KonKatidral ta’ San Ġwann

23 ta’ Frar 2012

Ħuti,

Il-laqgħa tagħna din is-sena għamilniha propju fil-bidu tar-Randan; fl-Erbgħa tal-Irmied. Għamilna l-irmied fuq moħħna biex ngharfu l-verita, il-verita li hemm tistenniena f’ħajja  differenti, għax dik ta’ din l-art tintemm bħal ma jintemm l-irmied.  Bdejna din il-mixja li se teħodna għal misteri kbar tat-tbatija, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu.

Għalhekk il-Vanġelu tal-lum (Lq 9, 22-25) beda propju b’din l-istqarrija ta’ Ġesu quddiem id-dixxipli tiegħu.  U tant kienet stqarrija qawwija, li dawk li kien hemm madwaru, id-dixxipli tiegħu, iktar issaħħew fil-fehma taghhom li jimxu warajh.  Umeta nitkellmu fuq ir-randan nitkellmu fuq din il-mixja. Fir-Randan, kull wieħed u waħda mina, wara li jaħseb daqsxejn fuq dak li għamel Ġesu għalina, bata miet u rxoxta, jibda jaħseb u jagħmel il-mistoqsija.  U allura jiena fir-Randan x’irrid nagħmel biex tkun verament mixja wara l-Mulej Ġesu? Tant  hi qawwija din l-għażla li rridu nagħmlu, li kull ħidma li aħna nwettqu trid tkun f’dan id-dawl.

Jekk dan ngħiduh għal kollox, għal hajja ta’ kull wieħed u waħda minna, ovvjament aħna rridu ngħiduh ukoll ghal0l-ħidma li intom twettqu fil Knisja permezz tal-organizzar, u s-sagrifiċċji kbar li jsiru biex ikun hemm festi sbieħ.  U allura xtaqt li naqsam magħkom x’jgħidilna l-Mulej Ġesu imbagħad nippruvaw napplikawh ukoll għal xi deċiżjonijiet dwar dak li ghalih intom tatu ħafna mill ħin tagħkom.

Fil-lezzjonijiet tal-lum aħna rajna żewġ affarijiet li huma fundamentali. L-ewwel waħda kienet fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Dt 30, 15-20).  Immaġinaw dan il-poplu Lhudi, qasam id-deżert, issa qiegħed qrib ħafna ta’ l-Art Imwiegħda u qabel ma jidħlu fl’Art Imwiegħda, Mose jagħmlilhom il-mistoqsija f’isem Alla l-Imbierek.  Jiena quddiemek qed inpoġġilek kemm it-tajjeb, kemm il-ħażin; quddiemek għandek dak li jwassal u dak li ma jwassalx. U qiegħed iħeġġeġ lil poplu Lhudi biex jagħżel li jimxi wara l-Mulej u jispjegalu x’inhi din it-triq. U din it-triq hija li tħobb lil Alla tiegħek u timxi fuq id-digrieti tiegħu.  Ħuti, din hi l-ewwel proponimet li kull wieħed u waħda minna fil-bidu tar-Randan irid jagħmel:  f’dan ir-Randan, Mulej, jien  se nagħżel il-ħajja, li hi l-ħajja tiegħek. F’dan ir-Randan, Mulej, jiena kull ma se nagħmel se nagħmlu f’ismek u għalik ħalli jkun verament jogħġbok. Din hi l-ewwel għażla li kull wieħed u waħda minna irid jagħmel fil-bidu tar-Randan.

It-tieni għażla li rridu nagħmlu hija li aħna nisimgħu l-kliem tal-Mulej Ġesu li ghaddielna illum u nippruvaw inwettquh.  U Ġesu huwa ħafna iktar radikali, imur fl-għeruq ta’ dik li hija l-ħajja tagħna. U allura jgħidilna x’tfisser tmur wara l-Mulej Ġesu. Lid-dixxipli, l-ewwel qalilhom ċar li se jarawh imsallab, biex huma ma jibżgħux meta jarawh hekk, għax imbagħad ikunu jafu li se jqum. Imbagħad qalilhom x’jippretendi minnhom u minna.  U qalilhom dawn l-affarijiet:

1. Il-Valur tal-Ħajja tagħna

L-ewwel ħaġa: il-valur tal-ħajja tagħna. X’jiswielu l-bniedem jekk jgħix ħajja twila fuq din l-art imma mbagħad ma jgħaddiex għall-ħajja ta’ dejjem!  X’inhu ż-żmien fuq din l-art paragunat mal-eternita`!  U dan huwa l-ewwel dawl ghalina,  li quddiem il-Mulej Ġesu ngħidulu:  Mulej, aħna x-xewqa tagħna hija li nkunu għall-eternita miegħek. Jalla tagħtina ħajja twila fuq din l-art għax il-ħajja hija don tal-Mulej u allura nieħdu gost biha imma mhux akkost li aħna nibdluha ma’ l- eternita li int qiegħed twiegħed lilna propju f’dan il-Vanġelu tal-lum.  U allura l-Mulej Ġesu jispjegalna żewġ affarijiet li huma importanti ħafna.  Jgħidilna: “min irid jimxi warajja irid jiċħad lilu nnifsu, jerfa s-salib tiegħu ta’ kuljum u jimxi warajja”. Jiġifieri l-ewwel pass li qed igħidilna l-Mulej biex l-eternita tkun tagħna, hija li aħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum naraw dak li ma jwassalx għalih.  Għaliex iż-żmien tar-Randan  huwa żmien ta’ ġlieda ġo fina kontra dak li hu ħażin, allura niġġieldu din il-ġlieda u nimxu wara l-Mulej akkost li din il-mixja wara l-Mulej tfisser ukoll li rrid ngħaddi mis-salib.  In-nisrani, biex jakkwista l-ħajja ta’ dejjem ma jistax jilgħab mal-ħajja tiegħu fuq din l-art, imma jrid jagħżel li dak li mhux tajjeb jiċħdu, dak li hu tajjeb jilqgħu, u jimxi wara l-Mulej allavolja dan ikun ifisser li hu jkollu jagħmel sagrifiċċji fil-ħajja tiegħu. Dan hu s-salib.

2. Inħallu Spazju lill-Mulej

It-tieni ħaġa li jgħid l-Mulej Ġesu hija li inti trid tħalli spazju lil-Mulej fil-ħajja tiegħek, trid tagħtih biċċa minn hajtek. Jiġifieri, biex nieħdu daqsxejn ta’ eżempju. Nagħtu każ jiena nagħmel intenzjoni li nixtieq li nitlob kuljum.  L-ewwel ħaġa li rrid nagħmel nieħu ż-żmien tiegħi, nieħu biċċa minnu, noffrih lill-Mulej u ngħidlu:  Mulej, din il-kwarta hi għalik.  Jew inkella xi ħaġa ta’ matul il-ġimgħa:  din in-nofs siegħa hi għalik, Mulej,  għax jien se nagħtihielek  biex inkun nista’ nużaha ħalli ningħaqad miegħek.  Allura Ġesu jgħidilna : min irid isib ħajtu l-ewwel irid jitlifha;  min irid jitlob, l-ewwel irid jibdel dik il-biċċa ta’ ħajtu li fiha is-soltu jagħmel xi ħaġa oħra, u issa jagħmilha ghall-Mulej.  Jekk irrid nimxi wara l-Mulej irrid noffri xi biċċa minn ħajti lill-Mulej, ħalli nagħmel il-ġid.

Ħuti, din hija l-mixja li jiena u intom f’dan ir-Randan qed niġu mistiedna li nagħmlu: l-ewwel l-għażla u t-tieni ħaġa, li nimxu fuq il-passi li qalilna l-Mulej.  Kif ser napplikawha din il-Kelma tal-Mulej għall-hajjja taghna personali u ghall-ħajja ta’ bejnietna bħala soċjeta.  Ma tantx jagħmel sens li jkollok xi wħud mis-soċjeta li jkunu qed jgħixu dan il-valur, imma s-soċjeta fiha nfisha ma tkunx qed tagħmel din il-mixja biex aħna lkoll nersqu lejn il-Mulej.  U allura qed nipproponi tlett affarijiet.

L-ewwel ħaġa: kemm hu sabih li kull soċjeta bil-membri tagħha tagħmel din l-għażla u nkunu nistghu nghidu: “Mulej il-ħidma tagħna fis-soċjeta se tkun għalik u skont id-digrieti tiegħek, fl’għemil, fil-kliem, fil-ħsieb.”  Is-soċjeta tagħna tkun immarkata  minn din l-għażla li nagħmlu: Mulej is-soċjeta tagħna trid timxi fuq il-passi tiegħek u se tagħżel it-tajjeb. Mhux se tħawwad it-tajjeb u l-ħażin. Ma jfissirx li ma niżbaljawx, imma tizbalja fil-mument u terġa tieħu f’idejk it-triq u terġa timxiha.  Mela din hija l-ewwel proposta,  li kull soċjeta tagħna tghid quddiem Alla l-Imbierek: “Mulej aħna għażilna t-tajjeb, dak li mhux tajjeb aħna se nippruvaw nimbuttawh  barra minna biex ma jibqax ifixkilna”.

It-tieni ħaġa li jiena qiegħed nipproponi:  tiftakru xi qrajna: min jitlef ħajtu isibha.  U intom dak ix-xogħol kollu li tagħmlu biex tippreparaw il-festa, mhijiex qieskom qegħdin tieħdu parti minn ħajitkom volontarjament u bi spirtu tajjeb, biex imbagħad toffruha halli l-festa tkun iktar sabiha u aktar qaddisa?   Allura l-proposta tieghi hija din: kif se tagħmel soċjeta biex fil-membri tagħha meta jkunu qegħdin jaħdmu, qed jagħtu mill-ħin tagħhom, joffruh verament lil Alla l-Imbierek?  Nghidu talba qabel ma nibdew il-hidma tagha, ma niddejqux ngħidu kelma tajba biex nersqu lejn il-Mulej. Hekk dak il-ħin li jien inkun tajt b’tant sagrifiċċju,  verament ikun ħin – ippermettuli l-kelma – mhux moħli għax ikun biss uman, imma ikun investiment fil-ħajja ta’dejjem għaliex fih jiena inkun qed nara r-rieda tal-Mulej. Hekk inkun qed inhejju festa għall-Mulej, hekk inkun qed nagħmel festa biex sħabi l-oħrajn ikunu jistgħi jifirħu fiha u fil-Mulej.

It-tielet proposta li xtaqt li nagħmel hawnhekk illum hija li kull qaddis jew qaddisa, ibda minn Sidtna Marija ibqa’ sejjer fil-qaddisin kollha, saru qaddisin għaliex semgħu lil Mulej jgħid fil-bidu li hu jrid ibati, imut u jerġa jqum mill-imwiet,u  ħaduh bħala sinjal tal-mixja tagħhom wara Kristu. U allura xtaqt nipproponi li dak il-qaddis protettur tagħna (jew qaddisa), li tieghu inkunu qeghdin nagħmlu l-festa tiegħu, jidhol f’qalbna u ma nibqgħux biss fil-qoxra ta’ barra.  Għaliex l-istatwa sabiha, imma tasal sal-qoxra. L-istatwa trid tispirana biex l-ispirtu tal-qaddis jidħol ġewwa moħħna.  Allura x’qegħdin nagħmlu bħala soċjeta biex il-qaddis tagħna minbarra li aħna nifirħu bih, nitgħallmu wkoll minn għandu?  Kemm hu sabih kieku kull wieħed u waħda minna, kull soċjeta tgħid:  San u bl-isem tiegħu, Santa u bl-isem tagħha, ħa neħdu bħala eżempju l-Madonna għax hi l-ikbar waħda,  Sidtna Marija għallimna x’kien dak li wasslek wara l-Mulej Ġesu għax aħna lkoll rridu nitgħallmu.  Kemm hu sabih, ħuti, li tiehdu hsieb il-formazzjoni tal-membri tagħkom fl-ispiritwalita`,  għax fuq kollox aħna x’nemmnu bħala Knisja? Nemmnu li l-akbar ferħ tagħna hu li xi darba niltaqgħu fil-ġenna. U dan għandu jkun il-ferħ ukoll ta’ kull soċjeta`. Kemm hu sabih li l-membri tas-soċjeta li tant stinkaw flimkien f’din id-dinja biex jagħmlu l-festi lil qaddisin, jiltaqgħu lkoll għand il-Mulej fil-ġenna,  anke għaliex il-ħidma, u s-sagrifiċjju li jkunu għamlu inkunu  ghamluhom ghalih offrewhom lilu.

Jalla l-Mulej  jagħtina li dan ir-Randan ikun okkażjoni biex dawn it-tlett proposti li għamilt jiena terġgħu tirriflettu fuqhom bħala soċjetajiet u taraw jekk tistgħux tieħdu xi ħaġa minnhom biex tkunu tistgħu dejjem iktar tagħmlu li l-festi ikollhom verament post den fil-mixja spiritwali ta’ kull parroċċa u tal-pajjiż tagħna kollu.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta