamel miegħu. Imaġinawh, għax dak iż-żmien hekk kien ikun il-patt: kienu joqtlu l-annimali mbagħad hu imur f’nofshom biex dak jibqa’ bħala offerta sabiha lil Mulej. Imbagħad Alla l-Imbierek qallu: “Se nagħtik din l-art u ħudli ħsiebha”. U din l-art baqa’ jieħu ħsiebha.
L-ewwel Riflessjoni: Intom ukoll bħal Abraham. Alla fis-sagrament taż-żwieġ se jagħmel patt magħkom u dan il-patt mhux se jinkludi l-art – kieku kienet tkun tajba wkoll – imma d-don ta’ kull wieħed u ta’ kull waħda lil xulxin. Fil-mument taż-żwieġ, u ifhmuha sew, intom tkunu qegħdin tirċievu lil-għarus jew l-għarusa tiegħek minn idejn Alla l-Imbierek. Ftakru f’xulxin bħala don ta’ Alla, ghax intom temmnu. Hekk Alla jkun jista’ jghinkom bil-grazzja tieghu.
Qed niftakar f’ koppja li kienu għarajjes u kellhom problema, għax ma setgħux iċemplu lil xulxin minn fuq ix-xogħol, għax ix-xogħol tagħhom ma kien jippermettilhom. Illum iktar faċli li dan isir. X’għamlu? Ara l-imħabba kif tivvinta l-affarijiet! Ħasbu biex fid-disgħa ta’ filgħodu it-tnejn ikunu qed jgħidu talba għal xulxin biex huma jibqgħu maqgħudin. Iktar ma jkollna lil xulxin f’moħħna fl-imħabba tagħna iktar tkun ħaġa sabiha. Allura jiena nipproponi, li intom, qabel ma torqdu, u kif tqumu fil-għodu, tgħidu: “Mulej, grazzi għal din il-persuna li tajtni f’ħajti.” Biex tiftakru li din hija don ta’ Alla. Bħalma Alla lil Abraham qallu: “Ħu ħsieb”, Alla lil kull wieħed u waħda minnkom se jgħidilkom: “Ħu ħsieb ta’ dan l-għarus li tajtek, ħu ħsieb ta’ din l-għarusa li tajtek għax din hija don tiegħi”. U għalhekk biċ-ċajt jiena ngħid: tinsewx li għandkom tlett kunjati: tnejn tas-soltu imbagħad ikollok kunjatu li hu Alla l-Missier li lilna se jistaqsina kif ħadna ħsieb ta’ xulxin.
It-tieni, bil-grazzja tal-Mulej, il-quddiem ikollkom id-don tat-trabi. Dan huwa wkoll don, Alla se jħallilkom it-trabi f’idejkom, ħudu ħsiebhom. Jiena ngħidilkom anke fil-bidu ta’ meta tiżżewġu, timmirawx għal ftit imaħħba għax it-tfal iridu jitgħallmu minnkom x’inhi l-imħabba. Immiraw għal ħafna imħabba: dik id-delikatezza ta’ l-imħabba, il-mod kif titrattaw lil xulxin, il-mod ta’ kif naħfru lil xulxin, kif qalulna ż-żewġ għarajjes fil-bidu. Imma intom ftakru li l-imħabba tagħkom mhijiex takom biss, l-imħabba tagħkom – ippermettuli l-kelma – Alla se jużaha għal kull bniedem li se jiġi fid-dinja. Għalhekk aħdmu ħafna fuq l-imħabba ħalli t-trabi jitwieldu u jitrabbew ukoll fil-kuntest ta’ l-imħabba tagħkom.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum S. Pawl (Fil 3,17-4,1) lin-nies ta’żmienu qed jgħidilhom: “Aħna pajżani tas-sema pajjiżna”. Ħa npoġġieha f’dan id-dawl. Hemm diversi li jiżżewġu bil-Knisja u jiżżewġu b’quddiesa imma ma jkunux għadhom ħadu d-deċiżjoni li huma jkunu pajżani tas-sema pajjiżna. Ikunu għadhom rridu jgħixu s-sagrament taż-żwieġ bl-ideat li għandhom f’moħħom minn dak li jaraw fuq it-TV, jes dak li jisimgħu fil-medja. Kif tista’ tgħix grazzja daqshekk kbira jekk inti ma tippruvax li tkun verament pajżan tas-sema pajjiżna? U nixtieq ngħidilkom ukoll li l-ewwel grazzja taż-żwieġ li se tirċievu hija fuq l-altar. Tħalluhiex tkun l-ewwel u l-aħħar grazzja. Ħeġġu lil xulxin għal dak li huwa tajjeb, ħeġġu lil xulxin għal Alla l-Imbierek. Tħallu xejn ifixkilkom,: “żommu iebes”, kif jgħidilna S. Pawl. L-imħabba jekk tkun verament sostnuta tajjeb hija ħafna iktar qawwija minn kull tfixkil li jista’ jkun hemm. Imma irid ikun hemm imħabba qawwija li dejjem tiġi sostnuta.
U l-aħħar ħsieb li xtaqt naqsam magħkom huwa fil-Vanġelu tal-lum (Lq 9,28-36). Tiftakru li fil-Vanġelu kellna dik li ngħidulha it-transfigurazzjoni, kelma li tidher tqila imma mhi tqila xejn. Transfigurazjoni. L-ewwel bdew jarawh lil Ġesù Kristu bħala bniedem, f’daqqa waħda fuq dik il-muntanja nbidel u bdew jarawh bħala Alla. Dik tfisser transfigurazzjoni. U għaliex għamililhom? għax din hi importanti. Hu kien jaf, li dawn l-appostli li kienu mexjin miegħu, kienu mexjin biex minn hawn u ftit ieħor kienu se jarawh fuq is-salib. Allura Ġesù qal: irrid insaħħaħhom ħalli huma jaraw verament lejn xiex qed nimmira jien” u għalhekk dehrilhom biex jagħtihom il-kuraġġ.
Ħuti għarajjes, għandna bżonn dan il-kuraġġ. Ħuti għarajjes, għandna bżonn li l-Mulej jidħol fil-ħajja tagħna. Ħuti għarajjes, għandna bżonn li aħna mmorru il-quddies ħalli hemmhekk il-ħajja tagħna tinbidel bħal ma nbidlet tal-appostli. Kultant, taf x’jiġri? Ħa nkun daqsxejn negattiv. Kultant iħalluha tiġi fit-tarf il-problema, imbagħad jiġu għandek meta kollox ikkollassa, meta ikun spiċċa kollox. Le, Alla mhux hekk irid jimxi magħkom! Fil-quddiesa għandkom il-qawwa tas-sagrament tal-Ewkaristija, għandkom il-kelma t’Alla u dawk ma tisgħu tehduhom minn imkien ieħor, ħlief jekk intom tiddeċiedu minn issa li l-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd tkun parti mill-mixja tagħna.
Ħuti għarajjes nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom, u lil kull koppja, li dak li jagħmel il-Mulej magħkom u fikom b’mod daqshekk tal-għaġeb, intom tgħixuh ukoll b’mod daqshekk sabih.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta