-
Archbishop’s message during his visit at Zammit Clapp Hospital
-
Sptar Zammit Clapp, il-Balluta
23 ta’ Marzu 2014Bħalma qalilkom l-kappillan fil-bidu, jiena qiegħed hawn għaliex wieħed mill-uffiċċji li l-Papa jagħti lil kull Isqof hu biex iżur il-parroċċi kollha. F’Malta hawn sebgħin parroċċa, jiena żort 64 u għad fadalli l-aħħar sitta. Hi esperjenza sabiha għax inkun nista’ niltaqa’ man-nies bħalma qiegħed niltaqa’ magħkom. U għalhekk f’dawn il-ġranet itolbu għall-parroċċa tal-Balluta li intom tagħmlu parti minnha biex il-Mulej jagħti l-grazzja lilhom u lili ħalli joħroġ ħafna ġid minn din il-Viżta li jiena qed nagħmel.
Fil-Liturgija tal-Kelma tal-lum naraw fl-ewwel lezzjoni (Eż 17, 3-7) kemm għandna għaliex nirringrazzjaw lill-Mulej. Il-poplu li Alla kien ħareġ mill-Eġittu f’daqqa waħda beda jgerger kontra Alla u kontra Mose għax ma kellhomx ilma. Alla l-Imbierek qal lil Mose biex iħabbat fuq il-blata u minnha ħareġ l-ilma. Dan il-miraklu jurina li kollox ġej minn Alla l-Imbierek, kollox huwa providenza, dak li l-Mulej jagħtina biex aħna nkunu nistgħu ngħixu tajjeb U kultant ingergru aħna wkoll! Kemm hu sabih li kultant nirringrazzjaw lill-Mulej għal dak li jkun tana, ħafna drabi dak li jkollna bżonn ta’ kuljum.
Fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 4, 5-42) għandna storja oħra, tal- mara Samaritana. Niftakru li dawn ma kienux jitkellmu mal-Lhud. Din is-Samaritana marret ħdejn il-bir u Ġesù jibda hu jkellimha. Ifhmu daqsxejn l-imħabba ta’ Ġesù. Ma qalx: ‘għaliex il-Lhud ma jkellmux Samaritana, jiena ma nkellimiex’. Anzi qalilha: ‘jiena għalhekk ġejt hawnhekk propju għal dawk in-nies li jkunu qed jgħixu l-bogħod mill-Mulej’. U hemmhekk bdew jitkellmu fuq l-ilma u f’daqqa waħda Ġesù jgħidilha lil din il-mara: ‘Mara, int qed tfittex l-ilma ta’ din l-art u sewwa tagħmel għax għandna bżonnu, imma hemm ilma ieħor li jeħtieġ li inti stess tmur tfittxu. U dan l-ilma l-ieħor nista’ nagħtihulek jiena biss’ qalilha Ġesù. U dan huwa l-ilma li għandna bżonn għall-ħajja spiritwali tagħna, għal ruħna. Kemm hu sabih li aħna li nilqgħu kollox mill-providenza t’Alla, imma kemm hu sabih li aħna, bħal dik il-mara Samaritana, ngħidu lill-Mulej, ‘Mulej, kompli tini minn dan l-ilma spiritwali ħalli jien jirnexxieli nibqa’ nimxi warajk’.
Nixtieq li nagħmlu att ta’ ringrazzjament quddiem Alla l-Imbierek, u kull wieħed u waħda minna jgħidlu: ‘grazzi, Mulej, jien li qiegħed hawn jew qiegħda hawnhekk, qiegħed nagħti glorja lilek u qiegħed qrib tiegħek, nirringrazzjak għal dan l-ilma ħaj li inti tajtni: l-Ewkaristija, il-kelma t’Alla, il-magħmudija’. Dan kollu tahulna l-Mulej, huwa l-ilma ħaj biex aħna nibqgħu nimxu warajh. U allura nirringrazzjawh lill-Mulej għaliex tant iħobbna li kien jaf li weħidna mhux se naslu għalhekk bagħat lil Sidna Ġesù Kristu, lil Ibnu, biex ikun jista’ jagħtina dan l-ilma ħaj. Innunajtu f’daqqa waħda x’sar? Ġesù baqa’ jumejn hemmhekk u n-nies bdew imorru bi ħġarhom għand Ġesù. Lis-Samaritana bdew jgħidulha: ‘aħna l-bieraħ bdejna nemmnu fih għaliex għidtilna int imma issa li ltqajna miegħu qegħdin nemmnu għax aħna stess smajnih’. U din hija l-grazzja li Sidna Ġesù Kristu jagħtina. Allura llum anke f’din il-quddiesa nirringrazzjaw lill-Mulej għal tant grazzji li tana biex aħna wasalna hawn illum u qegħdin flimkien nagħtu qima lill-Mulej.
U San Pawl fit-tieni lezzjoni (Rum 5, 1-2,5-8) qiegħed jirrifletti. Aħna naraw lil Sidna Ġesù Kristu qiegħed imsallab fuq is-salib. Hija waħda mill-ikbar immaġini li aħna jkollna quddiemna. Imma San Pawl qed jagħmel riflessjoni din id-darba mhux fuq Kristu imma fuqna. U qed jgħid hekk S Pawl. ‘Huwa diffiċli li inti tmut għal wieħed tajjeb allavolja forsi wieħed jista jagħmlu dan, imma Ġesù kien speċjali għaliex miet għalina lkoll meta aħna konna midinbin’. U Ġesù kien jaf li weħidna m’aħniex kapaċi noħorġu mid-dnub, allura x’għamel? Ġie fostna, sar bniedem fostna, għex fostna u fl-aħħar ta’ ħajtu, u ħalla lil dawk li kienu qegħdin madwaru biex lilu jsalbuh ħalli lilna jagħtina l-grazzja tas-salvazzjoni.
Kemm hu kbir Alla l-Imbierek! Ma taniex biss grazzja għal meta nkunu tajbin miegħu, ħbieb miegħu, imma tana grazzja ikbar għal meta ma nkunux ħbieb miegħu għax inkunu dnibna. Hu kien jaf li weħidna ma nistghux naqilgħu l-maħfra, allura ħalla lil Ġesù jgħaddi mit-tbatija u mill-mewt f’isimna għax id-dnubiet kienu tana mhux tiegħu, biex lilna jkun jista jagħtina l-grazzja tal-maħfra.
Għalhekk illum,ħuti, għandna tlett raġunijiet għaliex nirringrazzjaw lill-Mulej. L-ewwelnett għall-providenza tiegħu. Il-Mulej jagħtina dak kollu li għandna bżonn. It-tieni nirringrazzjawh għaliex tana, permezz tas-sagramenti, dak l-ilma ħaj li huwa wiegħed lis-Samaritana li kapaċi jwassalna għal ħajja ta’ dejjem. U nirringrazzjawh għaliex Sidna Ġesù Kristu patta għad-dnubiet tagħna lkoll meta konna midinbin biex noħorġu mid-dnub. Allura nirringrazzjawh għaliex f’isimna huwa tana l-qawwa li għandna bżonn u l-maħfra tad-dnubiet, li aħna bħala bnedmin dgħajfin aħna s-soltu nagħmlu.
Ejjew lill-Mulej ngħidulu grazzi ta’ kollox u nagħmlu mument ta’ riflessjoni, naħsbu daqsxejn, biex imbagħad inkunu nistgħu nkomplu bil-quddiesa.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta