Dipartiment tal-VAT, Birkirkara
25 t’April 2013
Mill-ewwel lezzjoni tal-lum, nistgħu naraw San Pietru kif inbidel, ma nafx indunajtux. Tiftakru meta Ġesù lil San Pietru ried jaħsillu riġlejh, u jgħidlu, “Le ma rridekx li taħsilli riġlejja”. Ġesù jgħidlu jiena fl-aħħar mill-aħħar se nispiċċa msallab, ma rridx li inti wkoll tispiċċa msallab. Illum qed nisimgħu lil San Pietru, f’waħda mill-ittri tiegħu kollu ħlewwa ħierġa minnu, bit-tjubija ħierġa minnu, għax San Pietru imbidel. Għalhekk illum xtaqt insemmilkom 3 affarijiet li jgħid San Pietru, issa li mbidel.
L-ewwel waħda: “Kunu umli ma’ xulxin”. X’jiġifieri nkunu umli ma xulxin? Umli ma’ xulxin tfisser li tqis lill-oħrajn daqsek. Jiġifieri
jekk wieħed jaħseb li huwa ikbar minn ħaddieħor, pereżempju xi Isqof, ikun qiegħed jgħix gidba. Għax quddiem il-Mulej aħna l-istess, iħobbna lkoll. Ġieli jkun hemm xi ħadd jgħidli, “isma, itlob għalija għaliex it-talb tiegħek jasal.” Ngħidilhom, “mhu veru xejn”, jien niġbor it-talb tan-nies, imma il-Mulej, iħares lejn it-talb tagħna indaqs. Jien, l-iktar ħaġa li tgħini biex nħobb lil-kulħadd, hu l-fatt li darba għamilt għażla f’ħajti: jiena rrid nara x-xbieha t’Alla f’kull persuna. Wkoll meta jkun hemm min jgħid: u kemm hu antipatku, kemm hi antipatka, Trid tiftakar li l-Mulej xorta jħobbha lil dik il-persuna. Jiġifieri, jekk jien ma nħobbhiex, jien hu Alla nkunu kontra xulxin. Alla qed iħobbha dik il-persuna, hi min hi, u jien mhux qed inħobbha.
It-tieni ħaġa li jgħid San Pietru lill-Insara ta’ dak iż-żmien: “kunu qrib tal-Mulej”. Naħseb hemm x’uħud minna, jibżgħu jersqu lejn il-Mulej. U San Pietru qed jgħidilhom, “x’għandkom tibżgħu mill-Mulej?” Għat-taljani jgħidu, li jersqu lejn il-Knisja to be hatched, meta jitwieldu; to be matched, meta jiżżewġu; and to be dispatched, meta inti tmut! Irridu noqogħdu attenti li r-reliġjon tagħna ma tispiċċax hekk! Aħna rridu nkunu ħbieb t’Alla. Lil Alla rridu nitaqgħu miegħu fit-talb. Għakehh immorru l-quddies il-Ħadd. il-Ħadd huwa maħsub għalina, mhux għalih, biex ifakkarna li għall-anqas f’din il-ġurnata irridu nitolbu. Fil-quddiesa tal-Ħadd Ġesù jagħtina l-Kelma tiegħu. Hekk nitgħallmu xi ħaġa ġdida li konniex nafuha qabel, u jagħtina wkoll l-Ewkaristija. Jekk wieħed ma jmurx il-quddiesa tal-Ħadd dawn se jitlifhom. Jiġifieri, lil Alla l-imbierek irridu nuruh li nħobbuh, dawn l-affarijiet nagħmluhom.
U t-tielet ħaġa hija, biex inti timxi dejjem lejn it-tajjeb, bħal nieħdu eżempju, biex tagħmel xi ħaġa tajba, xi trid tagħmel? Trid tneħħi l-ħażin. U hekk qed jgħid San Pietru, “Ieqfu sħiħ fil-fidi, se ssibu affarijiet li jfixklukom”, imma n-Nisrani ma jistax jintelaq għal li jista’ jiġri, jekk ġie t-tajjeb ġie t-tajjeb jagħmel it-tajjeb, u jekk ġie l-ħażin jagħmel il-ħażin. Ma nistgħu nħallu xejn li jtebbgħalna l-qalb tagħna. Hawnhekk San Pietru qed jgħid le, ‘il-ħajja tiegħi hija ġlieda kontra dak li jista’ jfixkilni’. Idħlu fil-ġlieda, tibżgħux minnha, għax inkella nkunu qed nintelqu u nsiru bħall-oħrajn.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Ritratt: Photocity